L-Aħbar Tajba Skont Mattew 25:1-46
25 “Is-Saltna t’Alla* tistaʼ tiġi mqabbla m’għaxar verġni li ħadu l-lampi tagħhom u marru jiltaqgħu mal-għarus.
2 Ħamsa minnhom kienu boloh, u ħamsa kienu għaqlin.
3 Il-boloh ħadu l-lampi imma ma ħadux żejt magħhom,
4 filwaqt li l-għaqlin ħadu l-lampi u iktar żejt.
5 L-għarus dam ma ġie u qabadhom in-ngħas u raqdu.
6 F’nofsillejl xi ħadd għajjat, ‘Wasal l-għarus! Morru ltaqgħu miegħu.’
7 Imbagħad il-verġni kollha qamu u ppreparaw il-lampi tagħhom.
8 Il-boloh qalu lill-għaqlin, ‘Agħtuna ftit miż-żejt tagħkom, għax il-lampi tagħna daqt jintfew.’
9 L-għaqlin wiġbuhom: ‘Forsi ma jkunx hemm biżżejjed għalina u għalikom. Aħjar tmorru tixtru ftit.’
10 Meta wasal l-għarus, huma kienu sejrin jixtru. Il-verġni li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ, u ngħalaq il-bieb.
11 Imbagħad ġew ukoll il-verġni l-oħra u qalu, ‘Sinjur, sinjur, iftħilna!’
12 Hu wiġibhom, ‘Ngħidilkom il-verità, ma nafkomx.’
13 “Għalhekk, ibqgħu għassa għax la tafu l-ħin u lanqas il-ġurnata.*
14 “Is-Saltna hi wkoll bħal raġel li kien se jsiefer. Qabel ma telaq, hu għajjat lill-ilsiera tiegħu u ħalla f’idejhom dak kollu li kellu.
15 Lill-ewwel wieħed tah ħames talenti,* lit-tieni tah tnejn, u lit-tielet tah wieħed. Hu ta lil kull wieħed skont l-abbiltà li kellu, u mbagħad siefer.
16 Dak li rċieva ħames talenti mill-ewwel mar, għamel negozju bihom, u qalaʼ ħames talenti oħra.
17 Dak li rċieva żewġ talenti għamel l-istess, u qalaʼ żewġ talenti oħra.
18 Imma l-ilsir li rċieva wieħed biss mar ħaffer ħofra u ħeba l-flus* taʼ sidu.
19 “Wara ħafna żmien, sid l-ilsiera ġie lura u mar jara x’għamlu bil-flus tiegħu.
20 U dak li rċieva ħames talenti mar għandu u ħa miegħu ħames talenti oħra u qallu, ‘Sidi, int fdajtli ħames talenti, u jien ġibtlek ħamsa oħra.’
21 Is-sid qallu: ‘Proset, ilsir tajjeb u leali! Int kont leali f’affarijiet żgħar. Jien se nafdak b’ħafna affarijiet. Ejja ifraħ u gawdi miegħi.’
22 Imbagħad mar għandu dak li rċieva żewġ talenti u qallu, ‘Sidi, int fdajtli żewġ talenti, u jien ġibtlek tnejn oħra.’
23 Is-sid qallu: ‘Proset, ilsir tajjeb u leali! Int kont leali f’affarijiet żgħar. Jien se nafdak b’ħafna affarijiet. Ejja ifraħ u gawdi miegħi.’
24 “Fl-aħħar mar għandu l-ilsir li rċieva talent wieħed u qallu: ‘Sidi, jien naf li int tistenna ħafna mingħand oħrajn. Int taħsad mingħajr ma tiżraʼ u tiġbor il-qamħ li ma ħdimtx għalih.
25 Għalhekk, jien bżajt u mort ħaffirt ħofra u ħbejt it-talent tiegħek. Issa se nagħtihulek lura.’
26 Sidu wieġbu: ‘Ja lsir ħażin u għażżien! Int kont taf li jien naħsad mingħajr ma niżraʼ u niġbor il-qamħ li ma nkunx ħdimt għalih.
27 Allura missek tfajt il-flus* il-bank, u meta niġi kont tagħtini lilhom u l-imgħax.’
28 “Għalhekk qal lill-qaddejja tiegħu: ‘Ħudulu t-talent u agħtuh lil dak li għandu għaxar talenti.
29 Għax kull min għandu se jingħatalu iktar u se jkollu bl-abbundanza; imma min m’għandux, anki l-ftit li għandu se jittiħidlu.
30 Aqbdu lil dan l-ilsir li mhu tajjeb għal xejn u itfgħuh barra fid-dlam fejn se jibki u jħossu ddisprat.’*
31 “Jien, Bin il-bniedem, se niġi b’awtorità kbira mal-anġli kollha, imbagħad se noqgħod bilqiegħda fuq it-tron glorjuż tiegħi.
32 In-nies kollha se jinġabru quddiemi, u jien nifridhom f’żewġ gruppi, bħalma ragħaj jifred lin-nagħaġ mill-mogħoż.
33 In-nagħaġ se npoġġihom fuq il-lemin u l-mogħoż fuq ix-xellug.
34 “Imbagħad jien, ir-Re, se ngħid lil dawk fuq il-lemin tiegħi: ‘Intom ġejtu mberkin minn Missieri. Ejjew u irtu s-Saltna li ġiet ippreparata għalikom mill-bidu tad-dinja.*
35 Għax jien kelli l-ġuħ u tajtuni x’niekol. Qabadni l-għatx u tajtuni x’nixrob. Ma kontux tafuni u lqajtuni.
36 Meta ma kellix x’nilbes, tajtuni l-ħwejjeġ. Meta kont ma niflaħx, ħadtu ħsiebi. Meta kont il-ħabs, ġejtu tarawni.’
37 Imbagħad in-nies sewwa se jwieġbu: ‘Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tajniek x’tiekol, jew bil-għatx u tajniek x’tixrob?
38 Meta kien li lqajniek mingħajr ma konna nafuk jew li tajniek il-ħwejjeġ meta ma kellekx x’tilbes?
39 Meta kont ma tiflaħx jew il-ħabs u ġejna narawk?’
40 Jien, ir-Re, se nwiġibhom, ‘Naċċertakom li kull meta għentu lill-inqas persuna importanti minn ħuti, qiskom għentu lili.’
41 “Imbagħad se ngħid lil dawk fuq ix-xellug tiegħi: ‘Itilqu minn quddiemi ja misħutin. Morru fin-nar taʼ dejjem* li ġie ppreparat għax-Xitan u d-demonji tiegħu.
42 Għax kelli l-ġuħ u ma tajtunix x’niekol, u kelli l-għatx u ma tajtunix x’nixrob.
43 Ma kontux tafuni u ma lqajtunix. Ma kellix x’nilbes u ma tajtunix ħwejjeġ. Kont ma niflaħx u fil-ħabs u ma ħadtux ħsiebi.’
44 Imbagħad huma wkoll se jwieġbu: ‘Mulej, meta kont bil-ġuħ jew bil-għatx u ma tajniekx x’tiekol jew x’tixrob? Meta ma lqajniekx għax ma konniex nafuk? Meta ma kellekx x’tilbes u ma tajniekx ħwejjeġ? U meta kont ma tiflaħx jew il-ħabs u ma ħadniex ħsiebek?’
45 Imbagħad hu jwiġibhom: ‘Naċċertakom li kull meta m’għentux lill-inqas persuna importanti minn ħuti, qiskom m’għentux lili.’
46 Dawn se jmutu għal dejjem,* imma n-nies sewwa se jirċievu l-ħajja taʼ dejjem.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “Is-Saltna tas-smewwiet.”
^ Milli jidher qed jirreferi għaż-żmien meta ġej hu.
^ Letteralment “il-fidda.”
^ Letteralment “il-fidda.”
^ Letteralment “jheżżeż snienu.”
^ Dan qed jirreferi għat-tfal t’Adam u Eva.
^ Dan jirreferi għal li wieħed jiġi meqrud għal dejjem. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati “Geħenna.”
^ Letteralment “se jinqatgħu għal dejjem,” bħalma fergħa tinqataʼ minn maʼ siġra.