L-Aħbar Tajba Skont Marku 10:1-52

  • Iż-żwieġ u d-divorzju (1-12)

  • Ġesù jbierek lit-tfal (13-16)

  • Mistoqsija taʼ raġel sinjur (17-25)

  • Sagrifiċċji għas-Saltna (26-31)

  • Terġaʼ tiġi mbassra l-mewt taʼ Ġesù (32-34)

  • Dak li jitolbu Ġakbu u Ġwanni (35-45)

    • Ġesù hu fidwa għal ħafna (45)

  • Bartimew jiġi mfejjaq u jibda jara (46-52)

10  Minn hemm, hu telaq u mar ħdejn il-fruntieri tal-Lhudija, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, u l-folol reġgħu nġabru madwaru. Hu reġaʼ beda jgħallimhom bħalma kien imdorri jagħmel. 2  U resqu lejh xi Fariżej bil-ħsieb li jittestjawh u staqsewh jekk skont il-Liġi raġel setax jiddivorzja l-mara tiegħu. 3  Wiġibhom: “Xi kkmandakom Mosè?” 4  Qalulu: “Mosè qal li raġel jistaʼ jikteb ċertifikat tad-divorzju u jkeċċiha.” 5  Imma Ġesù qalilhom: “Hu kitbilkom dan il-kmandament għax intom raskom iebsa. 6  Madankollu, meta ħalaqhom, ‘Alla għamilhom raġel u mara. 7  Minħabba f’hekk, raġel iħalli lil missieru u lil ommu, 8  u huma jsiru ġisem wieħed.’ Għalhekk m’għadhomx iktar tnejn, imma saru ġisem wieħed. 9  Mela jekk Alla għaqqadhom flimkien, m’għandu jifridhom ħadd.” 10  Meta reġgħu kienu fid-dar, id-dixxipli bdew jistaqsuh dwar dan. 11  Hu qalilhom: “Kull min jiddivorzja lil martu u jiżżewweġ oħra, jagħmel adulterju kontriha, 12  u jekk mara tiddivorzja lir-raġel tagħha u tiżżewweġ ieħor, tkun għamlet adulterju.” 13  Imbagħad in-nies bdew jieħdu għandu xi tfal żgħar biex iberikhom billi jpoġġi jdejh fuqhom, imma d-dixxipli rrabjaw magħhom. 14  Malli ra dan, Ġesù xejn ma ħa pjaċir u qalilhom: “Ħalluhom jiġu għandi t-tfal żgħar; tipprovawx twaqqfuhom, għax is-Saltna t’Alla* hi taʼ dawk li huma bħalhom. 15  Naċċertakom li kull min ma jaċċettax is-Saltna t’Alla bħal tifel żgħir żgur li ma jkunx parti minnha.” 16  Hu għannaq lit-tfal miegħu u beda jberikhom billi jpoġġi jdejh fuqhom. 17  Hu u sejjer, wieħed raġel mar jiġri lejh, niżel għarkopptejh quddiemu, u staqsieh: “Għalliem Tajjeb, xi rrid nagħmel biex ngħix għal dejjem?” 18  Ġesù wieġbu: “Għala tgħidli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla. 19  Int tafhom il-kmandamenti, ‘Toqtolx, tagħmilx adulterju, tisraqx, tixhidx falz, timbroljax, irrispetta lil missierek u lil ommok.’” 20  Ir-raġel qallu: “Għalliem, dawn ilni nobdihom minn mindu kont żgħir.” 21  Ġesù ħares lejh u, peress li kien jinteressah minnu, qallu, “Ħaġa waħda jonqsok: Mur, bigħ dak li għandek u l-flus agħtihom lill-foqra, u jkollok affarijiet li Alla jqishom importanti.* Imbagħad ejja u kun dixxiplu tiegħi.” 22  Meta semaʼ dan, hu sewwed qalbu u telaq imdejjaq għax kellu ħafna ġid. 23  Ġesù ħares madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Se jkun vera diffiċli għal dawk li għandhom ħafna flus biex jidħlu fis-Saltna t’Alla!” 24  Imma d-dixxipli baqgħu sorpriżi b’dak li qalilhom. Imbagħad Ġesù reġaʼ qalilhom: “Uliedi, kemm hu diffiċli biex tidħol fis-Saltna t’Alla! 25  Hu eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn taʼ labra milli raġel sinjur jidħol fis-Saltna t’Alla.” 26  Huma iktar stagħġbu u qalulu:* “Mela min jistaʼ jiġi salvat?” 27  Ġesù ħares lejhom u qal: “Għan-nies dan hu impossibbli, imma mhux għal Alla, għax għal Alla kollox possibbli.” 28  Imbagħad Pietru qallu: “Aħna tlaqna kollox u ġejna warajk.” 29  Ġesù qal: “Naċċertakom li kull min telaq id-dar tiegħu, lil ħutu subien jew bniet, lil ommu, lil missieru, lit-tfal, jew l-għelieqi biex ikun dixxiplu tiegħi jew għall-aħbar tajba 30  se jirċievi 100 darba iktar issa—djar, aħwa, ġenituri,* għelieqi, flimkien mal-persekuzzjonijiet—u ħajja taʼ dejjem fil-futur.* 31  Imma ħafna li huma l-ewwel se jiġu l-aħħar, u dawk li huma l-aħħar se jiġu l-ewwel.” 32  Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi qabilhom. Huma baqgħu mistagħġbin, u dawk li kienu mexjin warajhom bdew jibżgħu. Għal darb’oħra, ħa lit-Tnax waħedhom u beda jgħidilhom dwar l-affarijiet kollha li kien se jgħaddi minnhom. Hu qalilhom: 33  “Bħalissa telgħin Ġerusalemm, u jien, Bin il-bniedem, se ningħata f’idejn il-qassisin importanti u l-iskribi. Dawn se jikkundannawni għall-mewt u jagħtuni f’idejn in-nies taʼ pajjiżi oħra 34  li se jgħadduni biż-żmien, jobżquli, isawtuni, u joqtluni, imma tlett ijiem wara niġi mqajjem.” 35  Ġakbu u Ġwanni, it-tfal taʼ Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Għalliem, aħna nixtiequ li tagħtina dak kollu li nitolbuk.” 36  Qalilhom: “Xi triduni nagħtikom?” 37  Qalulu: “Ħallina noqogħdu bilqiegħda ħdejk, wieħed fuq il-lemin u wieħed fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek.” 38  Imma Ġesù wiġibhom: “Intom ma tafux x’qed titolbu. Tistgħu tixorbu minn dak li qed nixrob jien jew tgħaddu minn dak li se ngħaddi minnu jien?”* 39  Huma qalulu: “Nistgħu.” Għal dan Ġesù qalilhom: “Intom se tixorbu minn dak li qed nixrob jien u se tgħaddu minn dak li qed ngħaddi minnu jien.* 40  Madankollu, ma nistax ngħidilkom jien min se jpoġġi fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, għax dan iddeċidieh Missieri.” 41  Meta l-għaxra l-oħra semgħu b’dan, xejn ma ħadu pjaċir b’Ġakbu u Ġwanni. 42  Imma Ġesù għajtilhom u qalilhom: “Intom tafu li l-mexxejja tal-popli jmexxu kif iridu huma u dawk fl-awtorità jużaw il-qawwa tagħhom biex jiddominaw lin-nies. 43  Intom m’għandkomx tagħmlu hekk bejnietkom, imma min irid ikun l-aqwa minnkom għandu jaqdi lill-oħrajn, 44  u min irid ikun l-ewwel minnkom għandu jkun l-ilsir taʼ kulħadd. 45  Għax lanqas jien, Bin il-bniedem, ma ġejt biex inkun moqdi, imma biex naqdi u nagħti ħajti bħala fidwa* għal ħafna.” 46  Imbagħad waslu Ġeriko. Imma hekk kif hu, id-dixxipli tiegħu, u folla kbira kienu ħerġin minn Ġeriko, kien hemm Bartimew (bin Timew) bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Hu kien jittallab u ma jarax. 47  Meta semaʼ li kien hemm Ġesù n-Nazzarenu, hu beda jgħajjat u jgħid: “Bin David, Ġesù, ħenn għalija!” 48  Għal dan ħafna nies bdew jgħajtu miegħu biex jieqaf, imma hu iktar beda jgħajjat: “Bin David, ħenn għalija!” 49  Għalhekk, Ġesù waqaf u qal: “Għidulu jiġi ħdejja.” U dawn għajtu lir-raġel li ma kienx jara u qalulu: “Agħmel kuraġġ! Qum, għax qed jgħajjatlek.” 50  Hu tajjar il-libsa taʼ fuq, qam malajr, u mar ħdejn Ġesù. 51  Imbagħad Ġesù qallu: “Kif nistaʼ ngħinek?” Ir-raġel qallu: “Rabboni,* ħallini nerġaʼ nara.” 52  Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek.” U r-raġel mill-ewwel reġaʼ beda jara, u beda jimxi warajh.

Noti taʼ taħt

Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “teżori fis-sema.”
Jew forsi “qalu lil xulxin.”
Letteralment “ommijiet.”
Jew “fis-sistema tal-affarijiet li ġejja.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “jew titgħammdu bħalma qed niġi mgħammed jien?”
Letteralment “se titgħammdu bħalma qed nitgħammed jien.”
Ifisser “Għalliem.”