It-Tieni Ittra taʼ Pietru 2:1-22

  • Se jkun hemm għalliema foloz (1-3)

  • L-għalliema foloz żgur se jiġu ġġudikati (4-10a)

    • L-anġli li dinbu jiġu mitfugħin f’Tartaru (4)

    • Id-Dulluvju; Sodoma u Gomorra (5-7)

  • Kif iġibu ruħhom l-għalliema foloz (10b-22)

2  Minkejja dan, kien hemm profeti foloz fost il-poplu t’Alla, kif se jkun hemm ukoll għalliema foloz fostkom. Dawn bil-moħbi se jġibu firdiet li jeqirdu l-fidi tagħkom u huma saħansitra se jgħidu li ma jafux lill-wieħed* li xtrahom. B’hekk se jiġu meqrudin mill-ewwel. 2  Iktar minn hekk, ħafna qed jimitaw il-kondotta ħażina bla mistħija* tagħhom, u minħabba fihom, oħrajn qed imaqdru t-tagħlim veru. 3  Ukoll, peress li huma rgħiba jieħdu vantaġġ minnkom bi kliem qarrieq. Imma l-ġudizzju tagħhom, li kien deċiż żmien twil ilu, mhux se jdum. Huma żgur se jinqerdu. 4  Alla żgur li ma żammx lura milli jikkastiga lill-anġli li dinbu. Hu tefagħhom f’Tartaru* u rabathom bi ktajjen* fi dlam ċappa sakemm jiġu ġġudikati. 5  Hu ma żammx lura milli jikkastiga d-dinja taʼ żmien Noè. Imma lil Noè, li kien jipprietka s-sewwa, żammu ħaj flimkien maʼ sebgħa oħra meta ġab dulluvju fuq dinja taʼ nies ħżiena. 6  Hu kkastiga l-bliet taʼ Sodoma u Gomorra billi ġabhom irmied. B’hekk ta eżempju lin-nies ħżiena taʼ x’se jiġri. 7  Imma hu salva lir-raġel ġust Lot, li kien imdejjaq ħafna minħabba l-kondotta ħażina bla mistħija* taʼ nies li jagħmlu l-ħażen. 8  Iva, dan ir-raġel ġust kuljum kien iħossu mdejjaq ħafna* minħabba l-affarijiet ħżiena li ra u semaʼ min-nies li kien joqgħod fosthom. 9  Għalhekk, Ġeħova* jaf kif isalva mill-provi lil dawk li huma leali lejh, u jaf ukoll kif iżomm il-ħżiena biex jinqerdu f’jum il-ġudizzju, 10  speċjalment lil dawk li jagħmlu s-sess m’oħrajn biex jiddiżonorawhom u li jmaqdru lill-awtorità. Dawn l-uħud iħobbu jisfidaw u rashom iebsa. Huma ma jibżgħux imaqdru lill-uħud glorjużi,* 11  filwaqt li l-anġli, għalkemm għandhom iktar saħħa u qawwa, ma jakkużawx lil dawn l-għalliema foloz u lanqas jgħajruhom, minħabba li jirrispettaw lil Ġeħova.* 12  Imma dawn in-nies, li huma bħal annimali bla raġuni, li jaġixxu bl-istint, u twieldu biex jinqabdu u jinqatlu, imaqdru affarijiet li ma jifhmux fihom. Minħabba l-ħażen li jagħmlu, se jinqerdu, 13  iva, huma se jiġu kkastigati minħabba l-mod ħażin taʼ kif ġabu ruħhom. Huma jieħdu pjaċir jissodisfaw ix-xewqat ħżiena tagħhom, anki fid-dawl tal-ġurnata. Dawn itebbgħu u jħammġu l-kongregazzjoni. Waqt l-ikliet kbar magħkom, jieħdu pjaċir* iqarrqu b’oħrajn b’tagħlim falz. 14  Huma jixtiequ ħafna jagħmlu adulterju* u ma jistgħux jieqfu jagħmlu d-dnub. Dawn iħajru lil dawk li huma dgħajfin fil-fidi.* Qalbhom mimlija regħba. Huma se jiġu kkastigati minn Alla. 15  Peress li telqu t-triq it-tajba, huma ġew imqarrqin. Huma għamlu bħal Balgħam bin Begħor, li għamel dak li hu ħażin u xtaq ħafna li jirċievi l-ħlas li kienu se jagħtuh. 16  Imma ġie kkoreġut talli kien qed jagħmel dak li hu ħażin. Għalkemm l-annimali ma jitkellmux, il-ħmara tal-profeta kellmitu b’leħen taʼ bniedem u pprovat twaqqfu milli jagħmel din il-ġennata. 17  Huma bħal għajn tal-ilma niexfa u bħal sħab immexxi minn maltempata qawwija, u hemm lest għalihom id-dlam ċappa. 18  Huma jgħidu affarijiet li jinstemgħu impressjonanti imma ma jiswew għal xejn. Huma jagħmlu dak li hu ħażin bla mistħija* u jġiegħlu n-nies jerġaʼ jkollhom xewqat ħżiena, billi jħajruhom jagħmlu l-affarijiet ħżiena li għadhom kif waqfu jagħmlu. 19  Dawn l-għalliema foloz iwegħduhom il-libertà, imma huma stess ilsiera tad-dnub. Għax jekk persuna tkun iddominata minn xi ħadd, hi tkun ilsira tiegħu.* 20  Jekk wara li jkunu ġew megħjunin biex jaħarbu l-prattiki ħżiena tad-dinja permezz tal-għarfien eżatt dwar il-Mulej u Dak li Jsalvana, Ġesù Kristu, imma mbagħad jerġgħu jagħmluhom, u dawn l-affarijiet jegħlbuhom, is-sitwazzjoni tagħhom tkun agħar minn kif kienet qabel ma saru jafu bit-tagħlim veru. 21  Kien ikun aħjar għalihom li kieku ma sarux jafu sew it-triq it-tajba milli wara li jsiru jafu biha telqu l-kmandament qaddis li kienu rċivew. 22  Dak li ġralhom juri li dan il-proverbju hu veru: “Il-kelb mar lura u kiel dak li qalaʼ, u l-ħanżira maħsula reġgħet marret titmiegħek fit-tajn.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “is-sid,” jiġifieri Ġesù.
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew forsi “f’ħofor.”
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “jitturmenta ruħu.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Ruħ.”
Jiġifieri lil dawk li għandhom responsabbiltà kbira fil-kongregazzjoni.
Jew “jitgħaxxqu bla rażan f’li.”
Jew “Għajnejhom mimlijin adulterju.”
Jew “b’erwieħ li mhumiex sodi.”
Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Kondotta ħażina bla mistħija.”
Jew “minn xi ħaġa, hi tkun ilsira tagħha.”