Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 9:1-43

  • Sawl fi triqtu lejn Damasku (1-9)

  • Ananija jintbagħat biex jgħin lil Sawl (10-19a)

  • Sawl jipprietka dwar Ġesù f’Damasku (19b-25)

  • Sawl iżur Ġerusalemm (26-31)

  • Pietru jfejjaq lil Enea (32-35)

  • Tiġi rxoxtata l-mara ġeneruża Dorka (36-43)

9  Imma Sawl kien determinat li jġiegħel lid-dixxipli tal-Mulej ibatu u joqtolhom. Għalhekk mar għand il-qassis il-kbir 2  u talbu biex jagħtih ittri ħalli jurihom lis-sinagogi f’Damasku. B’hekk, l-irġiel u n-nisa li jsib li jagħmlu parti mit-Triq* ikun jistaʼ jarrestahom u jiħodhom Ġerusalemm. 3  Hekk kif kien qed jivvjaġġa u kważi wasal Damasku, f’daqqa waħda beda jiddi madwaru dawl mis-sema. 4  Hu waqaʼ mal-art u semaʼ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?” 5  Hu qal: “Min int, Sinjur?” Wieġbu: “Jien Ġesù, li int qed tippersegwita. 6  Issa qum u mur fil-belt. Hemmhekk se jintqallek xi trid tagħmel.” 7  L-irġiel li kienu qed jivvjaġġaw miegħu baqgħu mbellhin, għax huma bdew jisimgħu leħen, imma ma raw lil ħadd. 8  Imbagħad Sawl qam, imma għalkemm għajnejh kienu miftuħin, ma setaʼ jara xejn. Għalhekk, huma qabduh minn idu u ħaduh Damasku. 9  Hu għamel tlett ijiem ma jarax, u la kiel u lanqas xorob. 10  F’Damasku kien hemm dixxiplu jismu Ananija, u l-Mulej deherlu f’viżjoni u qallu: “Ananija!” Hu wieġbu: “Hawn jien Mulej.” 11  Il-Mulej qallu: “Qum, mur fit-triq li jgħidulha d-Dritta, u fid-dar taʼ Ġuda staqsi għal raġel jismu Sawl, li hu minn Tarsu. Għax hu qed jitlob, 12  u f’viżjoni rak dieħel u tpoġġi jdejk fuqu ħalli jkun jistaʼ jerġaʼ jara.” 13  Imma Ananija wieġbu: “Mulej, smajt mingħand ħafna nies dwaru u dwar il-ħsara kollha li għamel lid-dixxipli* tiegħek f’Ġerusalemm. 14  U hawnhekk hu ngħata l-awtorità mingħand il-qassisin importanti biex jarresta* lil kull min jafda f’ismek.”* 15  Imma l-Mulej qallu: “Mur, għax jien għażilt lil dan ir-raġel biex jagħti xhieda dwar ismi lill-popli, lir-rejiet, u lill-Iżraelin. 16  Jien se nurih b’mod ċar kemm se jkollu jbati minħabba ismi.” 17  Għalhekk Ananija mar, daħal fid-dar, poġġa jdejh fuqu, u qallu: “Ħija Sawl, il-Mulej Ġesù li deherlek fit-triq li kont ġej minnha bagħatni biex int tkun tistaʼ terġaʼ tara u jkollok l-ispirtu qaddis.” 18  U mill-ewwel waqaʼ bħal qxur minn għajnejh u reġaʼ beda jara. Imbagħad qam u tgħammed. 19  Wara, kiel u reġaʼ ħa saħħtu. Hu qagħad għal xi ġranet mad-dixxipli f’Damasku, 20  u mill-ewwel mar jipprietka fis-sinagogi li Ġesù hu l-Iben t’Alla. 21  Imma dawk kollha li kienu qed jisimgħuh kienu mistagħġbin u bdew jgħidu: “Dan mhux ir-raġel li ħarbat lil dawk f’Ġerusalemm li kienu jafdaw f’dan l-isem? Hu mhux biex jarrestahom u jiħodhom għand* il-qassisin importanti ġie hawn?” 22  Imma Sawl kompla jsir iktar effettiv fl-ippritkar. B’raġunar loġiku, hu wera b’mod ċar li Ġesù hu l-Kristu. B’hekk, il-Lhud f’Damasku baqgħu mbellhin. 23  Wara xi żmien, il-Lhud ippjanaw biex joqtluh. 24  Imma Sawl sar jaf b’dan. Huma kienu għassa mal-bibien tal-belt billejl u binhar biex joqtluh. 25  Għalhekk, id-dixxipli tiegħu niżżluh f’qoffa kbira billejl minn ġo fetħa fis-sur. 26  Meta wasal Ġerusalemm, hu pprova jingħaqad mad-dixxipli. Imma kollha beżgħu minnu, għax m’emmnux li kien sar dixxiplu. 27  Għalhekk, Barnaba qabeż għalih u ħadu għand l-appostli. Hu qalilhom fid-dettall kif fit-triq Sawl ra lill-Mulej u kellmu, u kif tkellem bil-kuraġġ f’isem Ġesù f’Damasku. 28  Għalhekk, hu baqaʼ magħhom u vvjaġġa bil-libertà* f’Ġerusalemm, jitkellem bil-kuraġġ f’isem il-Mulej. 29  Hu kien jitkellem u jargumenta mal-Lhud li jitkellmu bil-Grieg. Imma dawn bdew jipprovaw joqtluh. 30  Meta l-aħwa saru jafu b’dan, niżżluh Ċesarija u bagħtuh Tarsu. 31  Imbagħad il-kongregazzjonijiet kollha fil-Lhudija, il-Galilija, u s-Samarija ssaħħu u kellhom perjodu taʼ paċi mingħajr persekuzzjoni. Id-dixxipli komplew jiżdiedu għax huma rrispettaw ħafna lil* Ġeħova* u kienu msaħħin bl-ispirtu qaddis. 32  Hekk kif Pietru kien qed jivvjaġġa fir-reġjun kollu, hu mar ukoll għand id-dixxipli* li kienu joqogħdu f’Lidda. 33  Hemmhekk sab raġel jismu Enea li kien ilu tmien snin fis-sodda, għax kien ipparalizzat. 34  Pietru qallu: “Enea, Ġesù Kristu fejqek. Qum, ifrex soddtok.” U hu qam mill-ewwel. 35  Meta rawh dawk kollha li jgħixu f’Lidda u fil-Pjanura tas-Saron, bdew jemmnu fil-Mulej. 36  F’Ġaffa kien hemm dixxiplu jisimha Tabita u li bil-Grieg hu Dorka.* Hi kienet tagħmel ħafna affarijiet tajbin u tgħin lill-foqra. 37  Imma f’dak iż-żmien, hi mardet u mietet. Għalhekk ħasluha u poġġewha f’kamra taʼ fuq. 38  Meta d-dixxipli semgħu li Pietru kien f’Lidda, li qiegħda viċin Ġaffa, huma bagħtu żewġt irġiel biex jgħidulu: “Jekk jogħġbok, ejja ħdejna malajr.” 39  Għalhekk, Pietru mar magħhom. Meta wasal, ħaduh fil-kamra taʼ fuq. Ir-romol kollha marru ħdejh jibku u juruh ħafna lbiesi u ħwejjeġ taʼ fuq li Dorka għamlet meta kienet għadha magħhom. 40  Imbagħad Pietru bagħat lil kulħadd ’il barra, niżel għarkopptejh, u talab. Wara dar lejn il-ġisem u qal: “Tabita qum!” Hi fetħet għajnejha, u kif rat lil Pietru, qamet bilqiegħda. 41  Hu taha idu u qajjimha. Imbagħad għajjat lid-dixxipli,* inkluż lir-romol, u dawn raw lil Tabita ħajja. 42  Dan sar jaf bih kulħadd f’Ġaffa, u ħafna bdew jemmnu fil-Mulej. 43  U Pietru baqaʼ Ġaffa għal xi żmien għand Xmun il-konzatur.*

Noti taʼ taħt

Din tirreferi għall-ħajja u t-tagħlim taʼ Kristjan.
Letteralment “lill-qaddisin.”
Letteralment “jorbot.”
Jew “jgħajjat lil ismek.”
Letteralment “biex jiħodhom marbutin għand.”
Letteralment “kien jidħol u joħroġ.”
Letteralment “beżgħu minn.”
Letteralment “il-qaddisin.”
L-isem Dorka u l-isem bl-Aramajk Tabita jfissru “Ċerva.”
Letteralment “lill-qaddisin.”
Jiġifieri persuna li kienet tagħmel il-ġilda mill-ġilda tal-annimali mejtin.