L-Aħbar Tajba Skont Marku 7:1-37
7 Issa l-Fariżej u xi skribi li kienu ġew minn Ġerusalemm inġabru madwaru.
2 Huma raw li xi dixxipli tiegħu ma ħaslux idejhom qabel kielu, jiġifieri ma ħaslux idejhom b’mod ċerimonjali.
3 (Għax il-Fariżej u l-Lhud kollha ma jiklux qabel ma jaħslu jdejhom sal-minkeb, biex iżommu mat-tradizzjoni tan-nies taʼ qabilhom.
4 U meta jiġu lura mis-suq, huma ma jiklux qabel ma jinħaslu. Hemm ħafna iktar tradizzjonijiet li baqgħu jżommu magħhom, bħal li jgħaddsu fl-ilma t-tazzi, il-buqari, u oġġetti tar-ram.)
5 Għalhekk, dawn il-Fariżej u l-iskribi staqsewh: “Id-dixxipli tiegħek għala ma jżommux mat-tradizzjoni taʼ dawk taʼ qabilna, imma jieklu b’idejhom maħmuġin?”
6 Hu qalilhom: “Sewwa pprofetizza dwarkom Isaija, ja ipokriti. Għax hemm miktub, ‘Dawn in-nies ifaħħruni bi kliemhom, imma ma jħobbunix.
7 Għalxejn jibqgħu jqimuni, għax dak li jgħallmu hu bbażat fuq dak li jgħidu n-nies, u mhux fuq dak li jgħid Alla.’
8 Intom titilqu l-kmandamenti t’Alla u żżommu mat-tradizzjonijiet tal-bnedmin.”
9 Qalilhom ukoll: “Intom b’makakkerija ssibu modi biex ma tobdux il-kmandamenti t’Alla u żżommu mat-tradizzjonijiet tagħkom.
10 Pereżempju, Mosè qal, ‘Irrispetta lil missierek u lil ommok,’ u, ‘Kull min joffendi* lil missieru jew lil ommu għandu jinqatel.’
11 Imma intom tgħidu li persuna tistaʼ tgħid lil missierha jew lil ommha li ma tistax tgħinhom, għax dak li għandha diġà hu qorban (jiġifieri ddedikat lil Alla bħala rigal),”’
12 u allura ma tħalluha tagħmel xejn biex tgħin lil missierha jew lil ommha.
13 B’hekk, it-tradizzjonijiet li bqajtu żżommu magħhom ġabu l-kelma t’Alla fix-xejn. U tagħmlu ħafna affarijiet bħal dawn.”
14 Għalhekk, reġaʼ għajjat lill-folla biex tmur ħdejh u qalilhom: “Ejjew kollha, ħalli titgħallmu u tifhmu.
15 Bniedem ma jitniġġisx b’dak li jiekol, imma bil-ħsibijiet ħżiena li hemm f’qalbu.”
16 *——
17 Meta Ġesù daħal f’dar ’il bogħod mill-folla, id-dixxipli tiegħu bdew jistaqsuh dwar l-eżempju li ta.
18 Għalhekk qalilhom: “Lanqas intom mhu qed tifhmu? Ma tafux li bniedem ma jitniġġisx b’dak li jiekol?
19 Għax l-ikel ma jgħaddix mill-qalb, imma jgħaddi mill-istonku u jispiċċa fid-dranaġġ.” B’hekk hu qal li l-ikel kollu hu nadif.
20 Hu kompla jgħid: “Huma l-ħsibijiet ħżiena li hemm fil-qalb li jniġġsu persuna.
21 Għax mill-qalb joħroġ raġunar ħażin li jwassal għal immoralità sesswali,* serq, qtil,
22 adulterju, regħba, ħażen, qerq, kondotta ħażina bla mistħija,* għira, dagħa,* suppervja, u bluha.
23 Dawn l-affarijiet kollha jiġu mill-qalb u jniġġsu lill-bniedem.”
24 Minn hemm, hu telaq lejn ir-reġjuni taʼ Tir u Sidon. Hemmhekk, hu daħal f’dar u ma ried lil ħadd ikun jaf b’dan, imma n-nies xorta ndunaw bih.
25 Malli wasal, semgħet dwaru mara li t-tifla tagħha kellha spirtu ħażin* fiha. Hi marret ħdejh u mielet fejn saqajh.
26 Il-mara kienet Griega, taʼ nazzjonalità Sirofeniċjana.* Hi bdiet titolbu biex ikeċċi lid-demonju mit-tifla tagħha.
27 Imma hu qalilha: “L-ewwel ħa jixbgħu t-tfal, għax mhux sewwa li tieħu l-ikel tat-tfal u tagħtih lill-klieb żgħar.”
28 Madankollu, hi wiġbitu: “Vera sinjur, iżda anki l-klieb żgħar jieklu mill-frak li jaqaʼ mill-mejda tat-tfal żgħar.”
29 Għalhekk qalilha: “Minħabba li għedt hekk tistaʼ tmur, għax id-demonju ħareġ mit-tifla tiegħek.”
30 Meta l-mara waslet id-dar, sabet lit-tifla mimduda fuq is-sodda u d-demonju ma kienx fiha.
31 Wara li Ġesù telaq mir-reġjun taʼ Tir, għadda minn Sidon lejn il-Baħar tal-Galilija, mir-reġjun tad-Dekapoli.*
32 Hemmhekk ħadulu raġel li ma kienx jismaʼ u li ma setax jitkellem sew, u talbuh bil-ħniena biex ipoġġi idu fuqu.
33 U Ġesù ħadu waħdu ’l bogħod min-nies. Imbagħad daħħal subgħajh f’widnejn ir-raġel, beżaq, u messlu lsienu.
34 U waqt li ħares lejn is-sema, ħa nifs kbir u qallu: “Effata,” jiġifieri “Infetaħ.”
35 Għal dan, widnejh infetħu u beda jitkellem sew.
36 Imbagħad ikkmanda lin-nies biex ma jgħidu lil ħadd, imma iktar ma kien jikkmandahom, iktar kienu jxandruh.
37 Infatti, huma baqgħu mbellhin għall-aħħar u qalu: “Hu għamel kollox tajjeb. Saħansitra fejjaq lil dawk li ma jisimgħux u lil dawk li ma jitkellmux.”
Noti taʼ taħt
^ Jew “jobgħod.”
^ Ara App. A3.
^ Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “mhux nadif.”
^ Jew “Sirofeniċjana mit-twelid.”
^ Jew “mir-Reġjun tal-Għaxart Ibliet.”