Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 12:1-25
12 Dak iż-żmien, ir-Re Erodi beda jittratta ħażin lil xi wħud mill-kongregazzjoni.
2 Hu qatel bix-xabla lil Ġakbu ħu Ġwanni.
3 Meta ra li l-Lhud ħadu gost b’dan, hu arresta lil Pietru. (Dan kien matul il-Festa tal-Ħobż bla Ħmira.)
4 Hu qabdu, tefgħu l-ħabs, u poġġa għassa miegħu erbaʼ gruppi taʼ suldati li jbiddlu lil xulxin. Kull grupp kellu erbaʼ suldati. Hu kellu l-ħsieb li joħorġu* quddiem in-nies wara l-Qbiż.
5 Waqt li Pietru kien qed jinżamm il-ħabs, il-kongregazzjoni kienet qed titlob bil-ħniena lil Alla għalih.
6 Fil-lejl taʼ qabel ma kien se jgħaddi ġuri, Pietru kien rieqed marbut b’żewġt iktajjen bejn żewġ suldati, u quddiem il-bieb kien hemm is-suldati għassa.
7 Imma f’daqqa waħda, l-anġlu taʼ Ġeħova* mar hemm u ċ-ċella bdiet tiddi bid-dawl. Hu ta daqqa lil Pietru fuq ġenbu, qajmu, u qallu: “Qum malajr!” U l-ktajjen waqgħu minn maʼ jdejh.
8 L-anġlu qallu: “Ilbes il-ħwejjeġ u s-sandli.” U hekk għamel. Imbagħad qallu: “Ilbes ukoll il-libsa taʼ fuq u imxi warajja.”
9 Għalhekk, hu ħareġ u baqaʼ miexi warajh, imma ma kienx jaf li dak li kien qed jiġri permezz tal-anġlu kien veru. Fil-fatt, hu ħaseb li kien qed jara xi viżjoni.
10 Huma għaddew ħdejn l-ewwel u t-tieni għassa u waslu ħdejn il-grada tal-ħadid li tagħti għall-belt, u din infetħet waħedha. Wara li ħarġu, imxew għal ftit fit-triq, u f’daqqa waħda l-anġlu telaq minn ħdejh.
11 Meta Pietru rrealizza x’ġara, qal: “Issa naf verament li Ġeħova* bagħat l-anġlu tiegħu u ħelisni minn Erodi u minn dak kollu li l-Lhud kienu qed jittamaw li jiġrili.”
12 Wara, hu mar id-dar taʼ Marija omm Ġwanni, li jgħidulu Marku. Hemm kien hemm ftit nies mhux ħażin jitolbu.
13 Meta ħabbat fuq il-bieb taʼ barra, marret qaddejja jisimha Roda biex tara min kien hemm.
14 Hekk kif għarfet leħen Pietru, tant ferħet li minflok ma fetħitlu, daħlet tiġri ġewwa u qaltilhom li Pietru kien qiegħed ħdejn il-bieb.
15 Huma qalulha: “Int qed tiġġennen?” Imma hi baqgħet tinsisti li kien hu. U huma bdew jgħidu: “Dak l-anġlu tiegħu.”
16 Sadanittant, Pietru baqaʼ jħabbat. Meta fetħu l-bieb u rawh, baqgħu mbellhin.
17 Imma hu għamlilhom sinjal biex joqogħdu kwieti u rrakkontalhom fid-dettall kif Ġeħova* ħarġu mill-ħabs. Hu qalilhom: “Morru għidu dan lil Ġakbu u lill-aħwa.” Wara telaq minn hemm u vvjaġġa għal post ieħor.
18 L-għada filgħodu, is-suldati bdew jippanikjaw ħafna, għax ma kinux jafu x’ġara minn Pietru.
19 Meta Erodi fittxu sew u ma sabux, hu interroga lis-suldati u ta kmand biex jiġu kkastigati. Imbagħad, telaq mil-Lhudija u mar Ċesarija għal xi żmien.
20 Issa hu kien irrabjat* man-nies taʼ Tir u Sidon. Dawn kienu jixtru l-ikel mill-pajjiż tiegħu, u għalhekk ftiehmu bejniethom u talbu bil-ħniena lil Blastu, li kien jieħu ħsieb id-dar* tiegħu, biex jgħinhom. B’hekk kellmu lir-re biex jagħmlu paċi.
21 F’okkażjoni speċjali, Erodi libes ħwejjeġ irjali, poġġa fuq it-tron tal-ġudizzju, u beda jkellem lin-nies.
22 In-nies li kien hemm miġburin bdew jgħajtu: “Dan leħen t’alla, mhux taʼ bniedem!”
23 F’daqqa waħda, l-anġlu taʼ Ġeħova* kkastigah, għax hu ma tax il-glorja lil Alla. Hu ttiekel mid-dud u miet.
24 Imma t-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova* kompla jinfirex u kien hemm ħafna li bdew jemmnu.
25 Meta Barnaba u Sawl wasslu l-affarijiet li nġabru lill-aħwa f’Ġerusalemm, huma marru lura Antjokja u ħadu magħhom lil Ġwanni, li jgħidulu wkoll Marku.
Noti taʼ taħt
^ Jew “li jgħaddih ġuri.”
^ Jew “kellu aptit jiġġieled.”
^ Letteralment “il-kamra tas-sodda.”