Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 28:1-31

  • Jaslu Malta (1-6)

  • Missier Publiju jiġi mfejjaq (7-10)

  • Ikomplu jivvjaġġaw lejn Ruma (11-16)

  • Pawlu jitkellem mal-Lhud f’Ruma (17-29)

  • Pawlu jipprietka bil-kuraġġ għal sentejn (30, 31)

28  Wara li kulħadd wasal qawwi u sħiħ, sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta. 2  U n-nies t’hemm, li kienu jitkellmu b’lingwa oħra, kienu vera qalbhom tajba magħna. Huma qabbdu n-nar u laqgħuna mill-qalb minħabba li kienet nieżla x-xita u kien il-bard. 3  Imma meta Pawlu ġabar qabda zkuk u tefagħhom fin-nar, bis-sħana ħarġet lifgħa u gidmitu f’idu. 4  Meta n-nies tal-pajjiż raw il-lifgħa velenuża mdendla m’idu, bdew jgħidu lil xulxin: “Żgur li dan ir-raġel hu qattiel, għax għalkemm irnexxielu jsalva mill-baħar, il-Ġustizzja* mhux se tħallih ħaj.” 5  Madankollu, hu farfarha fin-nar u ma ġralu xejn. 6  Imma huma kienu qed jistennew li jintefaħ jew li jmut zoptu. Wara li stennew għal ftit ħin mhux ħażin u raw li ma ġralu xejn, biddlu fehmithom u bdew jgħidu li kien xi alla. 7  Fl-inħawi taʼ dak il-post kien hemm artijiet li kienu tal-mexxej tal-gżira. Dan kien jismu Publiju, u hu laqagħna mill-qalb u żammna għandu tlett ijiem. 8  Missier Publiju kien marid fis-sodda bid-deni u bid-disenterija,* u Pawlu mar ħdejh, talab, poġġa jdejh fuqu, u fejqu. 9  Wara li ġara dan, in-nies tal-gżira li kienu morda bdew imorru għandu u jiġu mfejqa. 10  Huma wrew l-apprezzament tagħhom billi tawna ħafna rigali, u meta konna se nitilqu bil-baħar, huma tawna kulma kellna bżonn u għabbewhom fuq il-vapur. 11  Wara li għamilna tliet xhur fuq il-gżira, tlaqna b’vapur li kellu statwa tat-tfal taʼ Żews. Il-vapur kien minn Lixandra u għamel xitwa sħiħa fil-gżira. 12  Il-vapur daħal fil-port taʼ Sirakuża u għamilna tlett ijiem hemm. 13  Imbagħad tlaqna minn hemm u wasalna Reġġju. L-għada qam riħ min-Nofsinhar u l-ġurnata taʼ wara wasalna Putijoli. 14  Hawnhekk sibna aħwa li ħeġġewna biex nibqgħu magħhom sebat ijiem. Wara li għamilna hekk, tlaqna lejn Ruma. 15  Meta l-aħwa f’Ruma semgħu li konna sejrin hemmhekk, huma ġew sas-Suq t’Appju u t-Tliet Taverni biex jiltaqgħu magħna. Meta Pawlu rahom, irringrazzja lil Alla u għamel kuraġġ. 16  Meta fl-aħħar wasalna Ruma, Pawlu tħalla joqgħod f’dar waħdu b’suldat għassa miegħu. 17  Tlett ijiem wara, Pawlu bagħat għall-irġiel importanti tal-Lhud. Meta dawn inġabru, hu qalilhom: “Ħuti, għalkemm m’għamilt xejn kontra dan il-poplu jew kontra d-drawwiet taʼ missirijietna, jien ġejt arrestat f’Ġerusalemm u ngħatajt f’idejn ir-Rumani. 18  Wara li interrogawni, huma riedu jeħilsuni, għax ma kienx hemm raġuni biex joqtluni. 19  Imma meta l-Lhud oġġezzjonaw, jien kelli nitlob biex niġi quddiem Ċesari, però jien m’għamiltx hekk għax kelli xi akkuża kontra l-poplu tiegħi. 20  Jien tlabt biex narakom u nitkellem magħkom, għax jien marbut b’din il-katina minħabba dak li Iżrael qed jittama għalih.” 21  Huma qalulu: “Aħna ma rċivejniex ittri mil-Lhudija dwarek, u ħadd mill-aħwa li ġew minn hemm ma rrapporta jew qal xi ħaġa ħażina dwarek. 22  Imma nixtiequ nisimgħu x’taħseb int, għax dwar din is-setta kulma nafu hu li kullimkien jitkellmu kontriha.” 23  Huma ftiehmu ġurnata meta se jiltaqgħu miegħu, u marru iktar nies għandu minn qabel. U minn filgħodu sa filgħaxija, hu kien jispjegalhom dan billi jagħtihom xhieda fid-dettall dwar is-Saltna t’Alla biex jipprova jikkonvinċihom dwar Ġesù kemm mil-Liġi taʼ Mosè u kemm mill-kitbiet tal-profeti. 24  Kien hemm min emmen dak li qal, u min le. 25  Peress li ma qablux bejniethom, bdew jitilqu, u Pawlu qal: “L-ispirtu qaddis sewwa qal lill-antenati tagħkom permezz tal-profeta Isaija. 26  Dan qal, ‘Mur għand dan il-poplu u għidilhom: “Għalkemm tisimgħu m’intomx se tifhmu, u għalkemm tħarsu m’intomx se taraw. 27  Għax dan il-poplu rasu iebsa. Huma jisimgħu imma ma jagħtux kas u jagħlqu għajnejhom u widnejhom sabiex la jaraw u lanqas jisimgħu. Minħabba f’hekk, ma jifhmux x’għandhom bżonn jagħmlu u ma jdurux lura għandi biex inkun nistaʼ nfejjaqhom.”’ 28  Kunu afu li l-messaġġ dwar kif Alla se jġib salvazzjoni ġie mxandar lill-popli. Huma żgur se jisimgħuh u jaċċettawh.” 29 *—— 30  Hu baqaʼ fid-dar li kera sentejn sħaħ, u kien jilqaʼ mill-qalb lil dawk kollha li kienu jmorru għandu. 31  Hu kien jippritkalhom dwar is-Saltna t’Alla u jgħallem dwar il-Mulej Ġesù Kristu bl-akbar libertà tal-kelma* u bla tfixkil.

Noti taʼ taħt

Bil-Grieg Dike. Din il-kelma tistaʼ tirreferi għall-alla mara li tagħmel ġustizzja.
Din hi marda fl-istonku li tqabbad uġigħ kbir.
Ara App. A3.
Jew “bil-kuraġġ kollu.”