L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 16:1-23

  • Samwel jinkariga lil David biex ikun ir-re li jmiss (1-13)

    • ‘Ġeħova jara x’hemm fil-qalbʼ (7)

  • L-ispirtu t’Alla jitlaq minn fuq Sawl (14-17)

  • David jibda jdoqq l-arpa għal Sawl (18-23)

16  U Ġeħova qal lil Samwel: “Kemm se ddum issewwed qalbek minħabba Sawl la jien warrabtu biex ma jmexxix fuq Iżrael? Imla l-qarn tiegħek biż-żejt u mur. Se nibagħtek għand Ġesse l-Betlemi, għaliex jien għażilt re għalija mit-tfal tiegħu.” 2  Imma Samwel qal: “Kif nistaʼ mmur? Meta Sawl jismaʼ b’dan, joqtolni.” Ġeħova wieġeb: “Ħu miegħek għoġla u għid, ‘Ġejt biex noffri sagrifiċċju lil Ġeħova.’ 3  Stieden lil Ġesse għas-sagrifiċċju, imbagħad nurik x’għandek tagħmel. Għandek tagħżel* għalija lil dak li ngħidlek jien.” 4  Samwel għamel dak li qallu Ġeħova. Meta wasal Betlem, l-anzjani* tal-belt bdew jirtogħdu meta laqgħuh, u qalulu: “Ġejt bil-paċi?” 5  Wiġibhom: “Iva, bil-paċi. Ġejt biex noffri sagrifiċċju lil Ġeħova. Tqaddsu u ejjew miegħi għas-sagrifiċċju.” Imbagħad hu qaddes lil Ġesse u lit-tfal tiegħu, u wara għajtilhom għas-sagrifiċċju. 6  Hekk kif daħlu u ra lil Eljab, hu qal: “Żgur lil dan għażel* Ġeħova.” 7  Imma Ġeħova qal lil Samwel: “Tagħtix kas id-dehra tiegħu u kemm hu twil, għax jien warrabtu. Għax jien ma narax bħalma jara l-bniedem. Il-bniedem jara dak li jidher minn barra, imma jien, Ġeħova, nara x’hemm fil-qalb.” 8  Imbagħad Ġesse għajjat lil Abinadab u ħadu quddiem Samwel, imma hu qal: “Lanqas lil dan m’għażel Ġeħova.” 9  Imbagħad Ġesse ħadlu lil Sammah, imma hu qal: “Lanqas lil dan m’għażel Ġeħova.” 10  Ġesse ħa sebgħa mit-tfal tiegħu subien quddiem Samwel, imma Samwel qallu: “Ġeħova m’għażel lil ħadd minn dawn.” 11  Fl-aħħar, Samwel staqsa lil Ġesse: “Dawn huma s-subien kollha?” U dan wieġbu: “Għad baqaʼ l-iżgħar wieħed. Hu qed jirgħa n-nagħaġ.” Imbagħad Samwel qal lil Ġesse: “Ibgħat għalih, għaliex m’aħniex se nieklu qabel ma jiġi.” 12  Għalhekk, bagħat għalih u ħadu quddiem Samwel. Issa dan kien żagħżugħ ruxxan, b’għajnejh sbieħ, u gustuż. Imbagħad Ġeħova qal: “Idilku,* għax dan hu l-wieħed!” 13  Għalhekk, Samwel ħa l-qarn taż-żejt u dilku quddiem ħutu. U l-ispirtu taʼ Ġeħova beda jsaħħaħ lil David minn dakinhar ’il quddiem. Iktar tard, Samwel qam u telaq lejn Rama. 14  Issa l-ispirtu taʼ Ġeħova telaq minn fuq Sawl, u Ġeħova ppermetta li jkollu ħsibijiet koroh* li jwerwruh. 15  Il-qaddejja taʼ Sawl qalulu: “Alla qed jippermetti li jkollok ħsibijiet koroh* li jwerwruk. 16  Jekk jogħġbok sidna, ikkmanda lilna, il-qaddejja tiegħek, biex infittxu raġel li jaf idoqq l-arpa sew. U kull darba li Alla jippermetti li jkollok ħsibijiet koroh,* hu jdoqqha u tħossok aħjar.” 17  Għalhekk, Sawl qal lill-qaddejja tiegħu: “Jekk jogħġobkom, sibuli raġel li jaf idoqq tajjeb, u ġibuh għandi.” 18  Wieħed mill-qaddejja qal: “Bin Ġesse l-Betlemi jaf idoqq sew, u hu gwerrier kuraġġuż u b’saħħtu. Hu kelliemi tajjeb, gustuż, u Ġeħova qiegħed miegħu.” 19  Imbagħad Sawl bagħat xi messaġġiera għand Ġesse u qalulu: “Ibgħatli lil ibnek David, li qiegħed mal-merħla.” 20  Għalhekk, Ġesse għabba ħmar bil-ħobż, flixkun tal-ġilda bl-inbid, u gidi u bagħathom lil Sawl m’ibnu David. 21  B’hekk, David mar għand Sawl u beda jaqdih. Sawl sar iħobbu ħafna, u David sar dak li jġorrlu l-armi. 22  Sawl bagħat jgħid lil Ġesse: “Jekk jogħġbok, ħa jibqaʼ jaqdini David, għax għandi pjaċir bih.” 23  Kull darba li Alla kien jippermetti li Sawl ikollu ħsibijiet koroh,* David kien jibda jdoqq l-arpa. U Sawl kien jistrieħ u jħossu aħjar, u ma kienx jibqaʼ jkollu ħsibijiet koroh.

Noti taʼ taħt

Letteralment “tidlek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “li dan hu l-midluk taʼ.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “spirtu ħażin.”
Letteralment “spirtu ħażin.”
Letteralment “spirtu ħażin.”
Letteralment “spirtu ħażin.”