L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 15:1-35

  • Sawl ma jobdix billi jħalli lil Agag ħaj (1-9)

  • Samwel jirrabja maʼ Sawl (10-23)

    • ‘Li tobdi hu aħjar minn xi sagrifiċċju’ (22)

  • Sawl jiġi miċħud bħala re (24-29)

  • Samwel joqtol lil Agag (30-35)

15  Imbagħad Samwel qal lil Sawl: “Ġeħova bagħat lili biex ninkarigak* bħala re fuq il-poplu tiegħu Iżrael. Issa ismaʼ dak li għandu x’jgħid Ġeħova. 2  Hekk jgħid Ġeħova tal-armati: ‘Nitlob kont mill-Għamalekin talli ħaduha kontra Iżrael meta kien ħiereġ mill-Eġittu. 3  Issa mur u eqred għalkollox lill-Għamalekin u kulma għandhom. M’għandekx turi ħniena magħhom. Għandek toqtol l-irġiel u n-nisa, it-tfal u t-trabi, il-barrin u n-nagħaġ, u l-iġmla u l-ħmir.’” 4  Sawl ġabar l-armata u għadd l-irġiel f’Telajm: Kien hemm 200,000 suldat u 10,000 raġel minn Ġuda. 5  Sawl wasal sal-belt t’Għamalek u staħba biex jattakka fil-wied. 6  Imbagħad Sawl qal lill-Kenin: “Morru, itilqu minn fost l-Għamalekin biex ma nkaxkarkomx magħhom. Għax intom urejtu mħabba u lealtà* mal-poplu kollu t’Iżrael meta ħareġ mill-Eġittu.” Għalhekk, il-Kenin telqu minn Għamalek. 7  Imbagħad Sawl u s-suldati tiegħu attakkaw lill-Għamalekin minn Ħawila sa Sur, li hi ħdejn l-Eġittu. 8  Lil Agag ir-re t’Għamalek qabduh ħaj, imma n-nies l-oħrajn kollha qatluhom bix-xabla. 9  Madankollu, Sawl u s-suldati tħassruh lil* Agag u la qatlu lilu u lanqas l-aħjar nagħaġ, baqar, annimali msemmnin, u mtaten. Huma żammew kulma kien tajjeb u ma ridux jeqirduhom. Imma l-affarijiet kollha li ma kienu jiswew għal xejn u li ma riedhom ħadd, qerduhom għalkollox. 10  Imbagħad Ġeħova qal lil Samwel: 11  “Jiddispjaċini li għamilt lil Sawl re, għaliex ma baqax jimxi warajja u m’għamilx dak li għedtlu.” Samwel kien inkwetat ħafna, u baqaʼ jitlob bil-ħniena lil Ġeħova l-lejl kollu. 12  Meta Samwel qam kmieni biex jiltaqaʼ maʼ Sawl, lil Samwel qalulu: “Sawl mar Karmel, u hemm bena monument għalih. Imbagħad niżel lejn Gilgal.” 13  Meta Samwel fl-aħħar mar għandu, Sawl qallu: “Jalla jbierkek Ġeħova. Jien għamilt dak li qalli Ġeħova.” 14  Imma Samwel qallu: “Allura x’inhu dan il-ħoss tan-nagħaġ u tal-baqar li qed nismaʼ?” 15  Sawl wieġbu: “Dawn ġabuhom mingħand l-Għamalekin, għaliex is-suldati ma qatlux* l-aħjar nagħaġ u baqar. Dan għamluh biex joffruhom bħala sagrifiċċju lil Ġeħova l-Alla tiegħek. Imma dak li kien fadal qridnieh għalkollox.” 16  U Samwel qal lil Sawl: “Ieqaf! Ħa ngħidlek x’qalli Ġeħova l-lejl li għadda.” Għalhekk qallu: “Tkellem!” 17  Samwel kompla: “Ma kontx int tqis lilek innifsek mhux importanti meta sirt kap tat-tribujiet t’Iżrael u meta Ġeħova għażlek* bħala re fuq Iżrael? 18  Iktar tard Ġeħova bagħtek fuq inkarigu u qallek, ‘Mur u eqred għalkollox lill-Għamalekin midinbin.* Iġġieled kontrihom sakemm tkun qridthom għalkollox.’ 19  Allura għala m’obdejtx dak li qallek Ġeħova? Minflok, int ħtaft b’regħba l-affarijiet tal-għadu u għamilt dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova!” 20  Madankollu, Sawl qal lil Samwel: “Imma jien obdejt dak li qalli Ġeħova! Mort fuq l-inkarigu li Ġeħova bagħatni, u ġibt lura lil Agag ir-re t’Għamalek u qridt għalkollox lill-Għamalekin. 21  Imma n-nies ħadu l-aqwa nagħaġ u baqar minn dak li kellu jinqered għalkollox biex joffruhom bħala sagrifiċċju lil Ġeħova l-Alla tiegħek f’Gilgal.” 22  Imbagħad Samwel qallu: “Jieħu gost Ġeħova bl-offerti tal-ħruq u bis-sagrifiċċji daqskemm jieħu gost b’xi ħadd li jismaʼ minnu? Li tobdi lil Ġeħova hu aħjar minn xi sagrifiċċju, u li toqgħod attent aħjar mix-xaħam tal-imtaten; 23  għax ir-ribelljoni hi l-istess bħad-dnub tat-teħbir, u l-prużunzjoni l-istess bħall-magħmul u l-idolatrija.* Talli int ċħadt il-kelma taʼ Ġeħova, hu ċaħdek milli tkun re.” 24  Imbagħad Sawl qal lil Samwel: “Dnibt għax ksirt il-kmand taʼ Ġeħova u kliemek, għax bżajt min-nies u smajt minn dak li qalu. 25  Jekk jogħġbok, aħfer id-dnub tiegħi u erġaʼ lura miegħi sabiex immil quddiem Ġeħova.” 26  Imma Samwel qal lil Sawl: “Jien mhux se nerġaʼ lura miegħek, għax int ċħadt il-kelma taʼ Ġeħova, u Ġeħova ċaħad lilek milli tibqaʼ re fuq Iżrael.” 27  Hekk kif Samwel dar biex imur, Sawl qabadlu tarf il-libsa bla kmiem, imma din iċċartet. 28  U Samwel qallu: “Illum, Ġeħova ċarrat is-saltna rjali t’Iżrael minn fuqek u se jagħtiha lil xi ħadd li hu aħjar minnek. 29  Iktar minn hekk, l-Alla Glorjuż t’Iżrael ma jigdibx jew jerġaʼ jibdielu,* għax Hu mhuwiex xi bniedem sabiex jerġaʼ jibdielu.”* 30  Għal dan qallu: “Dnibt. Imma jekk jogħġbok, onorani quddiem l-anzjani* tal-poplu tiegħi u quddiem Iżrael. Erġaʼ lura miegħi, u jien immil quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek.” 31  Għalhekk, Samwel reġaʼ lura wara Sawl, u Sawl miel quddiem Ġeħova. 32  U Samwel qal: “Ġibu lil Agag ir-re t’Għamalek ħdejja.” Imbagħad Agag mar ħdejh kontra qalbu,* għax hu kien qed jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Issa żgur li mhux se joqtluni.’* 33  Madankollu Samwel qallu: “Bħalma x-xabla tiegħek ħalliet lin-nisa bla tfal, hekk ommok se titħalla bla tfal fost in-nisa.” U Samwel ta ħafna daqqiet bix-xabla lil Agag quddiem Ġeħova f’Gilgal. 34  Samwel issa telaq lejn Rama, u Sawl telaʼ lejn daru f’Gibegħa. 35  Sakemm miet, Samwel ma reġax ra lil Sawl u sewwed qalbu minħabba fih. U Ġeħova ddispjaċieh li kien għamel lil Sawl re fuq Iżrael.

Noti taʼ taħt

Letteralment “nidilkek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “urew ħniena maʼ.”
Jew “urew ħniena maʼ.”
Letteralment “dilkek.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “li jagħmlu d-dnub.”
Letteralment “l-istatwi tat-terafim,” jiġifieri l-allat tad-dar; l-idoli.
Jew “jiddispjaċih.”
Jew “jiddispjaċih.”
Jew forsi “fiduċjuż.”
Letteralment “li għadda mrar il-mewt.”