L-Aħbar Tajba Skont Marku 2:1-28

  • Ġesù jfejjaq raġel ipparalizzat (1-12)

  • Ġesù jgħajjat lil Levi (13-17)

  • Mistoqsija dwar is-sawm (18-22)

  • Ġesù għandu ‘awtorità fuq is-Sabat’ (23-28)

2  Madankollu, wara ftit jiem, hu reġaʼ mar Kafarnahum u n-nies saru jafu li kien id-dar. 2  Tant inġabru nies fid-dar li ma kienx hemm fejn joqogħdu, lanqas fejn il-bieb, u beda jkellimhom dwar l-aħbar tajba. 3  U n-nies ħadulu raġel ipparalizzat li kienu qed iġorruh erbat irġiel. 4  Imma minħabba l-folla ma setgħux jiħduh eżatt ħdejn Ġesù. Għalhekk, neħħew parti mis-saqaf u niżżlu lir-raġel ipparalizzat fuq is-sodda li kien fiha. 5  Meta Ġesù ra l-fidi tagħhom, hu qal lir-raġel ipparalizzat: “Ibni, id-dnubiet tiegħek ġew maħfurin.” 6  U kien hemm xi skribi bilqiegħda u kienu qed jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: 7  “Dan ir-raġel għala qed jgħid hekk? Qiegħed jidgħi.* Alla biss jistaʼ jaħfer id-dnubiet.” 8  Imma Ġesù mill-ewwel induna li kienu qed jirraġunaw b’dan il-mod, allura qalilhom: “Għala qed taħsbu hekk? 9  X’inhu l-eħfef, li tgħid lir-raġel ipparalizzat, ‘Dnubietek ġew maħfurin,’ jew li tgħidlu, ‘Qum, erfaʼ s-sodda tiegħek, u imxi’? 10  Jien, Bin il-bniedem, se nurikom li għandi l-awtorità li naħfer id-dnubiet fuq l-art.” Għalhekk, qal lir-raġel ipparalizzat: 11  “Qum, erfaʼ s-sodda, u mur lejn id-dar tiegħek.” 12  B’hekk hu qam, u mill-ewwel refaʼ s-sodda tiegħu u ħareġ ’il barra quddiem kulħadd. In-nies baqgħu mbellhin, u faħħru lil Alla u qalu: “Qatt ma rajna xi ħaġa bħal din.” 13  Ġesù reġaʼ mar ħdejn il-baħar, u n-nies kollha komplew imorru warajh, u beda jgħallimhom. 14  Waqt li kien miexi, ra lil Levi t-tifel taʼ Alfew bilqiegħda fl-uffiċċju tat-taxxi u qallu: “Kun dixxiplu tiegħi.” U dan qam u mar warajh. 15  Iktar tard, Ġesù kien qed jiekol fid-dar taʼ Levi, u ħafna li jiġbru t-taxxi u midinbin* kienu qed jieklu miegħu u mad-dixxipli tiegħu, għax kien hemm ħafna minnhom li marru warajh. 16  Imma meta l-iskribi li kienu Fariżej rawh jiekol mal-midinbin u dawk li jiġbru t-taxxi, bdew jgħidu lid-dixxipli tiegħu: “Kif qiegħed jiekol maʼ dawk li jiġbru t-taxxi u l-midinbin?” 17  Meta semaʼ hekk, Ġesù qalilhom: “Dawk li huma b’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma dawk li huma morda iva. Jien ma ġejtx biex ngħin lin-nies ġusti jindmu, imma lill-midinbin.” 18  Id-dixxipli taʼ Ġwanni u l-Fariżej kienu jsumu. Allura marru għandu xi wħud u staqsewh: “Għala d-dixxipli taʼ Ġwanni u tal-Fariżej isumu imma d-dixxipli tiegħek ma jsumux?” 19  Ġesù wiġibhom: “Il-ħbieb tal-għarus m’għandhomx għalfejn isumu waqt li l-għarus ikun magħhom, hux hekk? Sakemm l-għarus ikun magħhom, ma jistgħux isumu. 20  Imma meta jiġi ż-żmien li l-għarus jittieħed minn magħhom, huma se jsumu. 21  Ħadd ma jsewwi libsa qadima b’biċċa drapp ġdida. Jekk jagħmel hekk, il-biċċa drapp ġdida tiġbed id-drapp qadim, u dan iktar jitqattaʼ. 22  Ukoll, ħadd ma jitfaʼ nbid ġdid fi fliexken tal-ġilda qodma. Jekk jagħmel hekk, l-inbid jifqagħhom, u jitlef kemm l-inbid kif ukoll il-fliexken tal-ġilda. Għalhekk, l-inbid ġdid jitpoġġa fi fliexken tal-ġilda ġodda.” 23  Waqt li Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu għaddejjin mill-għelieqi bil-qamħ fis-Sabat, id-dixxipli bdew jaqtgħu l-parti taʼ fuq tal-qamħ u jikluh. 24  B’hekk, il-Fariżej qalulu: “Ismaʼ ’l hawn! Għala qed jagħmlu xi ħaġa li skont il-Liġi ma jistgħux jagħmluha fis-Sabat?” 25  Imma hu qalilhom: “Qatt ma qrajtu dwar x’għamel David meta hu u l-irġiel li kienu miegħu kellhom il-ġuħ u ma kellhomx x’jieklu? 26  Fir-rakkont dwar Abjatar il-qassis il-kbir, David daħal fid-dar t’Alla u kiel il-ħobż tal-preżenza, li skont il-Liġi l-qassisin biss setgħu jikluh, u ta minnu wkoll lill-irġiel li kienu miegħu.” 27  Imbagħad qalilhom: “Is-Sabat sar għan-nies u mhux in-nies għas-Sabat. 28  Għalhekk, jien, Bin il-bniedem, għandi awtorità* anki fuq is-Sabat.”

Noti taʼ taħt

Jew “nies li jagħmlu d-dnub.”
Jew “Sid.”