L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 24:1-22

  • David ma joqtolx lil Sawl (1-22)

    • David jirrispetta lill-magħżul taʼ Ġeħova (6)

24  Malli Sawl wasal lura milli jiġri wara l-Filistin, qalulu: “David qiegħed fid-deżert t’Għajn-gedi.” 2  Għalhekk, Sawl ħa 3,000 raġel magħżulin minn Iżrael kollu u mar ifittex lil David u l-irġiel tiegħu fuq l-irdum imħarbat tal-mogħoż tal-muntanja. 3  Matul it-triq, Sawl wasal ħdejn l-imqawel tan-nagħaġ magħmulin mill-ġebel, fejn kien hemm għar. Hu daħal fih biex jaqdi bżonnijietu,* waqt li David u l-irġiel tiegħu kienu bilqiegħda fin-naħa taʼ wara tal-għar fejn ma jidhrux. 4  L-irġiel taʼ David qalulu: “Dan hu l-jum li fih Ġeħova qed jagħtik l-għadu f’idejk, u tistaʼ tagħmillu dak li jidhirlek li hu tajjeb.” Għalhekk, David qam inkiss inkiss u qataʼ tarf il-libsa bla kmiem taʼ Sawl. 5  Imma wara, David bdiet tniggżu l-kuxjenza* minħabba li kien qataʼ tarf il-libsa taʼ Sawl. 6  Hu qal lill-irġiel tiegħu: “Meta nqis is-sitwazzjoni mill-ħarsa taʼ Ġeħova, ma jgħaddilix minn moħħi li nagħmel ħaġa bħal din lil sidi, il-magħżul* taʼ Ġeħova, billi nattakkah, għax hu l-magħżul taʼ Ġeħova.” 7  B’dan il-kliem, David waqqaf* lill-irġiel tiegħu u ma ħallihomx jattakkaw lil Sawl. U Sawl qam u ħareġ mill-għar u baqaʼ sejjer fi triqtu. 8  Imbagħad David ħareġ mill-għar u għajjat lil Sawl: “Sidi r-re!” Meta Sawl ħares warajh, David miel u nxteħet wiċċu fl-art. 9  David qal lil Sawl: “Għala qed tismaʼ min-nies li jgħidu, ‘David qed jipprova jweġġgħek’? 10  Illum int rajt b’għajnejk stess kif Ġeħova tak f’idi ġol-għar. Imma meta xi ħadd qalli biex noqtlok, jien tħassartek u għedt, ‘Mhux se nattakka lil sidi, għax hu l-magħżul* taʼ Ġeħova.’ 11  Missier, ara għandi tarf il-libsa tiegħek f’idi. Meta qtajt tarf il-libsa tiegħek ma qtiltekx. Issa tistaʼ tara u tifhem li m’għandix il-ħsieb li nweġġgħek jew nirribella, u jien ma dnibtx kontrik, waqt li int qed tiġri warajja biex toqtolni. 12  Jalla Ġeħova jiġġudika bejni u bejnek, u jalla Ġeħova jagħmel vendetta minnek għalija, imma jien mhux se nattakkak. 13  Bħalma jgħid il-proverbju tal-qedem, ‘Mill-ħżiena joħroġ il-ħażen,’ imma jien mhux se nattakkak. 14  Wara min ħriġt, re t’Iżrael? Wara min qed tiġri? Jien sempliċement kelb mejjet. Jien sempliċement bergħud. 15  Jalla Ġeħova jkun l-imħallef u jiġġudika bejni u bejnek. Hu se jara l-kwistjoni u jiddefendi l-kawża tiegħi, jiġġudikani, u jeħlisni minn idek.” 16  Malli David qallu dan il-kliem, Sawl qal: “Dan leħnek, ibni David?” U Sawl beda jibki b’leħen għoli. 17  Hu qal lil David: “Int iktar ġust minni, għax int ittrattajtni tajjeb u jien pattejtlek bil-ħsara. 18  Iva, illum għedtli bit-tajjeb li għamilt billi ma qtiltnix meta Ġeħova tani f’idejk. 19  Għax liema raġel isib l-għadu tiegħu u jibagħtu fi triqtu fil-paċi? Ġeħova se jippremjak minħabba dak li għamilt miegħi llum. 20  U issa ara, jien ċert li int se tkun re u se tmexxi fuq Iżrael għal żmien twil. 21  Aħlifli b’Ġeħova li ma teqridx lil dawk li jiġu minni u li ma ġġibx fix-xejn lil ismi minn dar missieri.” 22  Għalhekk, David ħaliflu, u mbagħad Sawl telaq lejn daru. Imma David u l-irġiel tiegħu telgħu fil-post taʼ protezzjoni.

Noti taʼ taħt

Letteralment “jgħatti saqajh.”
Letteralment “qalb David bdiet tħabbtu.”
Letteralment “il-midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew forsi “fired.”
Letteralment “il-midluk.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.