Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 5:1-42
5 Raġel jismu Ananija u l-mara tiegħu Safira biegħu xi propjetà.
2 Imma hu bil-moħbi żamm xi flus milli qalaʼ u ta l-kumplament lill-appostli, u l-mara tiegħu kienet taf b’dan.
3 Imma Pietru qallu: “Ananija, għala ħallejt lil Satana jinfluwenzak biex tigdeb lill-ispirtu qaddis u bil-moħbi żżomm xi flus li qlajt mill-għalqa?
4 Qabel ma begħtha mhux tiegħek kienet? U wara li begħtha, il-flus stajt tużahom kif trid. Kif ħsibt biex tagħmel xi ħaġa ħażina bħal din? Int ma gdibtx lill-bnedmin biss, imma lil Alla wkoll.”
5 Meta semaʼ dan, Ananija waqaʼ u miet. Kull min semaʼ b’dan beda juri rispett kbir lejn* Alla.
6 Imbagħad iż-żgħażagħ li kien hemm, dawruh f’biċċiet tad-drapp, ġarrewh ’il barra, u difnuh.
7 Wara xi tliet sigħat daħlet il-mara tiegħu, imma hi ma kinitx taf x’ġara.
8 Pietru staqsieha: “Daqshekk begħtuha l-għalqa?” Hi wiġbitu: “Iva.”
9 Għalhekk Pietru qalilha: “Għala ftehemtu bejnietkom biex tittestjaw il-qawwa tal-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova?* Ara, dawk li difnu lir-raġel tiegħek qegħdin fil-bieb, u se joħorġu lilek ukoll.”
10 Dak il-ħin stess, hi waqgħet ħdejn saqajh u mietet. Meta ż-żgħażagħ daħlu u sabuha mejta, ġarrewha ’l barra u difnuha ħdejn ir-raġel tagħha.
11 Għalhekk, il-kongregazzjoni kollha u dawk kollha li semgħu b’dan bdew jirrispettaw ħafna lil* Alla.
12 Iktar minn hekk, l-appostli komplew jagħmlu mirakli u affarijiet tal-għaġeb fost in-nies. Huma kienu jiltaqgħu fil-Loġġa taʼ Salamun.
13 Veru li ħadd iktar ma kellu l-kuraġġ jingħaqad magħhom, imma n-nies bdew ifaħħruhom ħafna.
14 Ammont kbir taʼ rġiel u nisa emmnu fil-Mulej u saru dixxipli.
15 In-nies saħansitra ħadu lill-morda fit-toroq prinċipali u qegħduhom fuq sodod żgħar u saqqijiet. Huma kienu jittamaw li xħin jgħaddi Pietru, jiġu fid-dell tiegħu u jfiqu.
16 Ukoll, folol taʼ nies mill-bliet taʼ madwar Ġerusalemm baqgħu jmorru ħdejhom. Huma ħadu magħhom nies morda u dawk li kienu qed ibatu minħabba li kellhom spirti ħżiena,* u dawn kollha ġew imfejqin.
17 Imma l-qassis il-kbir u dawk kollha li kienu miegħu, li kienu mis-setta tas-Sadduċej, qamu minn posthom b’rabja. Huma bdew jgħiru ħafna.
18 Għalhekk arrestaw* lill-appostli u tefgħuhom fil-ħabs tal-belt.
19 Imma matul il-lejl, anġlu taʼ Ġeħova* fetaħ il-bibien tal-ħabs, ħariġhom, u qalilhom:
20 “Morru fit-tempju u ibqgħu tkellmu man-nies dwar il-ħajja li ġejja.”
21 Wara li semgħu dan, huma daħlu fit-tempju kif sebaħ, u bdew jgħallmu.
Sadanittant, il-qassis il-kbir u dawk li kienu miegħu laqqgħu s-Sinedriju u l-anzjani* kollha t’Iżrael. Huma bagħtu l-gwardji biex iġibulhom lill-appostli mill-ħabs.
22 Imma meta waslu l-ħabs, ma sabuhomx hemm. Għalhekk, marru lura u qalulhom:
23 “Il-ħabs kien imsakkar sew u l-gwardji kienu mal-bibien, imma meta ftaħna ma sibna lil ħadd ġewwa.”
24 Meta semgħu dan, il-kap tat-tempju u l-qassisin importanti tħawdu minħabba dak li setaʼ jiġri.
25 Imma xi ħadd mar għandhom u qalilhom: “L-irġiel li tfajtu l-ħabs qegħdin fit-tempju jgħallmu.”
26 Imbagħad il-kap tat-tempju u l-uffiċjali tiegħu marru u ġabuhom mingħajr ma weġġgħuhom, għax bdew jibżgħu li n-nies iwaddbulhom il-ġebel biex joqtluhom.
27 Għalhekk, daħħluhom ħdejn is-Sinedriju, u l-qassis il-kbir interrogahom
28 u qalilhom: “Aħna kkmandajniekom b’mod sod biex ma tibqgħux tgħallmu f’isem dan ir-raġel, imma intom imlejtu lil Ġerusalemm kollha bit-tagħlim tagħkom, u determinati li twaħħlu fina għall-mewt taʼ dan ir-raġel.”
29 Pietru u l-appostli l-oħra wieġbu: “Aħna għandna nobdu lil Alla bħala mexxej u mhux lill-bnedmin.
30 L-Alla taʼ missirijietna qajjem mill-mewt lil Ġesù, li intom qtiltu billi dendiltuh maʼ zokk.*
31 Alla tellgħu s-sema u qiegħdu fuq il-lemin tiegħu bħala l-Mexxej Magħżul* u Dak li Jsalva, biex l-Iżraelin jindmu u Alla jkun jistaʼ jaħfrilhom id-dnubiet.
32 Aħna xhieda taʼ dawn l-affarijiet, u anki l-ispirtu qaddis, li Alla ta lil dawk li jobduh bħala mexxej.”
33 Meta semgħu dan, tgħidx kemm irrabjaw, u riedu joqtluhom.
34 Imma Fariżew jismu Gamaljel li kien għalliem tal-Liġi stmat mill-poplu kollu, qam fis-Sinedriju u ta kmand biex l-appostli joħorġu ftit barra.
35 Imbagħad qalilhom: “Irġiel t’Iżrael, oqogħdu attenti x’beħsiebkom tagħmlulhom lil dawn l-irġiel.
36 Pereżempju, ftit taż-żmien ilu Tewda qal li hu raġel importanti, u madwar 400 raġel ingħaqdu mal-partit tiegħu. Imma hu nqatel, u dawk kollha li kienu miegħu nxterdu u l-pjanijiet tagħhom ġew fix-xejn.
37 Warajh, fiż-żmien li n-nies kienu qed jiġu rreġistrati, Ġuda l-Galilew ġibed xi nies għal miegħu. Dan miet ukoll, u dawk kollha li kienu miegħu nxterdu.
38 Għalhekk, f’din is-sitwazzjoni, jien ngħidilkom biex ma tindaħlulhomx lil dawn l-irġiel, imma ħalluhom. Jekk dak li qed jippjanaw jew jagħmlu hu bis-saħħa tal-bnedmin, dan se jieqaf.
39 Imma jekk inhu bis-saħħa t’Alla, mhux se jirnexxilkom twaqqfuhom. Inkella tistgħu tispiċċaw tiġġieldu kontra Alla.”
40 Għalhekk, huma ħadu l-parir tiegħu, u għajtu lill-appostli, sawtuhom bil-frosta, ikkmandawhom biex jieqfu jitkellmu f’isem Ġesù, u ħallewhom jitilqu.
41 Għalhekk, huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħanin għax kellhom l-unur li jbatu minħabba isem Ġesù.
42 Huma komplew imorru fit-tempju u minn dar għal dar kuljum biex jgħallmu u jippritkaw l-aħbar tajba dwar il-Kristu Ġesù.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “jibżaʼ ħafna minn.”
^ Letteralment “jibżgħu ħafna minn.”
^ Letteralment “mhux nodfa.”
^ Letteralment “qabdu.”
^ Jew “siġra.”
^ Jew “l-Aġent Ewlieni.”