L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 7:1-17

  • L-Arka f’Kirjat-ġegħarim (1)

  • Samwel iħeġġeġ: ‘Aqdu lil Ġeħova biss’ (2-6)

  • Ir-rebħa t’Iżrael f’Mispa (7-14)

  • Samwel jiġġudika lil Iżrael (15-17)

7  Għalhekk, l-irġiel taʼ Kirjat-ġegħarim marru u tellgħu l-Arka taʼ Ġeħova fid-dar t’Abinadab fuq l-għolja, u qaddsu lil ibnu Elegħażar biex joqgħod għassa mal-Arka taʼ Ġeħova. 2  Minn dakinhar li l-Arka waslet f’Kirjat-ġegħarim, għaddew 20 sena. Imbagħad in-nies kollha taʼ dar Iżrael bdew ifittxu* lil Ġeħova. 3  U Samwel qal lid-dar kollha t’Iżrael: “Jekk qed terġgħu lura lejn Ġeħova b’qalbkom kollha, neħħu minn nofskom l-allat barranin kif ukoll l-istatwi t’Għastoret. Aqdu lil Ġeħova biss u agħmlu dan b’qalbkom kollha, u hu jeħliskom mill-Filistin.” 4  Għal dan, l-Iżraelin neħħew il-Bagħalim u l-istatwi t’Għastoret u qdew lil Ġeħova biss. 5  Imbagħad Samwel qal: “Laqqgħu lil Iżrael kollu f’Mispa, u jien nitlob lil Ġeħova għalikom.” 6  Għalhekk, dakinhar iltaqgħu flimkien f’Mispa, imlew l-ilma, ferrgħuh quddiem Ġeħova, u samu. Hemmhekk qalu: “Dnibna kontra Ġeħova.” U Samwel beda jaqdi bħala mħallef fuq l-Iżraelin f’Mispa. 7  Meta l-Filistin semgħu li l-Iżraelin kienu ltaqgħu flimkien f’Mispa, il-mexxejja tal-Filistin telgħu biex jiġġieldu kontrihom. L-Iżraelin beżgħu meta semgħu b’dan. 8  Għalhekk, l-Iżraelin qalu lil Samwel: “Kompli għajjat lil Ġeħova l-Alla tagħna biex jgħinna u jsalvana mill-Filistin.” 9  Imbagħad Samwel ħa ħaruf u offrieh bħala offerta sħiħa tal-ħruq lil Ġeħova. Hu għajjat lil Ġeħova biex jgħin lill-Iżraelin, u Ġeħova wieġbu. 10  Waqt li Samwel kien qed joffri l-offerta tal-ħruq, il-Filistin resqu qrib biex jiġġieldu kontra Iżrael. Dakinhar, Ġeħova ġiegħel li jkun hemm ragħad qawwi kontra l-Filistin. B’hekk ħawwadhom u ġew megħlubin quddiem Iżrael. 11  U l-irġiel t’Iżrael ħarġu minn Mispa u ġrew wara l-Filistin u baqgħu joqtluhom san-Nofsinhar taʼ Bet-kar. 12  Imbagħad Samwel ħa ġebla u qegħedha bejn Mispa u Ġesana u semmieha Ebengħeżer* għax qal: “S’issa Ġeħova għenna.” 13  B’hekk il-Filistin tilfu u ma marrux iktar fit-territorju t’Iżrael. Ġeħova kompla jopponi lill-Filistin kemm dam ħaj Samwel. 14  Ukoll, il-bliet minn Għekron sa Gat, li l-Filistin kienu ħadu mingħand Iżrael, ingħatawlhom lura. Iżrael ħa lura t-territorju tiegħu minn id il-Filistin. Ukoll, kien hemm il-paċi bejn Iżrael u l-Amurrin. 15  Samwel baqaʼ jiġġudika lil Iżrael tul ħajtu. 16  Kull sena vvjaġġa u żar Betel, Gilgal, u Mispa, u ġġudika lil Iżrael f’dawn il-postijiet kollha. 17  Imma kien imur lura Rama fejn kien jgħix u jiġġudika lil Iżrael hemm ukoll. Hu bena artal lil Ġeħova hemm.

Noti taʼ taħt

Jew “jibkulu.”
Ifisser “Il-Ġebla t’Għajnuna.”