L-Aħbar Tajba Skont Mattew 13:1-58
-
EŻEMPJI DWAR IS-SALTNA (1-52)
-
Dak li jiżraʼ (1-9)
-
Għala Ġesù uża l-eżempji (10-17)
-
L-eżempju taʼ dak li jiżraʼ jiġi spjegat (18-23)
-
Il-qamħ u l-ħaxix ħażin (24-30)
-
Iż-żerriegħa tal-mustarda u l-ħmira (31-33)
-
Ġesù juża l-eżempji, u b’hekk isseħħ il-profezija (34, 35)
-
Jiġi spjegat l-eżempju tal-qamħ u l-ħaxix ħażin (36-43)
-
Teżor moħbi u perla mill-isbaħ (44-46)
-
Ix-xibka (47-50)
-
Teżori ġodda u qodma (51, 52)
-
-
Ġesù ma jiġix aċċettat fl-inħawi fejn trabba (53-58)
13 Dakinhar, Ġesù telaq mid-dar u mar bilqiegħda ħdejn il-baħar.
2 U nġabret madwaru folla kbira. Għalhekk, hu telaʼ f’dgħajsa u poġġa fiha waqt li n-nies kienu max-xatt.
3 Imbagħad għallimhom ħafna affarijiet bl-eżempji, u qalilhom: “Kien hemm raġel li ħareġ jiżraʼ.
4 Waqt li kien qed jiżraʼ, xi żrieragħ waqgħu fil-ġenb tat-triq, u l-għasafar kiluhom.
5 Xi żrieragħ oħra waqgħu fuq il-blat fejn ma kienx hemm ħafna ħamrija, u għalhekk mill-ewwel bdew jinbtu.
6 Imma meta ħarġet ix-xemx, dawn inħarqu u nixfu għax ma kellhomx għeruq.
7 Xi żrieragħ oħra waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber, għattiehom, u ma ħallihomx jikbru.
8 Imma kien hemm xi żrieragħ li waqgħu f’ħamrija tajba u għamlu l-frott. Min għamel 100, min 60, u min 30.
9 Kull min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ.”
10 Għalhekk id-dixxipli resqu lejh u staqsewh: “Għala tgħallem lin-nies bl-eżempji?”
11 Hu wiġibhom: “Intom ingħatajtu l-privileġġ li tifhmu s-sigrieti* tas-Saltna t’Alla,* imma huma le.
12 Għax min għandu, se jingħatalu iktar u se jkollu bl-abbundanza; imma min m’għandux, anki l-ftit li għandu se jittiħidlu.
13 Huwa għalhekk li nkellimhom bl-eżempji, għax għalkemm iħarsu, ma jarawx, u għalkemm jisimgħu, ma jagħtux kas u ma jifhmux.
14 Dak li kiteb dwarhom il-profeta Isaija qed iseħħ. Hu qal: ‘Għalkemm tisimgħu m’intomx se tifhmu, u għalkemm tħarsu m’intomx se taraw.
15 Għax dan il-poplu rasu iebsa. Huma jisimgħu imma ma jagħtux kas u jagħlqu għajnejhom u widnejhom sabiex la jaraw u lanqas jisimgħu. Minħabba f’hekk, ma jifhmux x’għandhom bżonn jagħmlu u ma jdurux lura għandi biex inkun nistaʼ nfejjaqhom.’
16 “Imma intom ferħanin għax taraw u tisimgħu dawn l-affarijiet.
17 Naċċertakom li ħafna profeti u nies sewwa xtaqu jaraw l-affarijiet li qed taraw intom u jisimgħu l-affarijiet li qed tisimgħu intom.
18 “Mela, issa isimgħu xi jfisser l-eżempju tar-raġel li ħareġ jiżraʼ.
19 In-nies li huma mqabblin mal-ġenb tat-triq, huma dawk li jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna imma ma jifhmuhx. Imbagħad jiġi l-Ħażin u jiħdilhom dak li jkun inżeraʼ f’qalbhom.
20 U n-nies li huma mqabblin mal-blat, huma dawk li jisimgħu l-messaġġ u jaċċettawh bil-ferħ mill-ewwel.
21 Għalkemm dawn jaċċettawh għal xi żmien, dan ma jrabbix l-għeruq f’qalbhom. Għalhekk, meta jinqalgħu l-problemi jew il-persekuzzjoni, jitfixklu mill-ewwel.
22 U dawk li huma mqabblin mal-post mimli xewk, huma dawk li jisimgħu l-messaġġ imma ma jħalluhx jikber għax jinkwetaw fuq il-ħajja u jaħsbu li bil-flus jistgħu jagħmlu kollox. B’hekk ma jagħmlux frott.
23 Imma dawk li jitqabblu maʼ ħamrija tajba, huma dawk li jisimgħu l-messaġġ, jifhmuh, u jagħmlu l-frott. Min jagħmel 100, min 60, u min 30.”
24 Hu qalilhom eżempju ieħor: “Is-Saltna t’Alla tistaʼ titqabbel maʼ raġel li żeraʼ l-għalqa tiegħu b’żerriegħa tajba.
25 Waqt li n-nies kienu reqdin, mar l-għadu tiegħu u żeraʼ ħaxix ħażin* fuq il-qamħ u telaq.
26 Meta l-qamħ kiber, telaʼ wkoll il-ħaxix ħażin.
27 Allura, l-ilsiera taʼ dan ir-raġel waslu u qalulu, ‘Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Allura kif telaʼ l-ħaxix ħażin?’
28 Hu qalilhom, ‘Xi għadu għamel dan.’ L-ilsiera qalulu, ‘Tridna mmorru nneħħuh?’
29 Hu qalilhom, ‘Le, għax nibżaʼ li meta tneħħu l-ħaxix ħażin, taqilgħu l-qamħ ukoll.
30 Ħalluhom jikbru flimkien, imbagħad fi żmien il-ħsad ngħid lil dawk li jaħsdu biex l-ewwel jaqilgħu l-ħaxix ħażin u jiġbruh f’qatet ħalli jaħarquh, imbagħad jiġbru l-qamħ u jpoġġuh fil-maħżen tiegħi.’”
31 Imbagħad qalilhom eżempju ieħor: “Is-Saltna t’Alla hi bħal żerriegħa tal-mustarda li raġel żeraʼ fl-għalqa tiegħu.
32 Din hi l-iżgħar żerriegħa, imma meta tikber, issir akbar mill-ħxejjex l-oħrajn kollha u ssir siġra li l-għasafar ikunu jistgħu jistkennu fiha.”
33 Wara tahom eżempju ieħor: “Is-Saltna t’Alla hi bħal ħmira li mara ħalltitha maʼ ħafna dqiq,* u mbagħad l-għaġina kollha għoliet.”
34 Ġesù għallem dawn l-affarijiet kollha bl-eżempji. Infatti, ma kienx ikellimhom mingħajr ma juża xi eżempju.
35 B’hekk, seħħ dak li qal Alla permezz tal-profeta: “Jien se nkellimhom bl-eżempji. Se ngħidilhom affarijiet li ilhom moħbijin minn żmien twil ilu.”*
36 Wara li spiċċa jkellem lill-folla, hu mar id-dar. Id-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Spjegalna xi jfisser l-eżempju tal-ħaxix ħażin fl-għalqa.”
37 Hu wiġibhom: “Dak li żeraʼ ż-żerriegħa t-tajba hu jien, Bin il-bniedem.
38 L-għalqa hi d-dinja u ż-żerriegħa t-tajba huma dawk li se jidħlu fis-Saltna* t’Alla, imma l-ħaxix ħażin huma t-tfal tax-Xitan.*
39 L-għadu li żeraʼ l-ħaxix il-ħażin hu x-Xitan. Il-ħsad hu l-aħħar jiem taʼ din id-dinja* u dawk li jaħsdu huma l-anġli.
40 Għalhekk, bħalma l-ħaxix ħażin jinġabar u jinħaraq, hekk se jiġri fl-aħħar jiem taʼ din id-dinja.
41 Jien, Bin il-bniedem, se nibgħat l-anġli tiegħi biex ineħħu mis-Saltna tiegħi lil dawk li jġiegħlu lil oħrajn jidinbu u lil dawk li jagħmlu l-ħażen,
42 u mbagħad jitfgħuhom fin-nar. Hemmhekk se jibku u jħossuhom iddisprati.*
43 F’dak iż-żmien, in-nies sewwa se jiddu bħax-xemx fis-Saltna taʼ Missierhom. Min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ.
44 “Is-Saltna t’Alla hi bħal teżor moħbi f’għalqa li raġel isibu u jerġaʼ jaħbih. Hu tant jifraħ li jmur u jbigħ kulma għandu u jixtri dik l-għalqa.
45 “Is-Saltna t’Alla tistaʼ titqabbel ukoll maʼ negozjant li jivvjaġġa biex ifittex perli mill-isbaħ.
46 Meta sab perla taʼ valur kbir, mar mill-ewwel ibigħ kulma kellu u xtraha.
47 “Jerġaʼ s-Saltna t’Alla tistaʼ titqabbel maʼ xibka li tintefaʼ fil-baħar u tiġbor kull tip taʼ ħut.
48 Meta timtela, is-sajjieda jtellgħuha x-xatt, joqogħdu bilqiegħda, u jitfgħu l-ħut tajjeb fil-kannestri, imma l-bqija jarmuh.
49 Hekk se jiġri fl-aħħar jiem taʼ din id-dinja. L-anġli se jmorru u jifirdu lin-nies sewwa mill-ħżiena,
50 u lill-ħżiena jitfgħuhom fin-nar. Hemmhekk se jibku u jħossuhom iddisprati.”*
51 Ġesù qalilhom: “Fhimtu kollox?” Huma qalulu: “Iva.”
52 Imbagħad qalilhom: “La fhimtu, kunu afu li kull għalliem li sar jaf dwar is-Saltna t’Alla hu bħal sid taʼ dar li joħroġ mit-teżori tiegħu affarijiet ġodda u qodma.”
53 Wara li Ġesù qal dawn l-eżempji, telaq minn hemmhekk.
54 Meta wasal fl-inħawi fejn trabba, hu beda jgħallem lin-nies fis-sinagoga tagħhom, tant li huma baqgħu mbellhin u qalu: “Dan ir-raġel minn fejn ġab dan l-għerf u l-qawwa biex jagħmel dawn il-mirakli?
55 Dan mhux it-tifel tal-mastrudaxxa? Ommu mhux Marija? U ħutu mhux Ġakbu, Ġużeppi, Xmun, u Ġuda?
56 U ħutu l-bniet mhux kollha nafuhom? Allura, minn fejn ġab dan l-għerf u l-qawwa biex jagħmel il-mirakli?”
57 B’hekk m’emmnuhx. Imma Ġesù qalilhom: “Profeta jiġi rrispettat kullimkien minbarra fejn trabba u mill-familja tiegħu.”
58 Peress li ma kellhomx fidi fih, hu m’għamilx ħafna mirakli hemm.
Noti taʼ taħt
^ Jew “is-sigrieti qaddisa.”
^ Letteralment “tas-Saltna tas-smewwiet.” Jew “tal-Gvern (tat-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “is-sikrana.”
^ Jew forsi “mill-bidu tad-dinja.”
^ Letteralment “it-tfal tas-Saltna.”
^ Letteralment “tal-Ħażin.”
^ Jew “hu l-konklużjoni tas-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati “Konklużjoni tas-sistema tal-affarijiet” u “Sistema tal-affarijiet.”
^ Letteralment “jheżżu snienhom.”
^ Letteralment “jheżżu snienhom.”