L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel 25:1-44
25 Maż-żmien Samwel miet, u l-Iżraelin kollha nġabru flimkien biex jibkuh u jidfnuh viċin daru f’Rama. Imbagħad David niżel lejn id-deżert tal-Faran.
2 Issa kien hemm raġel f’Magħon li kien jaħdem il-Karmel.* Hu kien sinjur ħafna, u kellu 3,000 nagħġa u 1,000 mogħża, u kien qed jaqtaʼ s-suf tan-nagħaġ tiegħu fil-Karmel.
3 Ir-raġel kien jismu Nabal u martu Abigajl. Il-mara kienet bil-għaqal u sabiħa, imma r-raġel, li kien mill-familja taʼ Kaleb, kien aħrax u jaġixxi ħażin.
4 Waqt li kien fid-deżert, David semaʼ li Nabal kien qed jaqtaʼ s-suf tan-nagħaġ tiegħu.
5 Għalhekk, David bagħat għaxar żgħażagħ għandu u qalilhom: “Itilgħu l-Karmel, u morru għand Nabal u għidulu li qed nistaqsi kif inhu.
6 Imbagħad għidulu, ‘Jalla tgħix ħajja twila. Jalla int u n-nies taʼ darek tkunu tajbin* u kulma għandek ikun tajjeb.
7 Issa smajt li qiegħed taqtaʼ s-suf tan-nagħaġ tiegħek. Meta r-ragħajja tiegħek kienu magħna, aħna m’għamilnilhomx ħsara, u xejn ma naqashom waqt li kienu fil-Karmel.
8 Staqsi liż-żgħażagħ tiegħek u jgħidulek. Jalla turi ħniena maż-żgħażagħ tiegħi, għaliex ġew għandek fi żmien taʼ ferħ.* Jekk jogħġbok, agħti dak li tistaʼ lill-qaddejja tiegħi u lili, il-qaddej tiegħek* David.’”
9 Għalhekk, iż-żgħażagħ taʼ David marru u qalu dan kollu lil Nabal. Meta spiċċaw jitkellmu,
10 Nabal wieġeb lill-qaddejja taʼ David: “Min jaħseb li hu David bin Ġesse, u għala għandi nismaʼ minnu? Illum ħafna huma l-qaddejja li qed jaħarbu minn sidhom.
11 Għandi jien naqbad il-ħobż, l-ilma, u l-laħam li qattajt għan-nies tiegħi li jaqtgħu s-suf tan-nagħaġ u nagħtihom lil irġiel li lanqas biss naf minn fejn huma?”
12 Għal dan, iż-żgħażagħ marru lura u qalu dan il-kliem kollu lil David.
13 Minnufih David qal lill-irġiel tiegħu: “Aqbdu x-xabla tagħkom!” Għalhekk, libsu ċ-ċinturin li jpoġġu x-xabla fih, u David għamel hekk ukoll. Madwar 400 raġel telgħu maʼ David, waqt li 200 raġel qagħdu mal-affarijiet.
14 Sadanittant, wieħed mill-qaddejja taʼ Nabal qal lil Abigajl, mart Nabal: “David bagħat messaġġiera mid-deżert għand sidna biex jara kif inhu u jixtieqlu l-ġid, imma hu għajjarhom.
15 Dawn l-irġiel imxew tajjeb ħafna magħna. Qatt m’għamlulna ħsara, u lanqas ħaġa waħda ma naqsitna waqt li konna magħhom fl-għelieqi.
16 Il-ħin kollu li konna magħhom nirgħaw il-merħla, huma kienu bħal sur taʼ protezzjoni madwarna, kemm billejl u kemm binhar.
17 Issa ddeċiedi x’se tagħmel, għax ġej diżastru fuq sidna u fuqna kollha, u hu tant ma jiswa għal xejn* li ħadd ma jistaʼ jkellmu.”
18 Allura, Abigajl qabdet malajr 200 ħobża, żewġ ġarar kbar inbid, ħames nagħġiet lesti biex jiġu msajrin, ħames seat* ċereali inkaljati, 100 ċappa żbib, u 200 ċappa tin ippressat u għabbiethom fuq il-ħmir.
19 Imbagħad qalet lill-qaddejja tagħha: “Għaddu qabli, u jien niġi warajkom.” Imma lil żewġha Nabal ma qaltlu xejn.
20 Waqt li kienet għaddejja riekba fuq il-ħmar, David u l-irġiel tiegħu kienu neżlin fid-direzzjoni tagħha. Għall-ewwel ma setgħux jarawha minħabba l-muntanja, imma mbagħad iltaqgħu.
21 Issa David kien qed jgħid: “Kien kollu għalxejn li pproteġejt kulma għandu dan ir-raġel fid-deżert. Lanqas ħaġa minn dak li għandu ma naqset, u madankollu hu qed ipattili t-tajjeb bil-ħażin.
22 Jalla Alla jikkastiga bl-aħrax lill-għedewwa tiegħi* jekk inħalli xi raġel* minn tiegħu ħaj sa filgħodu.”
23 Meta Abigajl rat lil David, hi niżlet malajr minn fuq il-ħmar, inxteħtet wiċċha ’l isfel u mielet sal-art quddiemu.
24 Imbagħad mielet fejn saqajh u qalet: “Sidi, ħa nkun jien responsabbli għal dak li ġara. Nitolbok biex tħallini nkellmek u tagħti kas il-kliem tiegħi, il-qaddejja tiegħek.
25 Jekk jogħġbok sidi, tagħtix kasu lil Nabal, raġel li ma jiswa għal xejn, għax hu bħat-tifsira t’ismu Nabal,* jaġixxi bla sens. U jien ma rajthomx liż-żgħażagħ li bgħatt int, sidi.
26 Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj u bik, li hu Ġeħova li żammek lura milli tkun ħati taʼ qtil* u milli tivvendika ruħek b’idek stess. Sidi, jalla l-għedewwa tiegħek u dawk li qed jipprovaw jagħmlulek il-ħsara jsiru bħal Nabal.
27 Sidi, ħallini nagħti dan ir-rigal* li ġibtlek liż-żgħażagħ li qed jimxu warajk.
28 Jekk jogħġbok, aħfer in-nuqqas tiegħi, il-qaddejja tiegħek. Għax Ġeħova żgur li se jagħmel lil dawk li se jiġu minnek rejiet u jmexxu għal żmien twil, għax int qed tiġġieled il-gwerer taʼ Ġeħova, u ma nstab ebda ħażen fik tul ħajtek kollha.
29 Meta xi ħadd jiġri warajk u jipprova joqtlok, Ġeħova l-Alla tiegħek jipproteġilek ħajtek,* imma l-ħajja tal-għedewwa tiegħek se jwaddabha bħal ġebla bl-iżbandola.*
30 U meta Ġeħova jagħmillek il-ġid kollu li wiegħed u jinkarigak bħala mexxej fuq Iżrael,
31 ma tħossx ħtija jew dispjaċir* f’qalbek talli tkun xerridt demm għalxejn u talli tkun ivvendikajt ruħek* b’idek stess. Sidi, meta Ġeħova jagħmillek il-ġid, ftakar fija.”
32 Għal dan David qal lil Abigajl: “Ħa jkun imfaħħar Ġeħova l-Alla t’Iżrael, li llum bagħtek tiltaqaʼ miegħi!
33 U ħa jkun imbierek l-għaqal tiegħek! Jalla tkun imbierka talli llum żammejtni milli nkun ħati taʼ qtil* u milli nivvendika ruħi* b’idi stess.
34 Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj t’Iżrael, il-wieħed li żammni lura milli nagħmillek il-ħsara, illi kieku ma ġejtx malajr tiltaqaʼ miegħi, sa filgħodu Nabal ma kien jibqagħlu ebda raġel* ħaj.”
35 B’hekk, David aċċetta mingħandha dak li kienet ġabitlu u qalilha: “Itlaʼ fil-paċi lejn darek. Ara, jien smajt minnek u se nagħmel li għedtli.”
36 Iktar tard Abigajl marret lura għand Nabal. Hu kellu festa kbira f’daru, u hu* kien f’burdata tajba u fis-sakra. Hi ma qaltlu assolutament xejn sa filgħodu.
37 Filgħodu, meta Nabal ġie f’sensih, martu qaltlu kollox. U qalbu kważi waqfet, u baqaʼ pparalizzat bħal ġebla.
38 Madwar għaxart ijiem wara, Ġeħova temm il-ħajja taʼ Nabal.
39 Meta David semaʼ li Nabal kien miet, hu qal: “Ikun imbierek Ġeħova, li ddefendieni wara li ġejt mgħajjar minn Nabal u li żamm lili, il-qaddej tiegħu, milli nagħmel xi ħaġa ħażina! Ġeħova ħallas lil Nabal għall-ħażen li għamel.” Imbagħad, David bagħat jistaqsi lil Abigajl biex tiżżewġu.
40 Għalhekk, il-qaddejja taʼ David marru għand Abigajl fil-Karmel u qalulha: “David bagħatna għandek biex jiżżewġek.”
41 Minnufih mielet wiċċha sal-art u qalet: “Jien lesta nkun qaddejja li taħsel saqajn il-qaddejja taʼ sidi.”
42 Imbagħad Abigajl qamet malajr u rikbet fuq il-ħmar b’ħames qaddejja nisa tagħha mexjin warajha. Hi marret mal-messaġġiera taʼ David u saret martu.
43 David kien iżżewweġ ukoll lil Aħinogħam minn Ġeżragħel, u t-tnejn li huma saru n-nisa tiegħu.
44 Imma Sawl kien żewweġ lil bintu Mikal, mart David, lil Palti bin Lajs, li kien minn Gallim.
Noti taʼ taħt
^ Belt f’Ġuda; mhux il-Muntanja Karmel.
^ Jew “ikollkom il-paċi.”
^ Letteralment “f’ġurnata tajba.”
^ Letteralment “ibnek.”
^ Jew “mhu tajjeb għal xejn.”
^ Jew forsi “lil David.”
^ Letteralment “xi ħadd li jagħmel pipì mal-ħajt.” Espressjoni Ebrajka taʼ tmaqdir li tirreferi għall-irġiel.
^ Ifisser “Bla Sens; Stupidu.”
^ Jew “ħati tad-demm.”
^ Letteralment “barka.”
^ Jew “jipproteġilek ħajtek fil-basket tal-ħajja.”
^ Letteralment “bħallikieku mill-keffa tal-iżbandola.”
^ Letteralment “tfixkil.”
^ Jew “ġibt is-salvazzjoni.”
^ Jew “ħati tad-demm.”
^ Jew “inġib is-salvazzjoni.”
^ Letteralment “ħadd li jagħmel pipì mal-ħajt.” Espressjoni Ebrajka taʼ tmaqdir li tirreferi għall-irġiel.
^ Letteralment “qalb Nabal.”