L-Aħbar Tajba Skont Marku 3:1-35
3 Ġesù reġaʼ daħal f’sinagoga, u kien hemm raġel b’idu pparalizzata.*
2 Għalhekk, il-Fariżej kienu għassa għalih biex jaraw jekk kienx se jfejqu fis-Sabat, ħalli b’hekk ikollhom fuqiex jakkużawh.
3 U Ġesù qal lir-raġel li kellu idu pparalizzata:* “Qum u ejja fin-nofs.”
4 Imbagħad staqsiehom: “Skont il-Liġi, x’tistaʼ tagħmel fis-Sabat, affarijiet tajbin jew ħżiena, issalva ħajja jew toqtolha?” Imma huma ma qalu xejn.
5 Hu wriehom li ma ħax pjaċir u kien imweġġaʼ ħafna minħabba li kienu bla qalb. Hu qal lir-raġel: “Oħroġ idek.” U dan hekk għamel, u idu fieqet.
6 Xħin raw dan, il-Fariżej ħarġu barra u bdew jiftiehmu maʼ dawk li kienu jappoġġaw lil Erodi biex joqtlu lil Ġesù.
7 Imma Ġesù telaq lejn il-baħar mad-dixxipli tiegħu, u folla kbira mill-Galilija u mil-Lhudija marru warajh.
8 Ukoll, marret ħdejh folla kbira minn Ġerusalemm, mill-Idumija, min-naħa l-oħra tal-Ġordan, u minn madwar Tir u Sidon għax semgħet dwar il-ħafna affarijiet li kien qed jagħmel.
9 U Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu biex jippreparawlu dgħajsa żgħira ħalli n-nies li kien hemm ma jiffollawx fuqu.
10 Peress li kien fejjaq lil ħafna, dawk kollha li kellhom mard serju bdew jiffollaw fuqu biex imissuh.
11 Kull meta l-ispirti ħżiena* kienu jarawh, kienu jintefgħu mal-art quddiemu u jgħajtu: “Int l-Iben t’Alla.”
12 Imma ħafna drabi kien jikkmandahom b’leħen sod biex ma jurux min kien.
13 Hu telaʼ fuq muntanja u laqqaʼ lil xi dixxipli ħdejh.
14 U minnhom għażel* grupp taʼ 12, li semmiehom appostli. Dawn kienu se jkunu miegħu, kien se jibgħathom biex jippritkaw,
15 u kien se jagħtihom l-awtorità biex ikeċċu d-demonji.
16 Dan il-grupp taʼ 12 kienu: Xmun, li semmieh ukoll Pietru,
17 Ġakbu u Ġwanni t-tfal taʼ Żebedew (li semmiehom ukoll Boanerġes, li jfisser it-Tfal tar-Ragħad),
18 Indrì, Filippu, Bartilmew, Mattew, Tumas, Ġakbu bin Alfew, Taddew, Xmun il-Kanani,*
19 u Ġuda l-Iskarjota, li iktar tard ittradieh.
Imbagħad Ġesù mar ġo dar,
20 imma hu u d-dixxipli tiegħu ma setgħux jieklu għax reġgħet inġabret folla kbira magħhom.
21 Imma meta dawk li jiġu minnu semgħu x’kien qed jiġri, huma marru biex iwaqqfuh, għax bdew jgħidu: “Dan telaq minn moħħu.”
22 Ukoll, l-iskribi li niżlu minn Ġerusalemm kienu qed jgħidu: “Hu għandu lil Begħelżebub* fih, u qed ikeċċi lid-demonji bis-saħħa tal-mexxej tagħhom.”
23 U wara li għajtilhom ħdejh, hu kellimhom billi tahom dawn l-eżempji: “Kif jistaʼ Satana jkeċċi lil Satana?
24 Saltna tispiċċa jekk in-nies tagħha jiġġieldu bejniethom,
25 u familja titkisser jekk il-membri tagħha jiġġieldu bejniethom.
26 Bl-istess mod, jekk Satana jiħodha kontra tiegħu nnifsu u dawk li huma miegħu jiġġieldu bejniethom, hu ma jkollux saħħa u jispiċċa.
27 Fil-fatt, ħadd ma jistaʼ jidħol ġo dar taʼ xi ħadd b’saħħtu u jisirqu, jekk l-ewwel ma jorbtux.
28 Naċċertakom li n-nies kollox jinħafrilhom, ikunu xi jkunu d-dnubiet li jagħmlu jew id-dagħa* li jidgħu.
29 Imma kull min jidgħi kontra l-ispirtu qaddis, Alla ma jaħfirlux u jibqaʼ ħati għal dejjem.”
30 Hu qal dan għax kienu qed jgħidu: “Għandu spirtu ħażin* fih.”
31 Ommu u ħutu waslu u bagħtu lil xi ħadd biex jgħajjatlu, waqt li huma baqgħu barra.
32 Peress li kien hemm folla bilqiegħda madwaru, qalulu: “Hemm ommok u ħutek jistaqsu għalik barra.”
33 Imma hu wiġibhom: “Min huma ommi u ħuti?”
34 Imbagħad hu ħares lejn dawk li kienu bilqiegħda madwaru u qal: “Dawn huma ommi u ħuti!
35 Il-familja tiegħi huma dawk li jagħmlu dak li jrid Alla.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “niexfa.”
^ Letteralment “niexfa.”
^ Letteralment “mhux nodfa.”
^ Jew “inkariga.”
^ Jew “iż-żeluż.”
^ Titlu għal Satana.
^ Letteralment “mhux nadif.”