L-Aħbar Tajba Skont Mattew 27:1-66
27 Filgħodu, il-qassisin importanti u l-anzjani* kollha ftiehmu bejniethom kontra Ġesù biex joqtluh.
2 Wara li rabtulu jdejh, tawh f’idejn il-Gvernatur Pilatu.
3 Imbagħad Ġuda, dak li ttradieh, meta ra li Ġesù kien ġie kkundannat, niggżitu l-kuxjenza u ħa lura t-30 munita tal-fidda għand il-qassisin importanti u l-anzjani.
4 Hu qalilhom: “Jien dnibt meta ttradejt raġel innoċenti.” Huma qalulu: “Dik problema tiegħek. Araha int!”
5 Għalhekk, tefaʼ l-muniti tal-fidda fit-tempju u telaq ’l hemm. Imbagħad mar jitgħallaq.
6 Imma l-qassisin importanti ħadu l-muniti tal-fidda u qalu: “Skont il-Liġi, ma nistgħux inqegħduhom fit-tempju fejn jinżammu l-flus, għax dawn huma l-prezz taʼ ħajja taʼ bniedem.”*
7 Wara li ftiehmu bejniethom, huma ddeċidew li bihom jixtru l-għalqa taʼ wieħed li jaħdem il-fuħħar biex jidfnu fiha lin-nies minn pajjiżi oħra.
8 Huwa għalhekk li din l-għalqa għadhom jgħidulha L-Għalqa tad-Demm sal-lum.
9 Imbagħad seħħ dak li Alla qal permezz tal-profeta Ġeremija:* “U ħadu t-30 munita tal-fidda, il-prezz li xi Iżraelin qablu li jħallsu għalih,
10 u bihom xtraw l-għalqa taʼ wieħed li jaħdem il-fuħħar, bħalma kkmandani Ġeħova.”*
11 Ġesù kien quddiem il-gvernatur, u l-gvernatur staqsieh: “Int ir-Re tal-Lhud?” Ġesù wieġbu: “Int stess qed tgħid dan.”
12 Imma waqt li kien qed jiġi akkużat mill-qassisin importanti u l-anzjani, hu ma wieġeb xejn.
13 Imbagħad Pilatu qallu: “M’intix tismaʼ kemm qed jakkużawk b’affarijiet?”
14 Imma hu ma wieġbu xejn, lanqas kelma, tant li l-gvernatur stagħġeb ħafna.
15 Issa f’kull festa tal-Qbiż, il-gvernatur kellu d-drawwa li jeħles ħabsi li kienet tagħżlu l-folla.
16 Dak iż-żmien kellhom ħabsi magħruf jismu Barabba.
17 Għalhekk, meta kien hemm il-folla miġbura, Pilatu qalilhom: “Lil min triduni neħles, lil Barabba jew lil Ġesù li jgħidulu l-Kristu?”
18 Pilatu kien konxju li tawh lil Ġesù f’idejh għax kienu jgħiru għalih.
19 Iktar minn hekk, waqt li Pilatu kien bilqiegħda fuq it-tron tal-ġudizzju, il-mara tiegħu bagħtet tgħidlu: “Ħallih bi kwietu lil dan ir-raġel sewwa, għax illum ħlomt bih u l-ħolma werwritni.”
20 Imma l-qassisin importanti u l-anzjani kkonvinċew lill-folla biex jitolbuh jeħles lil Barabba u joqtol lil Ġesù.
21 Il-gvernatur reġaʼ staqsiehom: “Lil min triduni neħles minn dawn it-tnejn?” Qalulu: “Lil Barabba.”
22 Pilatu qalilhom: “Allura, x’se nagħmel b’Ġesù li jgħidulu l-Kristu?” Huma lkoll wieġbu: “Sammru maʼ zokk!”
23 Hu qal: “Għala, x’għamel ħażin?” Iżda iktar bdew jgħajtu: “Sammru maʼ zokk!”
24 Meta ra li kien kollu għalxejn, anzi kienet ħa tqum rewwixta, Pilatu ħasel idejh bl-ilma quddiem il-folla. Hu qal: “Jien mhux responsabbli mill-mewt taʼ dan ir-raġel. Issa araw intom.”
25 Għal dan in-nies wiġbuh: “Aħna u t-tfal tagħna se nkunu responsabbli għall-mewt tiegħu.”
26 Imbagħad hu ħelsilhom lil Barabba, imma kkmanda lis-suldati biex isawtu lil Ġesù u jiħduh biex isammruh maʼ zokk.
27 Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù fil-palazz tal-gvernatur u ġabru madwaru lis-suldati kollha.
28 Huma neħħewlu l-ħwejjeġ u libbsuh biċċa drapp aħmar jgħajjat,
29 għamlu kuruna tax-xewk u poġġewhielu fuq rasu, u poġġewlu qasba f’idu l-leminija. U niżlu għarkopptejhom quddiemu u bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt u jgħidu: “Il-paċi miegħek, ja Re tal-Lhud!”
30 U beżqulu u ħadu l-qasba u bdew jagħtuh biha fuq rasu.
31 Fl-aħħar, wara li kienu waqqgħuh għaċ-ċajt, dawn neħħewlu d-drapp li kienu poġġew fuqu, libbsuh il-ħwejjeġ tiegħu, u ħaduh biex isammruh maʼ zokk.
32 Huma u ħerġin raw raġel minn Ċirene jismu Xmun. Lil dan ir-raġel qabbduh iġorr iz-zokk tat-tortura* taʼ Ġesù.
33 U meta waslu f’post jismu Golgota, li jfisser Qorriegħa,
34 tawh jixrob inbid imħallat b’xi ħaġa morra. Imma wara li daqu, hu ma riedx jixorbu.
35 Wara li sammruh maz-zokk, huma qassmu l-ħwejjeġ tiegħu billi tellgħuhom bix-xorti,
36 u qagħdu bilqiegħda hemm għassa miegħu.
37 Huma waħħlu biċċa njama ftit ’il fuq minn rasu li kienet tgħid għala ġie akkużat. Fuqha kien hemm miktub: “Dan hu Ġesù r-Re tal-Lhud.”
38 Imbagħad maġenbu tpoġġew żewġ ħallelin fuq zokk, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug.
39 Dawk li kienu għaddejjin minn hemm bdew jgħajru lil Ġesù waqt li jxenglu rashom.
40 Huma bdew jgħidu: “Int, li kellek twaqqaʼ t-tempju u tibnih fi tlett ijiem, salva lilek innifsek! Jekk int bin Alla, inżel minn fuq iz-zokk tat-tortura!”*
41 Ukoll, il-qassisin importanti, l-iskribi, u l-anzjani bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt u jgħidu:
42 “Lill-oħrajn salvahom, imma ma jistax isalva lilu nnifsu! Jekk hu r-Re t’Iżrael, ħa jinżel minn fuq iz-zokk tat-tortura,* u mbagħad nemmnuh.
43 Hu poġġa l-fiduċja tiegħu f’Alla, mela ħa jsalvah Alla jekk japprovah, għax hu qal, ‘Jien l-Iben t’Alla.’”
44 Anki l-ħallelin li kienu fuq zokk ħdejh bdew jgħajruh.
45 U minn xi nofsinhar* sa madwar it-tlieta taʼ wara nofsinhar,* waqgħet dalma fuq l-art kollha.
46 Xi t-tlieta taʼ wara nofsinhar, Ġesù għajjat b’leħen għoli: “Eli, Eli, lama sabaqtani?” jiġifieri “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?”
47 Xi nies li kienu weqfin hemmhekk semgħu dan u bdew jgħidu: “Dan ir-raġel qed jgħajjat lil Elija.”
48 U wieħed raġel mill-ewwel mar jiġri, ħa sponża, xarrabha bl-inbid qares, poġġieha fuq qasba, u tahielu biex jixrob.
49 Imma l-oħrajn qalulu: “Ħallih! Issa naraw jekk Elija jiġix isalvah.”
50 Ġesù reġaʼ għajjat b’leħen għoli, u mbagħad miet.*
51 U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn, minn fuq s’isfel, u l-art theżżet u l-blat inqasam.
52 U l-iġsma mejtin taʼ ħafna qaddisin ħarġu ’l barra mill-oqbra* għax kienu nfetħu,
53 u ħafna nies setgħu jarawhom. (Wara li Ġesù ġie rxoxtat, xi nies li kienu ħdejn l-oqbra daħlu fil-belt qaddisa.)
54 Imma meta l-uffiċjal tal-armata u dawk li kienu għassa maʼ Ġesù ħassew it-terremot u raw dak li kien qed jiġri, bdew jibżgħu ħafna u qalu: “Dan żgur l-Iben t’Alla.”
55 Ħafna nisa li kienu vvjaġġaw maʼ Ġesù mill-Galilija biex jgħinuh kienu qed jarawh mill-bogħod.
56 Magħhom kien hemm Marija l-Maddalena, Marija omm Ġakbu u Ġosè,* u omm it-tfal taʼ Żebedew.
57 Tard wara nofsinhar, ġie raġel jismu Ġużeppi li kien sar dixxiplu taʼ Ġesù. Dan kien raġel sinjur minn Arimatija.
58 Hu mar għand Pilatu u talbu l-ġisem taʼ Ġesù. Imbagħad Pilatu kkmanda lis-suldati biex jagħtuhulu.
59 Ġużeppi ħa l-ġisem, u dawwar miegħu drapp nadif tal-għażel fin.
60 Imbagħad poġġieh fil-qabar* ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat. Hu gerbeb ġebla kbira biex jagħlaq il-qabar* u telaq.
61 Imma Marija l-Maddalena u Marija l-oħra baqgħu hemm, bilqiegħda quddiem il-qabar.
62 L-għada, il-ġurnata taʼ wara jum il-Preparazzjoni,* il-qassisin importanti u l-Fariżej inġabru flimkien quddiem Pilatu.
63 Huma qalulu: “Sinjur, aħna niftakru li meta dan il-giddieb kien ħaj qal, ‘Wara tlett ijiem se nirxoxta.’
64 Għalhekk, ikkmanda biex dan il-qabar ikollu għassa sat-tielet jum, ħalli d-dixxipli tiegħu ma jiġux jisirquh u jgħidu lin-nies li ġie rxoxtat, inkella din il-gidba tkun agħar minn tal-ewwel.”
65 Pilatu qalilhom: “Ħudu grupp taʼ suldati u oqogħdu għassa sew mal-qabar.”
66 B’hekk, marru u għalqu l-qabar sew billi ssiġillaw il-ġebla u ħallew is-suldati għassa miegħu.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “il-prezz tad-demm.”
^ Fi żmien Mattew, l-isem “Ġeremija” setaʼ applika għall-kotba profetiċi kollha flimkien, inkluż Żakkarija.
^ Letteralment “mis-sitt siegħa.”
^ Letteralment “sad-disaʼ siegħa.”
^ Letteralment “ċeda l-ispirtu tiegħu.”
^ Jew “mill-oqbra tat-tifkira.”
^ Jew forsi “Ġużeppi.”
^ Jew “fil-qabar tat-tifkira.”
^ Jew “il-qabar tat-tifkira.”
^ Dan jirreferi għall-ġurnata taʼ qabel is-Sabat taʼ kull ġimgħa fejn il-Lhud kienu jippreparaw għas-Sabat.