Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 1:1-26

  • Luqa jikteb lil Teofilu (1-5)

  • Tkunu xhieda mal-art kollha (6-8)

  • Ġesù jitlaʼ s-sema (9-11)

  • Id-dixxipli jinġabru flimkien b’fehma waħda (12-14)

  • Mattija jintgħażel minflok Ġuda (15-26)

1  Teofilu, fl-ewwel rakkont jien spjegajtlek dak kollu li Ġesù għamel u għallem 2  sa dakinhar li ttieħed fis-sema. Dan ġara wara li ta istruzzjonijiet permezz tal-ispirtu qaddis lill-appostli li għażel. 3  Wara li bata, hu dehrilhom ħafna drabi, biex b’hekk ikunu ċerti li kien ħaj. Huma rawh kemm-il darba matul 40 jum, u hu tkellem dwar is-Saltna t’Alla. 4  Meta kien ikun magħhom ikkmandahom: “Titilqux minn Ġerusalemm, imma ibqgħu stennew dak li wiegħed il-Missier, li kellimtkom dwaru jien, 5  għax Ġwanni għammed bl-ilma, imma fi ftit żmien intom se titgħammdu bl-ispirtu qaddis.” 6  Għalhekk, meta kienu flimkien staqsewh: “Mulej, jaqaw f’dan iż-żmien se ġġib lura s-saltna t’Iżrael?” 7  Hu qalilhom: “Intom m’għandkomx għalfejn tkunu tafu meta, għax il-Missier biss għandu d-dritt* li jiddeċiedi dan. 8  Imma intom se tirċievu l-qawwa meta l-ispirtu qaddis jiġi fuqkom u se tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha, fis-Samarija, u fl-art kollha.”* 9  Wara li qal hekk, hu ttellaʼ lejn is-sema waqt li huma kienu qed iħarsu lejh, u sħaba għattietu u ma setgħux jarawh iktar. 10  Waqt li kienu qed iħarsu lejn is-sema hu u tielaʼ, f’daqqa waħda dehru żewġt irġiel lebsin l-abjad ħdejhom, 11  u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, għala qed tħarsu lejn is-sema? Ġesù li ttieħed minn magħkom lejn is-sema se jerġaʼ jiġi bl-istess mod li rajtuh sejjer.” 12  Imbagħad, mill-Muntanja taż-Żebbuġ marru lura Ġerusalemm, li hi madwar kilometru* ’l bogħod. 13  Meta waslu, huma telgħu fil-kamra taʼ fuq fejn kienu qed joqogħdu. Dawn kienu Pietru, Ġwanni, Ġakbu, Indrì, Filippu, Tumas, Bartilmew, Mattew, Ġakbu bin Alfew, Xmun iż-żeluż, u Ġuda bin Ġakbu. 14  B’fehma waħda dawn kollha komplew jitolbu taʼ spiss flimkien maʼ xi nisa, Marija omm Ġesù, u ħutu. 15  F’waħda minn dawn il-ġranet, Pietru qam bilwieqfa fost l-aħwa, li kienu madwar 120 b’kollox, u qal: 16  “Ħuti, permezz taʼ David, l-ispirtu qaddis qal profezija dwar Ġuda li kien hemm bżonn li ssir, u Ġuda sar il-wieħed li dderieġa lil dawk li kienu se jarrestaw lil Ġesù. 17  Għax hu kien wieħed minna u ġie magħżul biex jieħu sehem f’dan ix-xogħol qaddis. 18  (Għalhekk, dan ir-raġel xtara għalqa bil-flus li qalaʼ b’mod inġust. Hu waqaʼ għal rasu, u ġismu nfaqaʼ* u ħarġu msarnu kollha. 19  Dan saru jafu bih in-nies kollha taʼ Ġerusalemm, u b’hekk din l-għalqa bdew jgħidulha Akeldama bil-lingwa tagħhom, jiġifieri “L-Għalqa tad-Demm.”) 20  Għax fil-ktieb tas-Salmi hemm miktub, ‘Jalla l-post fejn jgħix isir ħerba, u ħa ma jgħix ħadd hemm’ u ‘Jalla xi ħadd ieħor jiħodlu r-responsabbiltà li għandu.’* 21  Għalhekk, hemm bżonn li nagħżlu wieħed mill-irġiel li ngħaqdu magħna matul iż-żmien li l-Mulej Ġesù kien* magħna, 22  jiġifieri minn meta għammdu Ġwanni sa meta ttieħed minn magħna lejn is-sema. Hu għandu jagħti xhieda magħna dwar l-irxoxt tiegħu.” 23  Għalhekk issuġġerew tnejn, lil Ġużeppi li jgħidulu Barsabba, li kienu jgħidulu wkoll Ġustu, u lil Mattija. 24  Imbagħad talbu u qalu: “Alla tagħna Ġeħova,* int taf x’hemm f’qalb kulħadd. Urina liema għażilt minn dawn iż-żewġt irġiel, 25  biex ikun appostlu minflok Ġuda u jaqdik. Għax Ġuda telaq ix-xogħol qaddis tiegħu biex jagħmel dak li jrid hu.” 26  Għalhekk, tefgħu x-xorti u ntagħżel Mattija, u ġie miżjud* mal-11-il appostlu.

Noti taʼ taħt

Jew “l-awtorità.”
Jew “sal-iktar parti mbiegħda tal-art.”
Letteralment “mixja taʼ jum is-Sabat.” Id-distanza li Lhudi setaʼ jivvjaġġa fis-Sabat.
Jew “infaqaʼ min-nofs.”
Jiġifieri jieħu ħsieb il-kongregazzjoni minfloku.
Letteralment “kien jidħol u joħroġ.”
Jew “meqjus.” Jiġifieri kkunsidrat l-istess bħall-11 l-oħra.