L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 2:1-36
2 Imbagħad Ħanna talbet:
“Qalbi tifraħ minħabba Ġeħova;Ġeħova tani s-saħħa.*
Jien inwieġeb l-għedewwa tiegħi bil-kuraġġ,Għax nifraħ bil-mod kif issalvani.
2 M’hemm ħadd qaddis bħalek Ġeħova,M’hemm ħadd ħliefek,U m’hemm ebda blata bħall-Alla tagħna.
3 Tibqgħux titkellmu b’suppervja,Tħallu xejn arroganti joħroġ minn ħalqkom,Għax Ġeħova hu l-Alla li jaf kollox,U hu jiġġudika b’ġustizzja dak li jagħmlu l-bnedmin.
4 Il-qaws tal-irġiel b’saħħithom hu mfarrak,Imma dawk li qed jitfixklu jingħataw is-saħħa.
5 L-imxebbgħin ikollhom jaħdmu għall-ħobż,Imma dawk bil-ġuħ ma jibqgħux bil-ġuħ.
Dik li ma setax ikollha tfal welldet sebgħa,Imma dik li kellha ħafna tfal spiċċat waħedha.*
6 Ġeħova għandu l-abbiltà li jeqred u li jżomm lil xi ħadd ħaj,*Għandu l-abbiltà li jniżżel fil-Qabar* u li jtellaʼ minnu.
7 Ġeħova għandu l-abbiltà li jagħmel lil xi ħadd fqir jew sinjur,Li jbaxxi, kif ukoll jgħolli.
8 Hu jqajjem lill-batut mit-trab;Jerfaʼ lill-foqra mill-irmied,*Biex iqegħedhom bilqiegħda man-nies importanti,U jagħtihom pożizzjoni t’unur.
Ġeħova poġġa l-pilastri tal-art,U fuqhom qiegħed l-art produttiva.
9 Hu jipproteġi lil-leali tiegħu,Imma l-ħżiena jiġu msikktin fid-dlam,Għax il-bniedem ma jirnexxix bil-qawwa tiegħu stess.
10 Ġeħova se jkisser lil dawk li jiġġieldu miegħu;*Hu se juri r-rabja tiegħu billi jriegħed mis-sema.
Ġeħova jiġġudika sa truf l-art,Hu jagħti l-qawwa lir-re tiegħuU jsaħħaħ lill-magħżul* tiegħu.”
11 Imbagħad Elkana mar lejn daru f’Rama, imma t-tifel baqaʼ m’Għeli l-qassis u beda jaqdi lil* Ġeħova.
12 Issa t-tfal t’Għeli kienu rġiel mill-agħar; ma kellhomx rispett lejn Ġeħova.
13 U bis-sehem li l-qassisin kienu jirċievu mingħand il-poplu, huma kienu jagħmlu dan: Kull meta xi raġel kien joffri sagrifiċċju, qaddej tal-qassis kien jiġi b’furketta taʼ tliet sinniet f’idu u meta l-laħam kien ikun qed jagħli,
14 kien idaħħalha fi kwalunkwe borma li jkunu qed isajru fiha. Kulma kienet ittellaʼ l-furketta, il-qassis kien jieħdu għalih stess. Hekk kienu jagħmlu f’Silo lill-Iżraelin kollha li kienu jmorru hemmhekk.
15 Ukoll, saħansitra qabel ma jiġi maħruq ix-xaħam tas-sagrifiċċju biex idaħħan, kien jiġi qaddej tal-qassis u jgħid lir-raġel li jkun qed joffri s-sagrifiċċju: “Agħti l-laħam lill-qassis biex jixwih. Hu mhux se jieħu laħam mgħolli mingħandek, imma nej biss.”
16 Meta r-raġel kien jgħidlu: “L-ewwel għandu jinħaraq ix-xaħam, imbagħad ħu dak li trid,” l-ieħor kien jgħidlu: “Le, agħtihuli issa, inkella nieħdu jien!”
17 B’hekk, id-dnub tal-qaddejja kien kbir ħafna quddiem Ġeħova, għax dawn l-irġiel ittrattaw l-offerta taʼ Ġeħova b’diżrispett.
18 U Samwel kien qed jaqdi quddiem Ġeħova, liebes efod* tal-għażel, minkejja li kien għadu naqra taʼ tifel.
19 Ukoll, kull sena ommu kienet tagħmillu daqsxejn taʼ libsa bla kmiem, u kienet tiħodhielu meta kienet titlaʼ maʼ żewġha biex joffru s-sagrifiċċju taʼ kull sena.
20 U Għeli bierek lil Elkana u lil martu u qal: “Jalla Ġeħova jagħtik tifel minn din il-mara minflok il-wieħed li ngħata* lil Ġeħova.” U marru lura d-dar.
21 Ġeħova ftakar f’Ħanna, u b’hekk hi kellha tliet subien oħra u żewġt ibniet. U t-tifel Samwel kompla jikber quddiem Ġeħova.
22 Issa Għeli kien imdaħħal sew fiż-żmien, imma kien semaʼ dwar kulma t-tfal tiegħu kienu qed jagħmlu lil Iżrael kollu u dwar ir-relazzjonijiet sesswali li kien ikollhom man-nisa li jaqdu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.
23 Hu kien jgħidilhom: “Għala tibqgħu tagħmlu affarijiet bħal dawn? Qed nismaʼ affarijiet ħżiena dwarkom mingħand in-nies kollha.
24 Tagħmlux hekk uliedi, għax l-aħbar li qed tinxtered fost il-poplu taʼ Ġeħova mhix tajba.
25 Jekk raġel jidneb kontra raġel ieħor, xi ħadd jistaʼ jitlob lil Ġeħova biex jgħinu;* imma jekk raġel jidneb kontra Ġeħova, min jistaʼ jitlob għalih?” Imma huma ma ridux jisimgħu minn missierhom, għax Ġeħova kien iddeċieda li joqtolhom.
26 Sadanittant, Samwel kiber. U Ġeħova u n-nies kienu jieħdu pjaċir bih iktar u iktar.
27 U profeta t’Alla mar għand Għeli u qallu: “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Ma wrejtx jien b’mod ċar lili nnifsi lin-nies taʼ dar missierek meta kienu fl-Eġittu bħala lsiera taʼ dar il-Fargħun?
28 U hu ntgħażel mit-tribujiet kollha t’Iżrael biex jaqdi bħala l-qassis tiegħi u jitlaʼ ħdejn l-artal tiegħi biex joffri s-sagrifiċċji, joffri l-inċens,* u jilbes efod biex jaqdini. U jien tajt lil dar missierek l-offerti kollha li jiġu maħruqin tal-Iżraelin.*
29 Għala tibqgħu tittrattaw b’diżrispett* is-sagrifiċċju u l-offerta tiegħi li kkmandajt fil-post fejn noqgħod jien? Għala tibqaʼ tonora lit-tfal tiegħek iktar minni billi teħxienu bl-aqwa partijiet taʼ kull offerta tal-poplu tiegħi Iżrael?
30 “‘Għalhekk jien, Ġeħova l-Alla t’Iżrael, ngħidlek: “Veru li jien għedt li darek u dar missierek dejjem se jimxu quddiemi.” Imma issa jien, Ġeħova, niddikjara: “Dan ma jgħaddilix minn moħħi, għaliex se nonora lil dawk li jonorawni, imma dawk li jmaqdruni se jiġu ddiżonorati.”
31 Għad jiġi żmien meta nneħħi s-saħħa tiegħek* u taʼ dar missierek, u b’hekk f’darek ma jkunx hemm raġel li jgħix sakemm jixjieħ.
32 U tara għadu fil-post fejn noqgħod jien fost it-tajjeb kollu li jsir lil Iżrael, u qatt ma jerġaʼ jkun hemm raġel imdaħħal fiż-żmien f’darek.
33 Ir-raġel minn darek li nħallih jaqdi ħdejn l-artal tiegħi se jġiegħel għajnejk jiddgħajfu u jġiblek l-inkwiet, imma l-biċċa l-kbira min-nies taʼ darek imutu bix-xabla.
34 U dak li jiġri liż-żewġt itfal tiegħek, Ħofni u Fineħas, ikun sinjal li dak li qed ngħid hu minnu: F’jum wieħed imutu t-tnejn li huma.
35 Imbagħad, nagħżel għalija qassis leali. Dan jaġixxi fi qbil maʼ dak li tixtieq qalbi; u nibnilu dar* dejjiema, u jimxi dejjem quddiem il-midluk tiegħi.
36 Kull min jifdal f’darek jiġi u jmil quddiemu u jitolbu bil-ħniena biex jagħtih xogħol ħalli jkollu ftit flus u ħobż, u jgħidlu: “Jekk jogħġbok, qabbadni nagħmel xogħol taʼ qassis biex niekol biċċa ħobż.”’”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “għolla l-qarn tiegħi.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “dbielet.”
^ Jew “jagħti l-ħajja.”
^ Jew “f’Xeol,” jiġifieri l-qabar komuni tan-nies. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew forsi “mill-miżbla.”
^ Jew forsi “Dawk li jħaqquha maʼ Ġeħova jitwerwru.”
^ Letteralment “jgħolli l-qarn tal-midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “sar qaddej taʼ.”
^ Letteralment “imħażżem b’efod.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “issellef.”
^ Jew forsi “Alla jidħol għalih.”
^ Jew forsi “jġiegħel id-duħħan tas-sagrifiċċji jitlaʼ ’l fuq.”
^ Letteralment “tat-tfal t’Iżrael.”
^ Letteralment “tagħtu bis-sieq.”
^ Letteralment “naqtagħlek idek barra.”
^ Jiġifieri linja taʼ qassisin.

