L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 23:1-29
23 Maż-żmien lil David tawh l-aħbar: “Il-Filistin qed jiġġieldu kontra Kejla, u qed iħarbtu l-postijiet fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.”*
2 B’hekk, David staqsa lil Ġeħova: “Għandi mmur noqtol lil dawn il-Filistin?” Ġeħova qallu: “Mur oqtol il-Filistin u salva lil Kejla.”
3 Imma l-irġiel taʼ David qalulu: “Aħna qed nibżgħu f’Ġuda, aħseb u ara jekk immorru Kejla kontra s-suldati Filistin lesti għall-battalja!”
4 Għalhekk, David reġaʼ staqsa lil Ġeħova. U Ġeħova wieġbu: “Inżel Kejla, għax se nagħti l-Filistin f’idejk.”
5 Għalhekk, David mar mal-irġiel tiegħu Kejla u ġġieled kontra l-Filistin. Hu ħa l-bhejjem tagħhom, qatel ħafna mill-Filistin, u salva n-nies taʼ Kejla.
6 Issa meta Abjatar bin Aħimelek ħarab għand David f’Kejla, hu kellu efod* miegħu.
7 Lil Sawl waslitlu l-aħbar li David mar Kejla. Imbagħad Sawl qal: “Alla tah* f’idi, għax spiċċa f’nassa billi daħal f’belt bil-bibien u bl-istaneg.”
8 Għalhekk, Sawl ġabar lis-suldati kollha għall-gwerra biex jinżlu Kejla u jassedjaw lil David u l-irġiel tiegħu.
9 Meta David sar jaf x’kien qed jippjana Sawl, hu qal lil Abjatar il-qassis: “Ġib l-efod hawn.”
10 Imbagħad David qal: “Ġeħova l-Alla t’Iżrael, jien, il-qaddej tiegħek, smajt li Sawl beħsiebu jiġi Kejla biex jeqred il-belt minħabba fija.
11 Tgħid il-mexxejja* taʼ Kejla se jagħtuni f’idu? Se jinżel Sawl bħalma smajt jien, il-qaddej tiegħek? Għidli jekk jogħġbok, Ġeħova l-Alla t’Iżrael.” U Ġeħova qallu: “Iva, se jinżel.”
12 David staqsa: “Tgħid il-mexxejja taʼ Kejla se jagħtu lili u lill-irġiel tiegħi f’id Sawl?” U Ġeħova qallu: “Iva, hekk se jagħmlu.”
13 Minnufih David u l-irġiel tiegħu, xi 600 raġel, ħarġu minn Kejla u marru f’diversi postijiet, kull fejn ma kienx hemm periklu għalihom. Meta Sawl sar jaf li David kien ħarab minn Kejla, ma marx għal warajh.
14 David qagħad fid-deżert f’postijiet diffiċli biex jintlaħqu, fir-reġjun muntanjuż tad-deżert taʼ Żif. Sawl baqaʼ l-ħin kollu jfittxu, imma Ġeħova ma tahx f’idu.
15 Waqt li David kien fid-deżert taʼ Żif f’Ħores kien jaf li* Sawl kien ħareġ biex jipprova joqtlu.
16 Ġonatan bin Sawl issa mar għand David f’Ħores, u għenu jsaħħaħ il-fiduċja tiegħu* f’Ġeħova.
17 Hu qallu: “Tibżax, għax missieri Sawl mhux se jsibek. Int tkun re fuq Iżrael, u jien inkun it-tieni warajk. Anki missieri jafu dan.”
18 Imbagħad it-tnejn li huma għamlu patt quddiem Ġeħova, u David baqaʼ f’Ħores, u Ġonatan mar lejn daru.
19 Iktar tard, l-irġiel taʼ Żif telgħu għand Sawl f’Gibegħa u qalulu: “David qed jinħeba qribna fil-postijiet diffiċli biex jintlaħqu f’Ħores, fuq l-għolja taʼ Ħakila, li qiegħda fin-Nofsinhar* tal-Ġesimon.*
20 Sidna, meta tkun tixtieq tinżel, inżel, u aħna nagħtuh f’idejk.”
21 Għal dan Sawl qalilhom: “Ħa tkunu mberkin minn Ġeħova, għax ħennejtu għalija.
22 Jekk jogħġobkom, morru u siru afu eżatt fejn qiegħed u min rah hemm, għax qaluli li hu vera makakk.
23 Tkixxfu fejn huma l-postijiet kollha li jistaħba fihom u erġgħu lura għandi bl-evidenza. Imbagħad jien niġi magħkom, u jekk ikun fil-pajjiż, jien infittxu fost l-eluf kollha taʼ Ġuda.”
24 Għalhekk, marru Żif qabel Sawl, waqt li David u l-irġiel tiegħu kienu fid-deżert taʼ Magħon, fl-Għaraba lejn in-Nofsinhar tal-Ġesimon.
25 Imbagħad Sawl mar ifittxu mal-irġiel tiegħu. Meta lil David qalulu b’dan, minnufih niżel lejn blata li kienet fid-deżert taʼ Magħon u baqaʼ hemm. Meta Sawl semaʼ b’dan, mar wara David fid-deżert taʼ Magħon.
26 Xħin Sawl wasal fuq naħa tal-muntanja, David u l-irġiel tiegħu kienu fuq in-naħa l-oħra. David kien qed jgħaġġel biex jaħrab minn Sawl, imma Sawl u l-irġiel tiegħu kienu qed idawru lil David u l-irġiel tiegħu biex jaqbduhom.
27 Imma mar messaġġier għand Sawl u qallu: “Ejja malajr, għax il-Filistin attakkaw il-pajjiż!”
28 B’hekk, Sawl ma baqax jiġri wara David u mar jattakka lill-Filistin. Huwa għalhekk li dak il-post issemma l-Blata tal-Firdiet.
29 Imbagħad David telaʼ minn hemmhekk u qagħad fil-postijiet diffiċli biex jintlaħqu f’Għajn-gedi.
Noti taʼ taħt
^ Jew “qigħan tad-dris.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “biegħu.”
^ Jew forsi “s-sidien tal-art.”
^ Jew forsi “kien qed jibżaʼ għax.”
^ Letteralment “saħħaħlu idu.”
^ Letteralment “fuq il-lemin.”
^ Jew forsi “tad-deżert; tax-xagħri.”

