L-Aħbar Tajba Skont Mattew 5:1-48

  • IL-PRIETKA TAʼ FUQ IL-MUNTANJA (1-48)

    • Ġesù jibda jgħallem fuq il-muntanja (1, 2)

    • Disaʼ modi kif xi ħadd ikun ferħan (3-12)

    • Melħ u dawl (13-16)

    • Ġesù ġie biex iwettaq il-Liġi (17-20)

    • Pariri dwar ir-rabja (21-26), l-adulterju (27-30), id-divorzju (31, 32), il-ħalf (33-37), it-tpattija (38-42), u l-imħabba għall-għedewwa (43-48)

5  Meta ra l-folol, hu telaʼ fuq il-muntanja, poġġa hemm, u d-dixxipli tiegħu marru ħdejh. 2  Imbagħad beda jgħallimhom: 3  “Ferħanin huma dawk li jafu li għandhom bżonn lil Alla,* għax is-Saltna t’Alla* se tkun tagħhom. 4  “Ferħanin huma dawk imdejqin, għax se jiġu inkuraġġiti. 5  “Ferħanin huma l-umli,* għax se jirtu l-art. 6  “Ferħanin huma dawk li jixtiequ ħafna* li ssir ġustizzja, għax se jaqtgħu xewqithom. 7  “Ferħanin huma dawk li juru ħniena, għax se jintwerew ħniena. 8  “Ferħanin huma dawk li m’għandhomx ħażen f’qalbhom, għax se jaraw lil Alla. 9  “Ferħanin huma dawk li jġibu l-paċi, għax se jkunu t-tfal t’Alla. 10  “Ferħanin huma dawk li qed jiġu ppersegwitati minħabba li qed jagħmlu t-tajjeb, għax is-Saltna t’Alla se tkun tagħhom. 11  “Ferħanin intom meta n-nies jgħajrukom, jippersegwitawkom, u jgħidu kull tip taʼ gideb mill-agħar dwarkom minħabba fija. 12  Ifirħu ħafna, għax Alla se jberikkom bil-kbir.* Fil-fatt b’dan il-mod ġew ippersegwitati l-profeti li ġew qabilkom. 13  “Intom il-melħ tal-art, imma jekk il-melħ jitlef it-togħma tiegħu, jistaʼ xi ħadd jerġaʼ jagħmlu jintiegħem bħall-melħ? Ma jibqaʼ tajjeb għal xejn ħlief biex jintrema barra u jgħaddu minn fuqu n-nies. 14  “Intom id-dawl tad-dinja, bħal belt fuq muntanja li tidher żgur. 15  Meta n-nies jixegħlu lampa ma jqegħduhiex taħt qoffa, imma fuq gandlier ħalli tagħti d-dawl lil kull min ikun hemm fid-dar. 16  Bl-istess mod, ħallu d-dawl tagħkom jidher quddiem kulħadd, ħalli huma jaraw ix-xogħol tajjeb li qed tagħmlu u jfaħħru lil Missierkom tas-sema. 17  “Taħsbux li ġejt biex ngħid li l-Liġi taʼ Mosè jew il-kitbiet tal-profeti m’għandhomx valur, imma ġejt biex iseħħ it-tagħlim tagħhom. 18  Naċċertakom li anki jekk is-sema u l-art jispiċċaw, lanqas parti żgħira minn ittra tal-Liġi mhu se tispiċċa sakemm iseħħ dak kollu li hemm miktub fiha. 19  Għalhekk, kull min ma jobdix wieħed minn dawn il-kmandamenti li għan-nies ma jitqisux importanti u jgħallem lil oħrajn jagħmlu l-istess, ma jkunx jixraqlu li jidħol* fis-Saltna t’Alla. Iżda kull min jobdihom u jgħallimhom, se jkun jixraqlu li jidħol* fis-Saltna t’Alla. 20  Għax jekk ma tagħtux prova li intom iktar ġusti* mill-iskribi u l-Fariżej, żgur li ma tidħlux fis-Saltna t’Alla. 21  “Intom tafu xi ntqal lil dawk li għexu żmien twil ilu: ‘M’għandkomx toqtlu, imma kull min joqtol għandu jitlaʼ l-qorti.’ 22  Madankollu, jien ngħidilkom li kull min jibqaʼ rrabjat għal ħuh* se jiġi ġġudikat il-qorti; u kull min jgħajjar lil ħuh ikollu jmur il-Qorti Suprema; u kull min jgħidlu, ‘Ja iblah li ma tiswa għal xejn!’ se jispiċċa fin-nar taʼ Geħenna.* 23  “Għalhekk, jekk tkun qed tieħu l-offerta tiegħek lejn l-artal u tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontrik, 24  ħalli l-offerta tiegħek quddiem l-artal, u mur iltaqaʼ miegħu. L-ewwel agħmel paċi maʼ ħuk, u mbagħad erġaʼ lura biex tagħti l-offerta. 25  “Irranġa malajr maʼ min jiftaħ kawża kontrik, waqt li tkunu għadkom sejrin il-qorti, biex b’hekk ma jagħtikx f’idejn l-imħallef, u l-imħallef ma jagħtikx f’idejn dak li jitfgħek il-ħabs. 26  Nassigurak li mhux se toħroġ minn hemm sakemm tkun ħallast id-dejn kollu.* 27  “Intom tafu li ntqal: ‘Tagħmilx adulterju.’ 28  Imma jien ngħidilkom li kull min jibqaʼ jħares lejn mara u jkun jixtieq ikollu relazzjoni sesswali magħha, ikun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu. 29  Għalhekk, jekk għajnek* tkun qed tfixklek, aqlagħha u itfagħha ’l bogħod minnek, għax ikun aħjar li titlef għajn waħda milli tispiċċa kollok kemm int f’Geħenna.* 30  Ukoll, jekk idek* qed tfixklek, aħjar taqtagħha u titfagħha ’l bogħod minnek, għax ikun aħjar li titlef id waħda milli tispiċċa kollok kemm int f’Geħenna.* 31  “Iktar minn hekk intqal: ‘Kull min jiddivorzja lill-mara, għandu jagħtiha ċertifikat tad-divorzju.’ 32  Madankollu, jien ngħidilkom li kull min jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba l-immoralità sesswali,* iqegħedha fil-periklu li tagħmel adulterju, u kull min jiżżewwiġha jkun għamel adulterju wkoll. 33  “Ukoll, tafu li ntqal lil dawk li għexu żmien twil ilu: ‘Tmurx lura minn dak li ħlift, imma agħmel bħalma wegħedt lil Ġeħova.’* 34  Imma jien ngħidilkom: Taħilfu b’xejn, la bis-sema, għax din hi t-tron t’Alla; 35  la bl-art, għax din hi l-banketta għal saqajh; u lanqas b’Ġerusalemm, għax din hi l-belt tar-Re l-Kbir.* 36  Taħlifx b’ħajtek,* ladarba lanqas biss tistaʼ tbiddel il-kulur taʼ xagħra waħda minn rasek. 37  Ħalli ‘l-Iva’ tfisser iva, u ‘l-Le,’ le, għax min ma jagħmilx hekk ikun ġej mill-Ħażin. 38  “Tafu li ntqal: ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna.’ 39  Imma jien ngħidilkom: Jekk xi ħadd mill-agħar jiġġieled kontrik, tiġġilidlux, anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa taʼ ħarta, dawwar wiċċek u ħallih jagħtik daqqa n-naħa l-oħra. 40  U jekk xi ħadd ikun irid itellgħek il-qorti biex jiħodlok il-libsa, agħtih ukoll il-ħwejjeġ kollha li għandek fuqek. 41  Jekk xi ħadd fl-awtorità jġiegħlek iġġorrlu xi ħaġa għal kilometru,* kun lest li ġġorrha għal żewġ kilometri. 42  Min jitolbok xi ħaġa, agħtihielu, u min għandu bżonn jissellef mingħandek, isilfu mingħajr imgħax. 43  “Tafu li ntqal: ‘Ħobb lil ħaddieħor, imma obgħod lill-għadu tiegħek.’ 44  Imma jien ngħidilkom: Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom. 45  B’hekk turu li intom it-tfal taʼ Missierkom li qiegħed fis-sema, għax hu jtellaʼ x-xemx kemm fuq it-tajbin u kemm fuq il-ħżiena u jibgħat ix-xita kemm fuq il-ġusti u kemm fuq dawk li mhumiex. 46  Għax jekk tħobbu lil dawk li jħobbukom, xi premju tistennew? Mhux anki dawk li qed jiġbru t-taxxi jagħmlu hekk? 47  U taħsbu li qed tagħmlu xi ħaġa speċjali għax issellmu lil ħutkom? Anki dawk li mhux Iżraelin jagħmlu hekk! 48  Mela kunu perfetti,* bħalma hu perfett Missierkom tas-sema.

Noti taʼ taħt

Jew “li huma konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom; il-foqra fl-ispirtu.”
Letteralment “is-Saltna tas-smewwiet.” Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “il-ġwejdin.”
Letteralment “bil-ġuħ u bil-għatx.”
Letteralment “għax il-ħlas tagħkom hu kbir fis-sema.”
Letteralment “se jissejjaħ l-iżgħar fejn għandha x’taqsam.”
Letteralment “se jissejjaħ kbir fejn għandha x’taqsam.”
Jew “iktar ubbidjenti.”
Jiġifieri xi ħadd ieħor li jqim lil Alla.
Il-post fejn kienu jaħarqu ż-żibel ’il barra minn Ġerusalemm. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “sal-inqas kwadran.” Ara App. B14.
Letteralment “għajnek il-leminija,” jiġifieri l-aħjar għajn.
Letteralment “idek il-leminija,” jiġifieri l-aħjar id.
Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jiġifieri Alla.
Letteralment “b’rasek.”
Letteralment “mil.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jiġifieri turu mħabba perfetta.