L-Aħbar Tajba Skont Mattew 3:1-17

  • Ġwanni l-Għammied jipprietka (1-12)

  • Jitgħammed Ġesù (13-17)

3  F’dak iż-żmien, Ġwanni l-Għammied mar jipprietka fid-deżert tal-Lhudija. 2  Hu beda jgħid: “Indmu, għax is-Saltna t’Alla* hi qrib.” 3  Infatti dan hu l-wieħed li l-profeta Isaija qal dwaru: “Instemaʼ leħen fid-deżert: ‘Ippreparaw it-triq taʼ Ġeħova!* Irranġaw it-triq li se jgħaddi minnha.’” 4  Ġwanni kien jilbes ħwejjeġ magħmulin mis-suf tal-ġemel u ċinturin tal-ġilda. Hu kien jiekol ġurati u għasel li jsib fid-deżert. 5  F’dak iż-żmien, in-nies taʼ Ġerusalemm, tal-Lhudija kollha, u tal-pajjiż kollu madwar ix-Xmara Ġordan bdew imorru għandu. 6  Hu kien jgħammidhom* fix-Xmara Ġordan, u huma kienu jammettu quddiem kulħadd id-dnubiet tagħhom. 7  Meta ra ħafna Fariżej u Sadduċej ġejjin fejn kien qed jgħammed, hu qalilhom: “Intom bħas-sriep velenużi, tagħmlu affarijiet ħżiena. Min wissiekom biex taħarbu mir-rabja li ġejja? 8  Għalhekk, uru li ddispjaċiekom.* 9  Tassumux li għandkom skuża għax Abraham hu missierkom. Għax Alla kapaċi jagħti t-tfal lil Abraham minn dan il-ġebel. 10  Il-mannara diġà qiegħda mal-għeruq tas-siġar. Għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tintefaʼ fin-nar. 11  Jien ngħammidkom bl-ilma minħabba li ndimtu, imma dak li ġej warajja hu aqwa minni. Jien lanqas biss jistħoqqli nneħħilu s-sandli. Hu se jgħammidkom bl-ispirtu qaddis u bin-nar. 12  F’idu għandu għodda li tneħħi l-qoxra minn mal-qamħ, u hu jnaddaf il-post fejn jagħmel dan. Il-qamħ jiġbru fil-maħżen, imma l-qoxra jaħraqha b’nar li ma jintefiex.” 13  Imbagħad Ġesù telaq mill-Galilija u mar il-Ġordan għand Ġwanni sabiex jgħammdu. 14  Imma Ġwanni pprova jwaqqfu, u qallu: “Int missek tgħammed lili u mhux jien lilek!” 15  Ġesù wieġbu: “Ħa jsir hekk din id-darba, u b’hekk nagħmlu dak li jrid Alla.” U Ġwanni ma kompliex jipprova jwaqqfu. 16  Wara li tgħammed u ħareġ mill-ilma, infetħet is-sema u Ġesù ra l-ispirtu t’Alla nieżel fuqu bħal ħamiema. 17  Ukoll, instemgħet vuċi mis-sema tgħid: “Dan hu Ibni l-maħbub, li jien ferħan ħafna bih.”*

Noti taʼ taħt

Letteralment “is-Saltna tas-smewwiet.” Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “jgħaddashom; iniżżilhom għalkollox.”
Letteralment “indimtu.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “li lilu jien approvajt.”