Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 22:1-30

  • Pawlu jiddefendi ruħu quddiem il-folla (1-21)

  • Pawlu juża ċ-ċittadinanza Rumana tiegħu (22-29)

  • Jiltaqaʼ s-Sinedriju (30)

22  “Aħwa u missirijiet, isimgħuni hekk kif niddefendi lili nnifsi.” 2  Meta semgħuh ikellimhom bl-Ebrajk, huma iktar qagħdu kwieti. Hu qal: 3  “Jien Lhudi, imwieled Tarsu taċ-Ċiliċja, imma ġejt mgħallem b’mod personali minn Gamaljel f’din il-belt. Jien ġejt mgħallem biex nobdi l-Liġi taʼ Mosè sal-inqas dettall, u qdejt lil Alla b’żelu bħalkom ilkoll. 4  Jien irbatt irġiel u nisa li kienu f’din it-Triq,* tfajthom il-ħabs, ippersegwitajthom, u ġew maqtulin. 5  Dan jistgħu jagħtu xhieda tiegħu l-qassis il-kbir u l-ġemgħa tal-anzjani* kollha. Mingħandhom jien ġibt ittri għall-mexxejja Lhud f’Damasku, u kont fi triqti biex narresta lil dawk li kien hemm u nġibhom Ġerusalemm biex jiġu kkastigati. 6  “Imma hekk kif kont qed nivvjaġġa u kważi wasalt Damasku, f’daqqa waħda, għal xi nofsinhar, idda dawl qawwi madwari mis-sema. 7  Jien waqajt fl-art u smajt leħen jgħidli: ‘Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani?’ 8  Jien wiġibt: ‘Min int, Sinjur?’ U hu qalli: ‘Jien Ġesù n-Nazzarenu, li int qed tippersegwita.’ 9  L-irġiel li kienu miegħi rawh id-dawl, imma ma fehmux x’kien qed jgħidli l-leħen. 10  Għalhekk jien għedt: ‘X’għandi nagħmel, Sinjur?’ Hu qalli: ‘Qum, mur Damasku, u hemm se jintqallek dak li ġejt inkarigat tagħmel.’ 11  Imma peress li ma stajt nara xejn minħabba d-dawl qawwi, jien wasalt Damasku bl-għajnuna taʼ dawk li kienu miegħi. 12  “Imbagħad ġie għandi Ananija, raġel li kien jobdi l-Liġi lealment, u l-Lhud kollha li joqogħdu hemm kienu jitkellmu tajjeb dwaru. 13  Hu qagħad bilwieqfa ħdejja u qalli: ‘Ħija Sawl, erġaʼ ibda ara!’ U dak il-ħin stess jien ħarist ’il fuq u rajtu. 14  Hu qalli: ‘L-Alla taʼ missirijietna għażlek biex issir taf dak li jrid hu u biex tara lil Ġesù, il-wieħed ġust, u tismaʼ leħnu, 15  għax int se tkun xhud tiegħu għan-nies kollha billi tgħid dak li rajt u smajt. 16  U issa x’qed tistenna? Qum, tgħammed, u afda f’isem Ġesù* ħalli b’hekk Alla jaħfirlek id-dnubiet.’ 17  “Imma meta mort lura Ġerusalemm u kont qed nitlob fit-tempju, kelli viżjoni 18  u rajt lill-Mulej jgħidli: ‘Oħroġ minn Ġerusalemm malajr, għax mhux se jaċċettaw ix-xhieda tiegħek dwari.’ 19  U jien għedtlu: ‘Mulej, huma jafu tajjeb li jien kont immur minn sinagoga għal oħra nitfaʼ l-ħabs lil dawk li jemmnu fik u nsawwathom. 20  Jien kont hemm meta kienu qed joqtlu lill-qaddej* tiegħek Stiefnu. Jien qbilt maʼ dak li kienu qed jagħmlu u ħadt ħsieb il-ħwejjeġ taʼ fuq tagħhom.’ 21  Minkejja dan hu qalli: ‘Mur, għax jien se nibagħtek għand il-popli ’l bogħod.’” 22  Huma baqgħu jisimgħuh s’issa, imbagħad bdew jgħajtu: “Oqtluh, għax ma ħaqqux jibqaʼ jgħix!” 23  Peress li kienu qed jgħajtu, jitfgħu l-ħwejjeġ taʼ fuq ’l hemm u ’l hawn, u jwaddbu t-trab, 24  il-kmandant tal-armata ta kmand biex Pawlu jittieħed fil-kwartieri tas-suldati u jiġi interrogat waqt li jiġi msawwat, ħalli b’hekk ikun jaf eżatt għala n-nies qed jgħajtu biex Pawlu jinqatel. 25  Imma meta rabtuh biex isawtuh bil-frosta, Pawlu qal lill-uffiċjal tal-armata li kien hemm ħdejh: “Hu skont il-liġi li ssawtu Ruman* li għadu m’għaddiex ġuri?”* 26  Malli l-uffiċjal tal-armata semaʼ dan, hu mar għand il-kmandant tal-armata u qallu: “X’biħsiebek tagħmel? Għax dan ir-raġel hu Ruman.” 27  Għalhekk, il-kmandant tal-armata mar ħdejh u staqsieh: “Int Ruman?” Hu wieġbu: “Iva.” 28  Il-kmandant tal-armata qallu: “Jien ħallast ħafna flus biex xtrajt dawn id-drittijiet taʼ ċittadin.” Pawlu qallu: “Imma jien twilidt Ruman.” 29  Għalhekk, is-suldati li kienu se jinterrogawh u jittorturawh telqu minn ħdejh mill-ewwel, u l-kmandant tal-armata beda jibżaʼ meta rrealizza li kien Ruman u li kien rabtu bil-ktajjen. 30  Peress li xtaq ikun jaf eżatt għala kien qed jiġi akkużat mil-Lhud, l-għada hu neħħielu l-ktajjen u ta kmand biex il-qassisin importanti u s-Sinedriju kollu jiltaqgħu. Imbagħad ħa lil Pawlu u qiegħdu f’nofshom.

Noti taʼ taħt

Din tirreferi għall-ħajja u t-tagħlim taʼ Kristjan.
Jew “għajjat lil ismu.”
Letteralment “lix-xhud.”
Jew “ċittadin Ruman.”
Jew “li għadu ma ġiex ikkundannat?”