L-Aħbar Tajba Skont Mattew 23:1-39

  • Timitawx l-iskribi u l-Fariżej (1-12)

  • Ħażin għalihom l-iskribi u l-Fariżej (13-36)

  • Ġesù jibki lil Ġerusalemm (37-39)

23  Imbagħad Ġesù kellem lill-folol u lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: 2  “L-iskribi u l-Fariżej jemmnu li għandhom l-istess awtorità bħalma kellu Mosè. 3  Għalhekk, agħmlu kulma jgħidulkom, imma tagħmlux bħalhom, għax huma ma jagħmlux dak li jgħidu. 4  Huma jġiegħlu lin-nies iġorru affarijiet tqal fuq spallejhom, imma mhumiex lesti li jerfgħuhom b’subaʼ wieħed.* 5  Kulma jagħmlu jagħmluh għal għajn in-nies, għax huma jkabbru l-kaxxi li jżommu xi skritturi fihom biex jipproteġuhom mill-ħażin.* Ukoll, itawlu l-frenża tal-ħwejjeġ tagħhom. 6  Huma jħobbu l-aqwa postijiet fl-ikliet taʼ filgħaxija u s-siġġijiet taʼ quddiem* fis-sinagogi. 7  Iħobbu wkoll li n-nies isellmulhom waqt li jkunu fis-suq u li jgħajtulhom Rabbi.* 8  Imma intom tħallu lil ħadd jgħajtilkom Rabbi, għax wieħed hu l-Għalliem tagħkom, u intom ilkoll aħwa. 9  Barra minn hekk, tgħajtu lil ħadd ‘missier’ fuq l-art, għax wieħed hu Missierkom, li hu fis-sema. 10  U lanqas tissejħu mexxejja, għax wieħed hu l-Mexxej tagħkom, il-Kristu. 11  Imma min hu l-aqwa minnkom għandu jkun il-qaddej tagħkom. 12  Kull min jiftaħar bih innifsu jiġi umiljat, u kull min hu umli se jiġi mfaħħar. 13  “Ħażin għalikom skribi u Fariżej, ja ipokriti! Għax intom tagħlqu s-Saltna t’Alla* għan-nies. Intom mhux se tidħlu fiha u lil dawk li jkunu deħlin ma tħalluhomx jidħlu. 14 *—— 15  “Ħażin għalikom skribi u Fariżej, ja ipokriti! Għax intom lesti li tivvjaġġaw ’il bogħod ħafna biex tikkonvertu lil xi ħadd,* u meta jirnexxilkom, ikun ħaqqu jmur Geħenna* ħafna iktar minnkom. 16  “Ħażin għalikom gwidi għomja, li tgħidu, ‘Jekk xi ħadd jaħlef bit-tempju, m’għandux għalfejn iżomm il-ħalfa; imma jekk xi ħadd jaħlef bid-deheb tat-tempju, għandu jżommha.’ 17  Ja boloh u għomja! Liema hu l-aqwa, id-deheb jew it-tempju li qaddes id-deheb? 18  Tgħidu wkoll, ‘Jekk xi ħadd jaħlef bl-artal, m’għandux għalfejn iżomm il-ħalfa; imma jekk xi ħadd jaħlef bl-offerta taʼ fuq l-artal, għandu jżommha.’ 19  Ja għomja! Liema hu l-aqwa, l-offerta jew l-artal li jqaddes l-offerta? 20  Għalhekk, kull min jaħlef bl-artal ikun qed jaħlef ukoll b’dak kollu li jkun hemm fuqu; 21  u kull min jaħlef bit-tempju jkun qed jaħlef ukoll bil-Wieħed li jgħix fih; 22  u kull min jaħlef bis-sema jkun qed jaħlef bit-tron t’Alla u bil-Wieħed li jpoġġi fuqu. 23  “Ħażin għalikom skribi u Fariżej, ja ipokriti! Għax intom tagħtu għaxra fil-100 tan-nagħniegħ, il-bużbież, u l-kemmun, imma ma tagħtux kas l-affarijiet iktar importanti fil-Liġi, jiġifieri l-ġustizzja, il-ħniena, u l-lealtà. Veru, hemm bżonn li tagħtu għaxra fil-100 taʼ dawn l-affarijiet, imma m’għandkomx twarrbu l-affarijiet l-oħra. 24  Ja gwidi għomja, intom tneħħu n-nemusa u tibilgħu l-ġemel! 25  “Ħażin għalikom skribi u Fariżej, ja ipokriti! Għax intom tnaddfu t-tazza u l-platt minn barra, imma minn ġewwa tħalluhom maħmuġin ħafna. Dan għax intom moħħkom biss biex tisirqu u biex togħġbu lilkom infuskom. 26  Ja Fariżej għomja! L-ewwel naddfu t-tazza u l-platt minn ġewwa, imbagħad anki barra jkun nadif. 27  “Ħażin għalikom skribi u Fariżej, ja ipokriti! Għax intom tixbhu lil oqbra mbajda, li minn barra jidhru sbieħ imma minn ġewwa huma mimlijin bl-għadam tan-nies u b’kull ħaġa li mhix nadifa. 28  Bl-istess mod, intom tidhru nies sewwa f’għajnejn in-nies, imma minn ġewwa intom ipokriti u ħżiena* ħafna. 29  “Ħażin għalikom skribi u Fariżej, ja ipokriti! Għax intom tibnu l-oqbra tal-profeti u żżejnu l-oqbra* tan-nies sewwa 30  u tgħidu, ‘Li kieku għexna fi żmien missirijietna ma konniex ngħinuhom joqtlu l-profeti.’ 31  Għalhekk, intom stess qed tammettu li tiġu minn dawk li qatlu lill-profeti. 32  Mela issa spiċċaw dak li bdew missirijietkom. 33  “Ja sriep velenużi, kif se taħarbu mill-kastig taʼ Geħenna?* 34  Jien qed nibagħtilkom profeti, irġiel għorrief, u għalliema. Imma lil xi wħud minnhom se toqtluhom u ddendluhom maʼ zokk, u lil oħrajn issawtuhom fis-sinagogi tagħkom u tippersegwitawhom fil-bliet kollha. 35  B’hekk, se tkunu ħatjin tad-demm tan-nies sewwa kollha li ġew maqtulin fid-dinja, mid-demm t’Abel, li kien raġel sewwa, sad-demm taʼ Żakkarija bin Barakija, li qtiltuh bejn is-santwarju u l-artal. 36  Naċċertakom li l-kastig taʼ dawn id-dnubiet se jiġi fuq din il-ġenerazzjoni. 37  “Ġerusalemm, Ġerusalemm, int qtilt il-profeti u waddabt il-ġebel lil dawk li ntbagħtu għandek sakemm qtilthom! Jien kemm-il darba pprovajt niġbor lit-tfal tiegħek flimkien, bħalma tiġieġa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwinħajha. Imma intom ma ridtux! 38  Alla se jabbanduna t-tempju* tagħkom. 39  Intom żgur mhux se tarawni minn issa sa dakinhar li tgħidu, ‘Ħa jkun imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova!’”*

Noti taʼ taħt

Dan jistaʼ jirreferi għal li ma kinux lesti jħaffu t-toqol t’oħrajn.
Jew “ikabbru l-filatteri.”
Jew “l-aqwa siġġijiet.”
Jew “Għalliem.”
Letteralment “is-Saltna tas-smewwiet.”
Ara App. A3.
Jew “iddawru lil xi ħadd għar-reliġjon tagħkom.”
Jew “tiksru l-liġi.”
Jew “l-oqbra tat-tifkira.”
Letteralment “id-dar.”