L-Aħbar Tajba Skont Mattew 9:1-38

  • Ġesù jfejjaq raġel ipparalizzat (1-8)

  • Ġesù jgħajjat lil Mattew (9-13)

  • Jistaqsu dwar is-sawm (14-17)

  • It-tifla taʼ Ġajru; mara tmiss il-libsa taʼ Ġesù (18-26)

  • Ġesù jfejjaq lil dawk li ma jarawx u li ma jitkellmux (27-34)

  • Il-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit (35-38)

9  Għalhekk telaʼ fuq dgħajsa, qasam għan-naħa l-oħra tal-baħar, u mar fil-belt fejn kien qed joqgħod.  Hemmhekk ħadulu raġel ipparalizzat fuq sodda. Meta Ġesù ra l-fidi tagħhom, qal lir-raġel ipparalizzat: “Agħmel kuraġġ ibni! Id-dnubiet tiegħek ġew maħfurin.”  U xi skribi qalu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan qed jidgħi.”*  Peress li Ġesù kien jaf x’kienu qed jaħsbu, qalilhom: “Għala qed taħsbu ħażin dwari?  X’inhu l-eħfef, li tgħidlu ‘Dnubietek ġew maħfurin,’ jew li tgħidlu ‘Qum u imxi’?  Imma jien, Bin il-bniedem, se nurikom li għandi l-awtorità li naħfer id-dnubiet fuq l-art.” Imbagħad qal lir-raġel ipparalizzat: “Qum, erfaʼ s-sodda tiegħek, u mur id-dar.”  U hekk għamel.  Malli l-folol raw dan, huma baqgħu mbellhin u faħħru lil Alla, li ta din l-awtorità lil bniedem.  Imbagħad Ġesù telaq minn hemm, u ra raġel jismu Mattew bilqiegħda fl-uffiċċju tat-taxxi, u qallu: “Kun dixxiplu tiegħi.” Dan qam u mar warajh. 10  Iktar tard, waqt li kien qed jiekol fid-dar taʼ Mattew, marru hemmhekk ħafna nies li jiġbru t-taxxi u midinbin* u bdew jieklu maʼ Ġesù u d-dixxipli tiegħu. 11  Imma meta l-Fariżej raw dan, staqsew lid-dixxipli tiegħu: “Għala l-għalliem tagħkom qiegħed jiekol maʼ dawk li jiġbru t-taxxi u l-midinbin?” 12  Meta Ġesù sema’ dan, qalilhom: “Dawk li huma f’saħħithom m’għandhomx bżonn tabib, imma dawk li huma morda iva. 13  Mela morru u ifhmu dan il-kliem, ‘Jien ħniena rrid, u mhux sagrifiċċji.’ Għax ma ġejtx biex ngħin lin-nies tajbin jindmu, imma lill-midinbin.” 14  Imbagħad marru għandu d-dixxipli taʼ Ġwanni u staqsewh: “Għala aħna u l-Fariżej insumu imma d-dixxipli tiegħek ma jsumux?” 15  Ġesù wiġibhom: “Il-ħbieb tal-għarus m’għandhomx għalfejn ikunu mdejqin sakemm l-għarus ikun magħhom, hux hekk? Imma meta jiġi ż-żmien li l-għarus jittieħed minn magħhom, huma jsumu. 16  Ħadd ma jsewwi libsa qadima b’biċċa drapp ġdida, inkella l-biċċa drapp ġdida tiġbed id-drapp qadim, u dan iktar jitqattaʼ. 17  U ħadd ma jitfaʼ nbid ġdid fi fliexken tal-ġilda qodma, inkella l-fliexken tal-ġilda jinfaqgħu u ma jibqgħux tajbin u l-inbid joħroġ. Għalhekk, l-inbid ġdid jitpoġġa fi fliexken tal-ġilda ġodda, u b’hekk jibqgħu tajbin it-tnejn.” 18  Waqt li kien qed jgħidilhom dawn l-affarijiet, mar ħdejh mexxej li miel quddiemu u qallu: “Wisq probabbli t-tifla tiegħi diġà mietet s’issa, imma ejja u qiegħed idek fuqha, u hi terġaʼ tieħu l-ħajja.” 19  Imbagħad Ġesù mar warajh mad-dixxipli tiegħu. 20  U huma u sejrin, mara li kienet ilha tbati bit-tnixxija tad-demm għal 12-il sena marret minn wara Ġesù u messitlu t-tarf tal-libsa. 21  Għax hi kienet tgħid bejnha u bejn ruħha li jekk imqar tmisslu l-libsa, tfiq. 22  Ġesù dar, raha, u qalilha: “Agħmel kuraġġ binti! Il-fidi tiegħek fejqitek.” U l-mara fieqet dak il-ħin stess. 23  Meta wasal fid-dar tal-mexxej, hu ra xi nies idoqqu l-flawt u l-folla tibki b’leħen għoli. 24  Ġesù qalilhom: “Oħorġu, għax it-tifla mhix mejta imma rieqda.” Meta semgħu dan, bdew jidħqu bih. 25  Malli l-folla ħarġet, hu daħal fejn kien hemm it-tifla, qabdilha idha, u qamet. 26  Naturalment, din l-aħbar malajr inxterdet f’dawk l-inħawi kollha. 27  Malli Ġesù telaq minn hemm, żewġt irġiel li ma kinux jaraw marru warajh u bdew jgħajtu: “Ħenn għalina, Bin David.” 28  Wara li daħal ġo dar, dawn l-irġiel marru għandu, u hu staqsiehom: “Għandkom fidi li nistaʼ nfejjaqkom?” Huma wiġbuh: “Iva Mulej.” 29  Imbagħad messilhom għajnejhom u qalilhom: “Peress li għandkom il-fidi, se tibdew taraw.” 30  U huma bdew jaraw. Imbagħad Ġesù wissiehom b’leħen sod: “Araw li ħadd ma jsir jaf b’dan.” 31  Imma wara li ħarġu minn hemm, huma xerrdu l-aħbar maʼ kullimkien. 32  Meta kienu sejrin, in-nies ħadulu raġel li ma kienx jitkellem u li kellu demonju fih. 33  Wara li Ġesù keċċa d-demonju, ir-raġel beda jitkellem. Il-folol kienu mbellhin u qalu: “Qatt ma rajna xi ħaġa bħal din f’Iżrael.” 34  Imma l-Fariżej kienu qed jgħidu: “Hu qed ikeċċi d-demonji bis-saħħa tal-mexxej tad-demonji.” 35  U Ġesù mar idur il-bliet u l-irħula kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, jipprietka l-aħbar tajba tas-Saltna, u jfejjaq kull tip taʼ mard. 36  Malli ra l-folol, hu tħassarhom, għax kienu ttrattati ħażin u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. 37  Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Iva, ix-xogħol tal-ħsad hu kbir, imma l-ħaddiema huma ftit. 38  Għalhekk, itolbu bil-ħniena lis-Sid tal-ħsad biex jibgħat iktar ħaddiema ħalli jiġbru l-ħsad tiegħu.”

Noti taʼ taħt

Jew “nies li jagħmlu d-dnub.”