L-Aħbar Tajba Skont Mattew 21:1-46

  • Ġesù jidħol bħala rebbieħ (1-11)

  • Ġesù jnaddaf it-tempju (12-17)

  • Is-siġra tat-tin tiġi misħuta (18-22)

  • Jisfidaw l-awtorità taʼ Ġesù (23-27)

  • L-eżempju taż-żewġt itfal (28-32)

  • L-eżempju tal-bdiewa qattiela (33-46)

    • L-iktar ġebla importanti tiġi mwarrba (42)

21  Meta waslu qrib Ġerusalemm, huma waqfu Betfaġe fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ. Imbagħad Ġesù bagħat żewġ dixxipli 2  u qalilhom: “Morru fir-raħal li hemm quddiemkom, u hemm mill-ewwel se ssibu ħmara marbuta u felu magħha. Ħolluhom u ġibuhomli. 3  U jekk xi ħadd jgħidilkom xi ħaġa, għidulu, ‘Il-Mulej għandu bżonnhom.’ U hu jħallikom tiħduhom mill-ewwel.” 4  Dan ġara biex isir dak li Alla qal permezz tal-profeta: 5  “Għidu lil bint Sijon,* ‘Ir-Re tiegħek ġej għandek b’umiltà u riekeb fuq ħmar, iva fuq felu taʼ ħmara.’” 6  Għalhekk, id-dixxipli marru u għamlu bħalma qalilhom Ġesù. 7  Huma ħadu l-ħmara u l-felu tagħha, u fuqhom poġġew xi ħwejjeġ li kienu lebsin. Imbagħad, Ġesù poġġa fuq il-felu tal-ħmara. 8  Il-biċċa l-kbira tal-folla firxu l-ilbiesi tagħhom fit-triq, u oħrajn bdew jaqtgħu l-friegħi tal-palm u jferrxuhom mal-art quddiemu. 9  U l-folol li kienu mexjin quddiemu u warajh bdew jgħajtu: “Ħa jiġi salvat Bin David! Ħa jkun imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova!* Alla tas-sema, salvah jekk jogħġbok!” 10  Meta daħal Ġerusalemm, in-nies tal-belt għamlu storbju sħiħ u bdew jgħidu: “Dan min hu?” 11  Il-folol bdew iwieġbu: “Dan hu Ġesù, il-profeta minn Nazaret tal-Galilija!” 12  U Ġesù daħal fit-tempju u keċċa lil dawk kollha li kienu qed ibigħu u jixtru hemm. Hu qaleb l-imwejjed taʼ dawk li kienu jsarrfu l-flus u l-bankijiet taʼ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem. 13  Hu qalilhom: “Fl-Iskrittura hemm miktub, ‘Dari se tissejjaħ dar tat-talb,’ imma intom għamiltuha għar tal-ħallelin.” 14  Waqt li kien fit-tempju, marru għandu xi nies li ma kinux jaraw u zopop, u fejjaqhom. 15  Il-qassisin importanti u l-iskribi tgħidx kemm irrabjaw meta raw il-mirakli li għamel u t-tfal fit-tempju li bdew jgħajtu: “Ħa jiġi salvat Bin David!” 16  Huma qalulu: “Qed tismaʼ x’inhuma jgħidu?” Ġesù wiġibhom: “Iva. Qatt ma qrajtu li t-tfal u anki t-trabi se jfaħħru lil Alla?” 17  Hu telaq minn dik il-belt u mar Betanja u qattaʼ l-lejl hemmhekk. 18  Filgħodu kmieni, hu u sejjer lura lejn il-belt, qabdu l-ġuħ. 19  Hu ra siġra tat-tin mal-ġenb tat-triq u mar ħdejha, imma ma sab xejn fiha ħlief weraq, u qalilha: “Minn issa ’l quddiem mhux se tagħmel iktar frott.” U s-siġra tat-tin nixfet mill-ewwel. 20  Meta d-dixxipli raw dan, baqgħu mistagħġbin u qalu: “Kif jistaʼ jkun li t-tina nixfet mill-ewwel?” 21  Ġesù wiġibhom: “Naċċertakom li jekk ikollkom il-fidi u ma tiddubitawx, mhux biss tkunu tistgħu tagħmlu dan, imma tkunu tistgħu tgħidu lil din il-muntanja, ‘Inqalaʼ u ntefaʼ l-baħar,’ u hekk jiġri. 22  Jekk ikollkom il-fidi, tirċievu dak kollu li titolbu.” 23  Waqt li kien qed jgħallem fit-tempju, resqu lejh il-qassisin importanti u l-anzjani* u qalulu: “Int b’liema awtorità tagħmel dawn l-affarijiet? U min tahielek din l-awtorità?” 24  Ġesù wiġibhom: “Ħa nistaqsikom xi ħaġa jien l-ewwel. Jekk twiġbuni, ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dawn l-affarijiet. 25  Min bagħat lil Ġwanni biex jgħammed? L-Alla tas-sema jew in-nies?” Imma huma bdew jirraġunaw bejniethom: “Jekk ngħidulu, ‘Alla,’ jgħidilna, ‘Mela allura għala m’emmintuhx?’ 26  Iżda jekk ngħidulu, ‘In-nies,’ min jaf x’tagħmlilna l-folla, għax kulħadd iqis lil Ġwanni bħala profeta.” 27  Għalhekk wieġbu lil Ġesù: “Ma nafux.” Imbagħad hu qalilhom: “Lanqas jien mhu se ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dawn l-affarijiet. 28  “Intom x’taħsbu? Raġel kellu żewġt itfal. Mar fuq l-ewwel wieħed u qallu, ‘Ibni, illum mur aħdem fl-għalqa tad-dwieli.’ 29  Dan wieġeb lil missieru, ‘M’iniex se mmur,’ imma wara ddispjaċieh u mar. 30  Ir-raġel mar fuq it-tieni wieħed u qallu l-istess. Dan wieġeb lil missieru, ‘Iva mmur,’ imma ma marx. 31  Liema minnhom għamel dak li xtaq missierhom?” Huma wiġbuh: “L-ewwel wieħed.” Ġesù qalilhom: “Naċċertakom li l-prostituti u dawk li jiġbru t-taxxi se jmorru qabilkom fis-Saltna t’Alla. 32  Għax Ġwanni ġie u wriekom it-triq it-tajba,* imma intom m’emmintuhx. Imma l-prostituti u dawk li jiġbru t-taxxi emmnuh. U anki meta rajtu dan, ma ddispjaċikomx u bqajtu m’emmintuhx. 33  “Isimgħu eżempju ieħor: Kien hemm raġel li kellu għalqa. Hu ħawwilha bid-dwieli, għamel ċint madwarha, ħaffer post fejn jagħsru l-għeneb, u bena torri.* Imbagħad, ħallieha f’idejn il-bdiewa u siefer. 34  Meta kien ż-żmien li jinqataʼ l-għeneb, hu bagħat l-ilsiera tiegħu għand il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott. 35  Imma l-bdiewa qabdu l-ilsiera tiegħu, u lil wieħed minnhom tawh xebgħa, lil ieħor qatluh, u lil ieħor waddbulu l-ġebel sakemm miet. 36  U reġaʼ bagħat grupp akbar taʼ lsiera, imma għamlulhom l-istess. 37  Fl-aħħar bagħat lit-tifel tiegħu stess u qal, ‘Lit-tifel tiegħi għandhom jirrispettawh.’ 38  Xħin il-bdiewa rawh, qalu bejniethom, ‘Dan li se jiret l-għalqa tad-dwieli. Ejja noqtluh u nirtu kollox aħna!’ 39  Għalhekk, qabduh, tefgħuh ’il barra mill-għalqa, u qatluh. 40  Allura, meta jiġi sid l-għalqa, x’taħsbu li se jagħmlilhom lill-bdiewa?” 41  Qalulu: “Peress li huma nies ħżiena, hu se jeqridhom għalkollox, u jħalli l-għalqa tad-dwieli f’idejn bdiewa oħrajn li jagħtuh il-frott meta jkun żmienu.” 42  Ġesù qalilhom: “L-Iskrittura tgħid, ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret l-iktar ġebla importanti* tal-bini. Din ġejja mingħand Ġeħova* u hi tal-għaġeb għalina.’ Qatt ma qrajtuh dan? 43  Hu għalhekk li Alla se jieħu s-Saltna tiegħu mingħandkom u jagħtiha lil nies li jagħmlu dak li jrid hu. 44  Ukoll, min jaqaʼ fuq din il-ġebla jitfarrak, u fuq min taqaʼ tgħaffġu.” 45  Meta l-qassisin importanti u l-Fariżej semgħu dawn l-eżempji, indunaw li kien qed jgħid għalihom. 46  Għalkemm xtaqu jarrestawh,* huma beżgħu min-nies, għax dawn kienu jqisuh profeta.

Noti taʼ taħt

Din tistaʼ tirreferi għall-belt taʼ Ġerusalemm li kienet fuq il-Muntanja Sijon jew għan-nies tagħha.
Letteralment “it-triq tal-ġustizzja.”
Dan hu post li minnu kienu joqgħodu għassa mal-għalqa biex jaraw li ma jidħolx xi ħalliel jew annimal.
Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ fuq nett taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.
Letteralment “jaqbduh.”