L-Aħbar Tajba Skont Mattew 18:1-35
18 Dak il-ħin, id-dixxipli marru għand Ġesù u qalulu: “Min hu l-aqwa fis-Saltna t’Alla?”*
2 Għalhekk, Ġesù għajjat tifel żgħir, qiegħdu f’nofshom,
3 u qal: “Naċċertakom li jekk ma tibdlux il-mod kif taħsbuha u ssiru bħal tfal żgħar, żgur li ma tidħlux fis-Saltna t’Alla.
4 Għalhekk, kull min isir umli bħal dan it-tifel, se jkun l-aqwa fis-Saltna t’Alla.
5 U kull min jilqaʼ tifel żgħir minħabba fija,* ikun qed jilqaʼ lili wkoll.
6 Imma kull min ifixkel lil wieħed minn dawn it-tfal żgħar* li għandhom fidi fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu ġebla kbira taʼ mitħna m’għonqu u jitfgħuh f’baħar fond.
7 “In-nies taʼ din id-dinja li jġiegħlu lil oħrajn jidinbu se jaħbtilhom ħażin. Żgur li se jkun hemm nies bħal dawn li jfixklu lil oħrajn, imma min jagħmel hekk se jaħbatlu ħażin.
8 Mela, jekk idek jew sieqek qed tfixklek, aqtagħha barra u itfagħha ’l bogħod minnek. Aħjar tkun mingħajr id jew sieq u tingħata l-ħajja milli jkollok idejk jew saqajk it-tnejn u tiġi mitfugħ fin-nar taʼ dejjem.*
9 Ukoll, jekk għajnek qed tfixklek, aqlagħha u itfagħha ’l bogħod minnek. Ikun aħjar li jkollok għajn waħda u tingħata l-ħajja milli tiġi mitfugħ b’għajnejk it-tnejn fin-nar taʼ Geħenna.*
10 Qisu li ma tobogħdux lil xi wieħed minn dawn id-dixxipli, li huma bħat-tfal żgħar, għax l-anġli tagħhom fis-sema dejjem ikunu quddiem Missieri li hu fis-sema.
11 *——
12 “Jekk raġel ikollu 100 nagħġa u tintiliflu waħda, ma taħsbux li jħalli lid-99 nagħġa fuq il-muntanji u jmur ifittex lil dik li ntilfitlu?
13 U jekk isibha, naċċertakom li jifraħ iktar biha milli bid-99 l-oħra li ma ntilfux.
14 Bl-istess mod, Missieri* tas-sema ma jridx li jinqered wieħed minn dawn id-dixxipli.
15 “Jekk ħuk* jagħmel dnub, sibu waħdu u għidlu bl-iżball tiegħu.* Jekk jismaʼ minnek, tkun għentu jagħmel dak li hu tajjeb.
16 Imma jekk ma jismax minnek, ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, ħalli l-fatti jkunu ċari fuq ix-xhieda taʼ tnejn jew tlieta.
17 Jekk ma jismax minnhom, kellem lill-kongregazzjoni. Jekk lanqas mill-kongregazzjoni ma jismaʼ, qisu bħal raġel tad-dinja* u bħal wieħed li jiġbor it-taxxi.
18 “Naċċertakom li meta Alla japprova xi ħaġa, intom se tapprovawha wkoll. U meta Alla ma japprovax xi ħaġa, intom mhux se tapprovawha.*
19 Ukoll, naċċertakom li jekk tnejn minnkom fuq l-art jaqblu li jitolbu dwar xi ħaġa importanti, Missieri tas-sema se jagħtihom dak li talbu.
20 Għax fejn ikun hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, jien inkun magħhom.”
21 Imbagħad Pietru resaq lejh u qallu: “Mulej, kemm-il darba jistaʼ ħija jidneb kontrija u jien naħfirlu? Sa sebaʼ darbiet?”
22 Ġesù wieġbu: “Le, mhux sa sebaʼ darbiet, imma sa 77 darba.
23 “Is-Saltna t’Alla tistaʼ titqabbel maʼ re li ried jirranġa l-kontijiet mal-ilsiera tiegħu.
24 Kif beda, ħadulu raġel li kellu jagħtih 10,000 talent.*
25 Imma peress li ma setax iħallsu, sidu kkmanda li jinbiegħu hu, il-mara tiegħu, it-tfal tiegħu, u kulma kellu biex ikun jistaʼ jieħu lura l-flus.
26 Għalhekk, l-ilsir niżel għarkopptejh u qallu, ‘Kun paċenzjuż miegħi, u jien nagħtik il-flus kollha.’
27 Minħabba li tħassru, sidu ħallieh jitlaq u ħafirlu d-dejn li kellu.
28 Imma dan l-ilsir mar ifittex lill-ilsir sieħbu li kellu jagħtih 100 dinar.* Imbagħad qabdu, beda jifgah, u qallu, ‘Agħtini l-flus kollha.’
29 Għalhekk, l-ilsir sieħbu niżel għarkopptejh u beda jitolbu bil-ħniena: ‘Kun paċenzjuż miegħi, u jien nagħtik il-flus lura.’
30 Madankollu, hu ma riedx, anzi tefgħu l-ħabs sakemm iħallas kollox lura.
31 L-ilsiera l-oħra ddispjaċiehom ħafna meta raw x’ġara, u allura marru jgħidu lis-sid tagħhom b’dak kollu li ġara.
32 Imbagħad is-sid bagħat għalih u qallu: ‘Ja lsir ħażin, meta int tlabtni bil-ħniena, jien ħfirtlek id-dejn kollu.
33 Allura ma messekx urejt ħniena mal-ilsir sieħbek, bħalma jien urejt ħniena miegħek?’
34 Għalhekk, sidu rrabja bl-ikrah u tefgħu l-ħabs sakemm iħallas id-dejn kollu.
35 Hekk ukoll se jagħmel Missieri tas-sema magħkom jekk ma taħfrux lil xulxin mill-qalb.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “fis-Saltna tas-smewwiet.”
^ Jew “f’ismi.”
^ Jew “id-dixxipli.”
^ Dan jirreferi għal li wieħed jiġi meqrud għal dejjem. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati “Geħenna.”
^ Ara App. A3.
^ Jew forsi “Missierkom.”
^ Jiġifieri xi ħadd ieħor li jqim lil Alla.
^ Letteralment “widdbu.”
^ Milli jidher dan jirreferi għal nies mhux Lhud li ma jemmnux b’Alla.
^ Letteralment “kulma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema. U kulma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema.”