Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 26:1-32

  • Pawlu jiddefendi ruħu quddiem Agrippa (1-11)

  • Pawlu jispjega kif sar dixxiplu (12-23)

  • It-tweġiba taʼ Festu u Agrippa (24-32)

26  Agrippa qal lil Pawlu: “Tistaʼ tiddefendi lilek innifsek.” Imbagħad Pawlu għolla idu u beda jiddefendi ruħu billi qal: 2  “Re Agrippa, jien ferħan li llum se niddefendi lili nnifsi quddiemek dwar l-affarijiet kollha li l-Lhud akkużawni bihom, 3  speċjalment għax int espert fid-drawwiet kollha tal-Lhud u n-nuqqas taʼ qbil bejniethom. Għalhekk, nitolbok bil-ħniena biex tismagħni bil-paċenzja. 4  “Il-Lhud kollha jafu x’tip taʼ ħajja għext minn meta kont żagħżugħ saż-żmien li kont Ġerusalemm, 5  u allura jafuni sew. Jekk iridu, jistgħu jgħidulek li jien kont mis-setta tal-Fariżej, u kif taf, il-Fariżej jidħlu iktar fid-dettall minn Lhud oħra dwar kif għandhom iqimu lil Alla. 6  Imma issa qed ngħaddi ġuri għax għandi t-tama li Alla se jagħmel dak li wiegħed lil missirijietna. 7  Din hi l-istess wegħda li t-12-il tribù tagħna qed jittamaw li jarawha ssir billi jaqdu lil Alla b’żelu lejl u nhar. Re Agrippa, jien qed niġi akkużat mil-Lhud minħabba din it-tama. 8  “Għala tqisuha* bħala xi ħaġa li ma titwemminx li Alla jqajjem il-mejtin? 9  Jien stess kont konvint li rrid nagħmel kulma nistaʼ biex niħodha kontra Ġesù* n-Nazzarenu. 10  Fil-fatt hekk għamilt f’Ġerusalemm. Jien tfajt fil-ħabs lil ħafna mid-dixxipli,* għax ingħatajt awtorità mill-qassisin importanti. U meta kienu se jiġu maqtulin, jien kont naqbel maʼ dan. 11  Jien kont immur fis-sinagogi u nikkastigahom biex inġegħelhom ma jibqgħux jemmnu fi Kristu, u peress li kont irrabjat ħafna magħhom, wasalt sal-punt li nippersegwitahom fi bliet oħra. 12  “Darba kont qed nivvjaġġa lejn Damasku, għax il-qassisin importanti kienu bagħtuni hemm biex nagħmel hekk. 13  Għal xi nofsinhar, jien rajt dawl qawwi iktar minn tax-xemx ġej mis-sema madwari u madwar dawk li kienu qed jivvjaġġaw miegħi. 14  Meta waqajna mal-art, jien smajt leħen jgħidli bl-Ebrajk, ‘Sawl, Sawl, għala qed tippersegwitani? Jekk tibqaʼ tagħti kontra n-niggieża* se tweġġaʼ.’ 15  Imma jien għedt, ‘Min int, Sinjur?’ U hu qalli, ‘Jien Ġesù, li int qed tippersegwita. 16  Imma qum bilwieqfa. Jien dhertlek għax għażiltek biex tkun qaddej u xhud tal-affarijiet li rajt u l-affarijiet li se nurik dwari. 17  Jien se nsalvak minn dan il-poplu u mill-popli l-oħra li se nibagħtek għandhom 18  biex tiftħilhom għajnejhom ħalli jitilqu mid-dlam u jiġu fid-dawl u biex jitilqu minn taħt il-qawwa taʼ Satana u jmorru taħt dik t’Alla. B’hekk hu jaħfrilhom id-dnubiet, u peress li għandhom fidi fija, hu jippremjahom u jqaddishom bħalma għamel m’oħrajn li kienu leali.’ 19  “Għalhekk Re Agrippa, jien obdejt dak li smajt fil-viżjoni mis-sema. 20  Hu għalhekk li mort nipprietka dan il-messaġġ. L-ewwel bdejt minn Damasku, imbagħad Ġerusalemm, wara l-pajjiż kollu tal-Lhudija, u wkoll lill-popli. Jien bdejt ngħidilhom li għandhom jindmu u jduru lejn Alla billi jagħmlu affarijiet li juru li ddispjaċiehom. 21  Hu għalhekk li l-Lhud qabduni fit-tempju u pprovaw joqtluni. 22  Minkejja dan, bl-għajnuna t’Alla, jien għadni sal-lum nagħti xhieda lin-nies komuni u lil dawk importanti. Jien ngħid biss dak li qalu li se jiġri l-kitbiet tal-profeti u taʼ Mosè. 23  Dawn il-kitbiet jgħidu li l-Kristu se jbati u jkun l-ewwel wieħed li jiġi rxoxtat mill-mewt. Hu se jipprietka u jagħti d-dawl lil dan il-poplu u popli oħra.” 24  Waqt li Pawlu kien qed jgħid dan biex jiddefendi lilu nnifsu, Festu qal b’leħen għoli: “Int qed tiġġennen Pawlu! Il-ħafna għarfien li għandek qed iġennek!” 25  Imma Pawlu qal: “Jien mhux qed niġġennen, l-Eċċellenza Tiegħek Festu, imma qed ngħid il-verità u qed nitkellem b’għaqal. 26  Fil-fatt, ir-re li qed inkellmu bil-libertà jafhom sew dawn l-affarijiet. Jien naf ċert li xejn minn dan mhu se jaħrablu, għax xejn ma sar bil-moħbi. 27  Re Agrippa, int temmen fil-Profeti? Jien naf li temmen.” 28  Imma Agrippa qal lil Pawlu: “Dalwaqt tikkonvinċini biex insir Kristjan.” 29  Għalhekk Pawlu qal: “Jekk hux dalwaqt jew ’il quddiem, jien nitlob lil Alla li mhux int biss imma dawk kollha li qed jisimgħuni llum isiru bħali, imma mhux marbutin bil-ktajjen.” 30  Imbagħad qam ir-re, u qamu wkoll il-gvernatur, Berniċe, u l-irġiel li kienu bilqiegħda magħhom. 31  Waqt li kienu ħerġin bdew jgħidu lil xulxin: “Dan ir-raġel mhu qed jagħmel xejn li għalih ħaqqu l-mewt jew li jintefaʼ l-ħabs.” 32  Imbagħad Agrippa qal lil Festu: “Dan ir-raġel setaʼ nħeles li kieku ma riedx imur quddiem Ċesari.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “tiġġudikawha.”
Letteralment “l-isem taʼ Ġesù.”
Letteralment “mill-qaddisin.”
Niggieża hi bastun bil-ponta li kienet tintuża biex iġġiegħel annimal jagħmel xi ħaġa.