L-Aħbar Tajba Skont Marku 5:1-43
5 Imbagħad waslu n-naħa l-oħra tal-baħar fir-reġjun tal-Gerasin.
2 U malli Ġesù niżel mid-dgħajsa, raġel li kellu spirtu ħażin* fih ħareġ minn ċimiterju.*
3 Hu kien jgħix qalb l-oqbra, u sa dak iż-żmien ħadd ma kien kapaċi jżommu marbut, lanqas b’katina.
4 Spiss kienu jorbtulu jdejh u saqajh bil-ktajjen, imma hu kien iqaċċathom u jkissirhom. Ħadd ma kellu s-saħħa jikkontrollah.
5 U l-ħin kollu, lejl u nhar, kien joqgħod qalb l-oqbra u fuq il-muntanji jgħajjat u jqattaʼ lilu nnifsu bil-ġebel.
6 Imma meta ra lil Ġesù mill-bogħod, hu ġera lejh u miel quddiemu.
7 Imbagħad għajjat b’leħen għoli: “X’għandi x’naqsam miegħek, Ġesù, Bin l-Alla l-Iktar Għoli? Aħlifli b’Alla li mhux se tikkastigani.”
8 Għax Ġesù kien qed jgħidlu: “Ja spirtu ħażin,* oħroġ mir-raġel.”
9 Imma Ġesù staqsieh: “X’jismek?” Hu wieġbu: “Jisimni Armata,* għax aħna ħafna.”
10 U baqaʼ jitlob lil Ġesù bil-ħniena biex ma jibgħatx lill-ispirti barra mill-pajjiż.
11 Issa kien hemm merħla kbira taʼ ħnieżer li kienu qed jieklu ħdejn il-muntanja.
12 Għalhekk, l-ispirti talbuh bil-ħniena: “Ibgħatna fil-ħnieżer, ħalli nidħlu fihom.”
13 U hu tahom permess. Għalhekk, l-ispirti ħżiena* ħarġu u marru fil-merħla tal-ħnieżer li kien fiha madwar 2,000. Dawn ġrew lejn l-irdum, qabżu fil-baħar, u għerqu.
14 Imma dawk li kienu qed jieħdu ħsiebhom ħarbu u marru jgħidu b’dan lin-nies tal-belt u tal-kampanja. Imbagħad in-nies marru jaraw x’ġara.
15 Għalhekk, marru ħdejn Ġesù u raw ir-raġel li qabel kellu l-Armata tad-demonji fih. Hu kien bilqiegħda, liebes, u f’sensih. B’hekk bdew jibżgħu.
16 Ukoll, dawk li kienu raw dan, irrakkontawlhom x’kien ġralu r-raġel li kellu d-demonji u x’ġara lill-ħnieżer.
17 Għalhekk, bdew jitolbu lil Ġesù bil-ħniena biex jitlaq mir-reġjun tagħhom.
18 Issa hekk kif Ġesù kien tielaʼ fuq id-dgħajsa, ir-raġel li qabel kellu d-demonji talbu bil-ħniena biex imur miegħu.
19 Però ma ħalliehx, u qallu: “Mur id-dar għand il-qraba tiegħek, u għidilhom dak kollu li Ġeħova* għamel għalik u l-ħniena li wera miegħek.”
20 Dan ir-raġel telaq u beda jxandar fid-Dekapoli* dak kollu li Ġesù kien għamel għalih, u n-nies kollha baqgħu mistagħġbin.
21 Wara, Ġesù reġaʼ qasam bid-dgħajsa għan-naħa l-oħra tal-baħar, u waqt li kien ħdejn ix-xatt, inġabret madwaru folla kbira.
22 Wieħed mill-mexxejja tas-sinagoga, jismu Ġajru, resaq viċin u malli rah miel fejn saqajh.
23 Hu baqaʼ jitolbu bil-ħniena u qallu: “It-tifla żgħira tiegħi qiegħda ħażin ħafna.* Jekk jogħġbok ejja u qiegħed idejk fuqha ħalli tfiq u tgħix.”
24 Għalhekk, Ġesù mar miegħu, u folla kbira marret warajh u bdiet tross fuqu.
25 Issa kien hemm mara li kienet ilha 12-il sena tbati bit-tnixxija tad-demm.
26 Hi tgħidx kemm batiet minħabba l-kura li ħadet minn ħafna tobba, u nefqet kulma kellha. Imma minflok ma marret għall-aħjar, marret għall-agħar.
27 Meta semgħet dwar Ġesù, hi resqet lejh minn warajh fil-folla u messitlu l-libsa,
28 għax hi kienet tgħid: “Jekk imqar immiss il-ħwejjeġ tiegħu, jien infiq.”
29 U t-tnixxija tad-demm tagħha waqfet mill-ewwel, u hi ndunat li kienet fieqet minn din il-marda kerha ħafna.
30 Ġesù mill-ewwel induna li kienet ħarġet qawwa minnu, u dar lejn il-folla u staqsa: “Min messli ħwejġi?”
31 Imma d-dixxipli tiegħu qalulu: “Qed tara l-folla tross fuqek u qed tistaqsi, ‘Min messni?’”
32 Madankollu, hu kien qed iħares madwaru biex jara min għamel hekk.
33 Il-mara, li kienet indunat li fieqet, resqet imbeżżgħa u titriegħed, mielet quddiemu, u qaltlu kollox.
34 Hu qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek. Mur fil-paċi, u kun imfejqa mill-marda kerha ħafna tiegħek.”
35 Waqt li kien għadu qed jitkellem, waslu xi rġiel mid-dar tal-mexxej tas-sinagoga u qalu: “Bintek mietet! Għala tkompli ddejjaq lill-Għalliem?”
36 Imma Ġesù semagħhom u qal lill-mexxej tas-sinagoga: “Tibżax,* imma uri l-fidi.”
37 Hu ma ħalla lil ħadd imur warajh ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni ħu Ġakbu.
38 Huma waslu d-dar tal-mexxej tas-sinagoga, u Ġesù ra l-konfużjoni tan-nies li kienu qed jibku fuq li jibku.
39 Wara li daħal, hu qalilhom: “Għala qed tibku u taqilgħu konfużjoni? It-tifla mhix mejta, imma rieqda.”
40 Għal dan, huma bdew jidħqu bih. Imma wara li bagħat lil kulħadd ’il barra, hu ħa lil missier u omm it-tifla u lil dawk li kienu miegħu, u daħal fejn kien hemm it-tifla.
41 Imbagħad qabad id it-tifla u qalilha: “Talita kumi,” li meta jiġi tradott ifisser: “Tifla, qed ngħidlek, ‘Qum!’”
42 U t-tifla qamet mill-ewwel u bdiet timxi. (Hi kellha 12-il sena.) Malli raw dan, lanqas kienu jafu x’se jaqbdu jagħmlu daqskemm kienu ferħanin.
43 Imma hu kkmandahom għal darba wara l-oħra* biex ma jħallu lil ħadd isir jaf b’dan, u qalilhom biex jagħtuha xi ħaġa x’tiekol.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “mhux nadif.”
^ Jew “qalb l-oqbra tat-tifkira.”
^ Letteralment “mhux nadif.”
^ Letteralment “Leġjun.” Fl-armata Rumana kien hemm madwar 4,000 sa 6,000 suldat f’leġjun wieħed.
^ Letteralment “mhux nodfa.”
^ Jew “fir-Reġjun tal-Għaxart Ibliet.”
^ Jew “waslet biex tmut.”
^ Jew “Tibqax tibżaʼ.”
^ Jew “b’mod sod.”