L-Aħbar Tajba Skont Mattew 11:1-30

  • Ġwanni l-Għammied jiġi mfaħħar (1-15)

  • Il-ġenerazzjoni li ma ħaditx azzjoni tiġi kkundannata (16-24)

  • Ġesù jfaħħar lil Missieru talli jippreferi lill-umli (25-27)

  • Il-madmad taʼ Ġesù jgħinna nħossuna aħjar (28-30)

11  Wara li Ġesù ta l-istruzzjonijiet lit-12-il dixxiplu tiegħu, hu mar jgħallem u jipprietka fi bliet oħrajn. 2  Waqt li Ġwanni kien qiegħed il-ħabs, hu semaʼ x’kien qiegħed jagħmel il-Kristu. Għalhekk, bagħat lid-dixxipli tiegħu 3  biex jistaqsuh: “Int Dak li kellu jiġi, jew irridu nistennew lil xi ħadd ieħor?” 4  Ġesù wiġibhom: “Morru għidu lil Ġwanni dwar dak li qed taraw u tisimgħu: 5  Dawk li ma kinux jaraw, issa qed jaraw; dawk li ma kinux jisimgħu, issa qed jisimgħu; dawk li ma setgħux jimxu, issa qed jimxu; dawk li kellhom il-ġdiem, qed jiġu mfejqin; il-mejtin qed jingħataw il-ħajja; u l-foqra qed jirċievu l-aħbar tajba. 6  Min ma jiddubitax fija,* se jkun ferħan.” 7  Waqt li dawn kienu sejrin lura, Ġesù beda jkellem lill-folla dwar Ġwanni: “Min kien ir-raġel li rajtu fid-deżert? Kien dan bħal xi qasba li tixxejjer mar-riħ? Le! 8  Mela min kien? Raġel liebes ħwejjeġ fini u sbieħ? Le! Dawk li jilbsu hekk qegħdin fid-djar tar-rejiet. 9  Allura min kien? Profeta? Iva, imma hu iktar importanti mill-profeti l-oħra. 10  Dan hu l-wieħed li dwaru hemm miktub: ‘Qed nibgħat il-messaġġier tiegħi qablek. Hu se jippreparalek it-triq!’ 11  Nassigurakom li min-nies kollha li twieldu, ma kien hemm ħadd iktar importanti minn Ġwanni l-Għammied. Imma persuna li m’għandhiex pożizzjoni għolja fis-Saltna t’Alla* hi iktar importanti minnu. 12  Minn meta Ġwanni l-Għammied beda jipprietka, in-nies bdew jirsistu biex jidħlu fis-Saltna t’Alla, u dawk li qed jirsistu se jirnexxilhom. 13  Għax saż-żmien li ġie Ġwanni, dak li kitbu l-profeti u l-Liġi taʼ Mosè kienu qalu x’se jiġri. 14  U temmnux jew le, Ġwanni hu Elija li l-profeti qalu li kellu jiġi. 15  Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ. 16  “Maʼ xiex se nqabbilha din il-ġenerazzjoni? Hi bħal tfal bilqiegħda f’suq li jgħajtu lil sħabhom 17  u jgħidulhom, ‘Aħna daqqejnielkom il-flawt, imma intom ma żfintux; aħna bkejna ħafna, imma intom ma wrejtux li intom imdejqin.’* 18  Bl-istess mod, Ġwanni jsum u ma jixrobx inbid, imma n-nies jgħidu, ‘Għandu demonju fih.’ 19  U għalkemm jien, Bin il-bniedem, niekol bħal nies oħrajn u nixrob l-inbid, in-nies xorta jgħidu, ‘Dan ir-raġel moħħu fl-ikel u l-inbid, u hu ħabib taʼ dawk li jiġbru t-taxxi u l-midinbin.’* Imma bniedem juri li hu għaref b’dak li jagħmel.” 20  Imbagħad hu beda jikkundanna n-nies tal-bliet li fihom għamel ħafna affarijiet tal-għaġeb. Hu għamel hekk għax ma kinux nidmu u qalilhom: 21  “Ħażin għalikom nies taʼ Korażin u Betsajda! Għax kieku l-affarijiet tal-għaġeb li rajtu intom rawhom in-nies taʼ Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu, libsu l-ixkora, u qagħdu bilqiegħda fl-irmied. 22  Nassigurakom li Jum il-Ġudizzju se jkun iktar diffiċli għalikom milli għal Tir u Sidon. 23  U intom, nies taʼ Kafarnahum, taħsbu li se tingħataw pożizzjoni għolja? Le! Intom se tiġu mitfugħin fil-Qabar,* għax kieku l-affarijiet tal-għaġeb li rajtu ġraw f’Sodoma, kienet tkun għadha hemm sal-lum. 24  Nassigurakom li Jum il-Ġudizzju se jkun iktar diffiċli għalikom milli għal Sodoma.” 25  Dak il-ħin Ġesù qal: “Jien infaħħrek quddiem kulħadd Missier, Mulej tas-sema u l-art, għax int ħbejt dawn l-affarijiet min-nies għorrief u intelliġenti, imma wrejthom lil dawk li huma bħal tfal żgħar. 26  Iva Missier, għax int hekk xtaqt li jsir. 27  Jien irċivejt kollox mingħand Missieri, u ħadd ma jafni* sew ħlief Missieri, u ħadd ma jaf lil Missieri sew ħlief jien u dawk li jien nurihom min hu. 28  Intom li tinsabu inkwetati minħabba l-problemi, ejjew għandi u jien insaħħaħkom. 29  Ħudu l-madmad tiegħi fuqkom u tgħallmu minni, għax jien kalm u umli, u b’hekk se tħossukom aħjar.* 30  Għax il-madmad tiegħi hu ħafif biex iġġorru u t-tagħbija tiegħi mhix tqila.”

Noti taʼ taħt

Jew “Min ma jitfixkilx minħabba fija.”
Letteralment “fis-Saltna tas-smewwiet.”
Letteralment “ma ħabbattux fuq sidirkom bin-niket.”
Jew “in-nies li jagħmlu d-dnub.”
Jew “f’Ħades,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “jaf l-Iben.”
Jew “issibu serħan għal ruħkom.”