Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 16:1-40

  • Pawlu jagħżel lil Timotju (1-5)

  • Pawlu jara raġel mill-Maċedonja f’viżjoni (6-10)

  • Lidja ssir dixxiplu f’Filippi (11-15)

  • Pawlu u Sila jiġu mitfugħin il-ħabs (16-24)

  • L-għassies tal-ħabs u n-nies taʼ daru jitgħammdu (25-34)

  • Pawlu jitlob lill-maġistrati jiskużaw ruħhom (35-40)

16  Hu wasal Derbe u mbagħad Listra. Hemm kien hemm żagħżugħ jismu Timotju. Hu u ommu kienu dixxipli. Ommu kienet Lhudija, imma missieru Grieg. 2  L-aħwa f’Listra u Ikonju kienu jitkellmu tajjeb dwar Timotju. 3  Pawlu xtaq li jieħu lil Timotju miegħu fil-vjaġġ, u għalhekk ħadu u għamillu ċ-ċirkonċiżjoni minħabba l-Lhud t’hemm, għax huma kollha kienu jafu li missieru kien Grieg. 4  Hekk kif ivvjaġġaw minn belt għal oħra, huma qalu lill-aħwa dak li kienu ddeċidew l-appostli u l-anzjani f’Ġerusalemm biex b’hekk ikunu jistgħu jobduh. 5  Għalhekk, l-aħwa fil-kongregazzjonijiet komplew jissaħħu fil-fidi u jiżdiedu jum wara jum. 6  Iktar minn hekk, huma għaddew mill-Friġja u mill-Galazja, għax l-ispirtu qaddis ma ħallihomx ixandru l-aħbar tajba fil-provinċja tal-Asja. 7  Ukoll, meta niżlu l-Misja, huma pprovaw imorru l-Bitinja, imma permezz tal-ispirtu qaddis, Ġesù ma ħallihomx imorru. 8  Għalhekk, għaddew minn ħdejn il-Misja* u niżlu Troas. 9  U billejl Pawlu kellu viżjoni. Hu ra raġel mill-Maċedonja wieqaf quddiemu li beda jitolbu bil-ħniena: “Ejja l-Maċedonja u għinna.” 10  Malli ra l-viżjoni, aħna pprovajna mmorru l-Maċedonja, għax wasalna għall-konklużjoni li Alla kien qed jgħidilna biex immorru nxandrulhom l-aħbar tajba. 11  Għalhekk, tlaqna bil-baħar minn Troas u morna Samotraċja mingħajr ma waqafna mkien, imma l-għada morna Neapoli. 12  Minn hemmhekk morna Filippi, belt Rumana* li hi l-iktar belt importanti tad-distrett tal-Maċedonja. U bqajna f’dik il-belt għal xi jiem. 13  Fis-Sabat ħriġna barra l-belt u morna ħdejn xmara fejn ħsibna li kien hemm post li fih kien isir it-talb. Hemmhekk qgħadna bilqiegħda u bdejna nitkellmu man-nisa li nġabru. 14  Hemm kien hemm mara jisimha Lidja li tqim lil Alla. Din kienet tbigħ drapp vjola li jiswa ħafna u kienet mill-belt taʼ Tjatira. Hi kienet qed tismaʼ, u Ġeħova* għenha* tagħti kas u taċċetta dak li kien qed jgħid Pawlu. 15  Meta hi u tad-dar tagħha tgħammdu, hi ħeġġitna: “Jekk tqisuni leali lejn Ġeħova,* ejjew u oqogħdu għandi.” U insistiet biex imorru għandha. 16  Darba minnhom waqt li konna sejrin lejn il-post tat-talb, iltaqgħet magħna qaddejja li kellha demonju fiha. Permezz tiegħu, din it-tfajla setgħet tgħid il-futur* u minħabba f’hekk is-sidien tagħha kienu qed jaqilgħu l-flus. 17  Din it-tfajla baqgħet timxi warajna, u bdiet tgħajjat u tgħid: “Dawn l-irġiel huma l-ilsiera tal-Alla l-Iktar Għoli li qed ixandrulkom kif tistgħu ssalvaw.” 18  Hi baqgħet sejra hekk għal diversi jiem. Fl-aħħar Pawlu ddejjaq u dar u qal lill-ispirtu: “Nikkmandak f’isem Ġesù Kristu biex toħroġ minnha.” U hu ħareġ minnha dak il-ħin stess. 19  Meta s-sidien tagħha raw li ma jistgħux jaqilgħu iktar flus minnha, huma ħatfu lil Pawlu u lil Sila u kaxkruhom lejn is-suq għand il-mexxejja. 20  Huma ħaduhom għand il-maġistrati u akkużawhom: “Dawn l-irġiel qed jaqilgħu ħafna inkwiet lin-nies tal-belt tagħna. Huma Lhud 21  u dak li qed jgħallmu jmur kontra l-liġi tagħna. Aħna ma nistgħux naċċettawh jew nobduh għax aħna Rumani.” 22  U l-folla kollha ħaditha kontrihom, u l-maġistrati taw il-kmand biex iċarrtulhom ħwejjiġhom u jsawtuhom bil-bsaten. 23  Wara li tawhom ħafna daqqiet, huma tefgħuhom il-ħabs u kkmandaw lill-għassies tal-ħabs biex jagħmlilhom għassa stretta. 24  Peress li ngħata dan il-kmand, hu tefagħhom fiċ-ċella taʼ ġewwa nett tal-ħabs u għamlilhom saqajhom fil-qjud.* 25  Imma xi nofsillejl, Pawlu u Sila kienu qed jitolbu u jfaħħru lil Alla bil-kant, u l-ħabsin l-oħra kienu qed jisimgħuhom. 26  F’daqqa waħda seħħ terremot kbir, tant li l-pedament tal-ħabs theżżeż. Iktar minn hekk, dak il-ħin infetħu l-bibien kollha u nħallu l-ktajjen u l-qjud taʼ kulħadd. 27  Meta l-għassies tal-ħabs qam u ra li l-bibien tal-ħabs kienu miftuħin, hu ħa x-xabla tiegħu u kien se joqtol lilu nnifsu, għax ħaseb li l-ħabsin kienu ħarbu. 28  Imma Pawlu qallu b’leħen għoli: “Tagħmilx hekk, għax aħna kollha hawn għadna!” 29  Għalhekk, hu talab lil xi ħadd biex iġiblu d-dawl u mar fejn kien hemm Pawlu u Sila. Hu beda jitriegħed bil-biżaʼ u nxteħet fl-art quddiemhom. 30  Hu ħariġhom barra u qalilhom: “Sinjuri, x’għandi nagħmel biex insalva?” 31  Huma qalulu: “Għandek temmen fil-Mulej Ġesù biex tiġi salvat, u l-istess għandhom jagħmlu n-nies taʼ darek.” 32  Imbagħad xandru l-kelma taʼ Ġeħova* lilu u lil dawk kollha taʼ daru. 33  U dak il-lejl, hu ħadhom f’post fejn setaʼ jnaddfilhom il-feriti tagħhom. Imbagħad hu u n-nies kollha taʼ daru tgħammdu bla dewmien. 34  Hu ħadhom id-dar tiegħu u tahom x’jieklu, u tgħidx kemm kien ferħan għax beda jemmen f’Alla, u anki n-nies kollha taʼ daru ferħu. 35  Meta sebaħ, il-maġistrati bagħtu lill-gwardji biex jgħidu lill-għassies: “Eħles lil dawk l-irġiel.” 36  L-għassies informa b’dan lil Pawlu u qallu: “Il-maġistrati bagħtu lil xi rġiel biex jeħilsukom. Għalhekk, tistgħu toħorġu u tmorru bil-kwiet.” 37  Imma Pawlu qal lill-gwardji: “Għalkemm aħna Rumani, huma sawtuna quddiem in-nies mingħajr m’għaddewna ġuri* u tefgħuna l-ħabs. U issa jridu joħorġuna bil-moħbi? Le, ma tarax! Ħa jiġu joħorġuna huma stess.” 38  Il-gwardji qalu dan lill-maġistrati u dawn bdew jibżgħu meta semgħu li kienu Rumani. 39  Għalhekk huma marru, skużaw ruħhom magħhom, u wara li ħarġuhom mill-ħabs, talbuhom biex jitilqu mill-belt. 40  Imma wara li ħarġu mill-ħabs, huma marru fid-dar taʼ Lidja. Meta raw l-aħwa, huma inkuraġġewhom u mbagħad telqu.

Noti taʼ taħt

Jew “għaddew mill-Misja.”
Belt li mhijiex fl-Italja imma li ċ-ċittadini tagħha kellhom l-istess drittijiet bħaċ-ċittadini tal-Italja.
Letteralment “fetħilha qalbha beraħ biex.”
Jew “kienet tipprattika l-arti tat-tbassir.”
Jew “mingħajr ma konna kkundannati.”