L-Aħbar Tajba Skont Marku 13:1-37

  • IS-SINJAL TAT-TMIEM (1-37)

    • Gwerer, terremoti, u nuqqas taʼ ikel (8)

    • L-aħbar tajba se tiġi ppritkata (10)

    • Żmien taʼ tbatija kbira (19)

    • In-nies se jaraw lil Bin il-bniedem ġej (26)

    • L-eżempju tas-siġra tat-tin (28-31)

    • Ibqgħu għassa (32-37)

13  Hu u ħiereġ mit-tempju, wieħed mid-dixxipli qallu: “Għalliem, ara xi ġmiel taʼ ġebel u bini!” 2  Imma Ġesù qallu: “Qed tarah dan il-bini kbir? Żgur li l-ġebel kollu se jitwaqqaʼ u ma titħalliex ġebla fuq oħra.” 3  Hekk kif kien bilqiegħda fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ iħares lejn it-tempju, Pietru, Ġakbu, Ġwanni, u Indrì staqsewh waqt li kien waħdu: 4  “Għidilna, meta se jiġru dawn l-affarijiet, u x’se jkun is-sinjal li dan kollu se jispiċċa?” 5  Ġesù beda jgħidilhom: “Oqogħdu attenti li ħadd ma jqarraq bikom. 6  Ħafna se jiġu u jużaw ismi, u jgħidu, ‘Jien il-Kristu,’ u jqarrqu b’ħafna. 7  Iktar minn hekk, meta tisimgħu bi gwerer f’postijiet differenti, tibżgħux. Dawn l-affarijiet iridu jiġru, imma ma jkunx għadu t-tmiem. 8  “Se jkun hemm il-ġlied bejn poplu u ieħor u bejn pajjiż u ieħor, terremoti f’post wara l-ieħor, u anki nuqqas taʼ ikel. Dawn l-affarijiet huma l-bidu taż-żmien tat-tbatija.* 9  “Imma intom, oqogħdu attenti għalikom infuskom. In-nies se jtellgħukom il-qorti, se jsawtukom fis-sinagogi, u se jiħdukom għand il-mexxejja u r-rejiet minħabba fija biex jieħdu xhieda. 10  Ukoll, l-ewwel trid tiġi ppritkata l-aħbar tajba lill-popli kollha. 11  U meta jkunu qed jiħdukom għand l-awtoritajiet, tkunux ansjużi minn qabel dwar x’se tgħidu. Se tkunu tafu dak il-ħin xi tridu tgħidu, għax mhux intom tkunu qed titkellmu, imma l-ispirtu qaddis. 12  Barra minn hekk, in-nies se jieħdu lil ħuhom jew lit-tifel tagħhom biex jinqatel, u t-tfal se jirribellaw kontra l-ġenituri u jiħduhom biex jinqatlu. 13  In-nies kollha se jobogħdukom minħabba li intom dixxipli tiegħi. Imma min jissaporti sal-aħħar se jiġi salvat. 14  “Madankollu, intom se taraw il-ħaġa moqżieża li se teqred l-affarijiet kollha fil-post fejn m’għandhiex tkun (ħa juża moħħu l-qarrej). Meta dawk li jkunu fil-Lhudija jaraw dan, għandhom jaħarbu lejn il-muntanji. 15  Min ikun fuq il-bejt la għandu jinżel u lanqas jidħol id-dar biex jieħu xi affarijiet. 16  Min ikun fl-għalqa m’għandux imur lura biex jieħu l-ħwejjeġ tiegħu. 17  Ħa jkun żmien ikrah għan-nisa tqal u għal dawk li jkunu qed jieħdu ħsieb xi tarbija. 18  Ibqgħu itolbu biex ma jkollkomx għalfejn taħarbu fix-xitwa, 19  għax se jkun żmien taʼ tbatija kbira* li qatt ma kien hawn bħalu mill-bidu tal-ħolqien t’Alla sa dak iż-żmien, u qatt mhu se jerġaʼ jkun hawn. 20  Fil-fatt, li kieku Ġeħova* ma jqassarx dak iż-żmien, ħadd ma jsalva. Imma hu se jqassar dak iż-żmien minħabba dawk li għażel. 21  “Mela jekk xi ħadd jgħidilkom, ‘Hawn qiegħed il-Kristu!’ jew, ‘Hemm qiegħed!’ temmnuhx. 22  Għax se jkun hemm Kristijiet foloz u profeti foloz li se jagħmlu mirakli biex iqarrqu, jekk jistaʼ jkun, bil-magħżulin. 23  Għalhekk, oqogħdu attenti. Jien għedtilkom kollox minn qabel. 24  “Imma wara dak iż-żmien taʼ tbatija, ix-xemx se tiddallam, il-qamar mhux se jagħti d-dawl, 25  l-istilel se jaqgħu mis-sema, u l-affarijiet li hemm fis-sema jitheżżu. 26  Imbagħad in-nies se jaraw lili, Bin il-bniedem, ġej fis-sħab b’qawwa u glorja kbira. 27  Wara se nibgħat lill-anġli biex jiġbru lill-magħżulin tiegħi mill-erbaʼ naħat tad-dinja, minn tarf l-art sa tarf is-sema. 28  “Tgħallmu mis-siġra tat-tin: Meta din toħroġ friegħi ġodda u ttellaʼ l-weraq, tkunu tafu li ġej is-sajf. 29  Bl-istess mod, meta intom taraw dawn l-affarijiet kollha jiġru, tkunu tafu li jien kważi wasalt.* 30  Naċċertakom li dawn l-affarijiet kollha se jiġru qabel ma tmut din il-ġenerazzjoni. 31  Is-sema u l-art se jispiċċaw, imma dak li ngħid jien se jibqaʼ għal dejjem. 32  “Ħadd ma jaf meta u x’ħin ġejja din il-ġurnata, la l-anġli tas-sema u lanqas jien, l-Iben. Il-Missier biss jaf. 33  Ibqgħu għassa u mqajmin, għax ma tafux meta ġej iż-żmien li għażel Alla. 34  Dan hu bħal raġel li siefer u ħalla d-dar tiegħu f’idejn l-ilsiera tiegħu, billi ta xogħol lil kull wieħed minnhom u kkmanda l-għassies tal-bieb biex jibqaʼ għassa. 35  Għalhekk, ibqgħu għassa, għax ma tafux meta ġej sid id-dar, jekk hux filgħaxija, f’nofsillejl, xħin jisbaħ,* jew filgħodu. 36  B’hekk meta jiġi għal għarrieda, ma jsibkomx reqdin. 37  Imma dak li ngħid lilkom, ngħidu lil kulħadd: Ibqgħu għassa.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “tal-uġigħ tal-ħlas,” jiġifieri wġigħ taʼ meta mara tkun qed twelled.
Letteralment “tribulazzjoni kbira.”
Jew “jien qiegħed ħdejn il-bieb.”
Letteralment “xħin jidden is-serduq.”