L-Aħbar Tajba Skont Marku 11:1-33

  • Ġesù jidħol bħala rebbieħ (1-11)

  • Is-siġra tat-tin tiġi misħuta (12-14)

  • Ġesù jnaddaf it-tempju (15-18)

  • Tagħlima mis-siġra tat-tin li nixfet (19-26)

  • Jisfidaw l-awtorità taʼ Ġesù (27-33)

11  Meta kienu viċin Ġerusalemm, waslu ħdejn il-Muntanja taż-Żebbuġ fejn Betfaġe u Betanja. Ġesù bagħat żewġ dixxipli 2  u qalilhom: “Morru fir-raħal li hemm quddiemkom, u hekk kif tidħlu ssibu felu taʼ ħmara marbut li għadu ma rikeb ħadd fuqu. Ħolluh u ġibuhuli. 3  U jekk xi ħadd jgħidilkom, ‘Għala qed tagħmlu hekk?’ għidulu, ‘Il-Mulej għandu bżonnu u malajr se jibgħathulkom lura.’” 4  Għalhekk, telqu u sabu l-felu tal-ħmara marbut barra ħdejn il-bieb, u ħallewh. 5  Imma xi nies li kienu hemm staqsewhom: “Għala qed tħolluh?” 6  Huma qalulhom eżatt bħalma qalilhom Ġesù, u ħallewhom imorru. 7  Huma ħadu l-felu tal-ħmara għand Ġesù, poġġew fuqu xi ħwejjeġ li kienu lebsin, u Ġesù poġġa fuqu. 8  Ukoll, ħafna firxu l-ilbiesi tagħhom fit-triq, imma oħrajn qatgħu friegħi mill-għelieqi. 9  U dawk li kienu mexjin quddiemu u warajh bdew jgħajtu: “Ħa jiġi salvat! Ħa jkun imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova!* 10  Jalla Alla jbierek is-Saltna li ġejja taʼ missierna David! Alla tas-sema, salvah jekk jogħġbok!” 11  U Ġesù daħal Ġerusalemm, mar fit-tempju, u ra dak li kien hemm fih, imma peress li kien sar il-ħin, ħareġ lejn Betanja mat-Tnax. 12  L-għada, meta kienu ħerġin minn Betanja, hu qabdu l-ġuħ. 13  Mill-bogħod ra siġra tat-tin li kellha l-weraq, u mar biex jara jsibx frott. Imma xħin wasal ħdejha, ma sab xejn ħlief weraq għax ma kienx żmien it-tin. 14  Għalhekk qalilha: “Ħadd mhu se jerġaʼ jiekol frott minnek.” U d-dixxipli tiegħu kienu qed jisimgħuh. 15  Imbagħad waslu Ġerusalemm. Ġesù daħal fit-tempju u beda jkeċċi lil dawk li kienu qed ibigħu u jixtru hemm. Hu qaleb l-imwejjed taʼ dawk li kienu jsarrfu l-flus u l-bankijiet taʼ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem. 16  Hu ma ħalla lil ħadd jgħaddi mit-tempju b’xi oġġett. 17  Hu kien qed jgħallimhom u jgħidilhom: “Fl-Iskrittura hemm miktub, ‘Dari se tissejjaħ dar tat-talb għall-popli kollha,’ imma intom għamiltuha għar tal-ħallelin.” 18  Il-qassisin importanti u l-iskribi semgħuh jgħid hekk u bdew jaraw kif se joqtluh, għax kienu jibżgħu minnu u għax il-folla kollha kienet imbellha bit-tagħlim tiegħu. 19  Meta kien sar il-ħin, huma ħarġu mill-belt. 20  L-għada filgħodu huma kienu għaddejjin minn ħdejn is-siġra tat-tin u raw li diġà kienet nixfet mill-għeruq. 21  Meta Pietru ftakar x’kien qal dwarha, qallu: “Ara Rabbi!* Is-siġra tat-tin li sħitt int nixfet.” 22  Ġesù qalilhom: “Ħa jkollkom fidi f’Alla. 23  Naċċertakom li kull min jgħid lil din il-muntanja, ‘Inqalaʼ u ntefaʼ l-baħar,’ u ma jiddubitax imma jkollu fidi li dak li jgħid se jiġri, hekk jiġri. 24  Għalhekk ngħidilkom li jekk ikollkom fidi li se tirċievu kulma titolbu, tirċivuh. 25  Meta titolbu, aħfru kwalunkwe nuqqas li ħaddieħor għamel kontrikom, ħalli Missierkom li hu fis-sema jaħfer in-nuqqasijiet tagħkom ukoll.” 26 *—— 27  Huma reġgħu marru Ġerusalemm, u hekk kif Ġesù kien miexi fit-tempju, il-qassisin importanti, l-iskribi, u l-anzjani* marru 28  u staqsewh: “Int b’liema awtorità tagħmel dawn l-affarijiet? U min tahielek din l-awtorità?” 29  Ġesù wiġibhom: “Ħa nistaqsikom mistoqsija jien l-ewwel. Jekk twiġbuni, ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dawn l-affarijiet. 30  Min bagħat lil Ġwanni biex jgħammed, l-Alla tas-sema jew in-nies? Wiġbuni.” 31  Għalhekk, bdew jirraġunaw bejniethom: “Jekk ngħidulu, ‘Alla,’ jgħidilna, ‘Mela allura għala m’emmintuhx?’ 32  Imma mhux se nażżardaw ngħidu, ‘In-nies’.” Huma kienu jibżgħu mill-folla, għax kulħadd kien iqis lil Ġwanni bħala li kien profeta. 33  Għalhekk, wieġbu lil Ġesù: “Ma nafux.” Imbagħad hu qalilhom: “Lanqas jien mhu se ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dawn l-affarijiet.”

Noti taʼ taħt

Jew “Għalliem.”
Ara App. A3.