Lill-Galatin 5:1-26
5 Kristu ħelisna biex ikollna din il-libertà.* Għalhekk, żommu sod u terġgħux issiru bħal ilsiera marbutin maʼ madmad.
2 Jien, Pawlu, qed ngħidilkom li jekk issiru ċirkonċiżi, dak li għamel Kristu mhux se jkun taʼ benefiċċju għalikom.
3 Nerġaʼ nfakkar lil kull raġel li jiġi ċirkonċiż li hu obbligat li jagħmel dak kollu li tgħid il-Liġi.
4 Intom li qed tipprovaw tiġu kkunsidrati ġusti permezz tal-Liġi, infridtu minn Kristu; intom tbegħedtu mill-qalb tajba kbira tiegħu.
5 Imma aħna qed nistennew li nkunu ġusti f’għajnejn Alla b’mod li hu possibbli biss permezz tal-ispirtu qaddis u l-fidi tagħna.
6 Li jgħodd għad-dixxipli taʼ Kristu Ġesù hu l-fidi li tintwera bl-imħabba, u mhux li wieħed ikun ċirkonċiż jew le.
7 Intom sewwa kontu qed tiġru. Min fixkilkom milli tkomplu tobdu l-verità?
8 It-tagħlim taʼ dawk li fixklukom ma jiġix mingħand Alla li għażilkom.
9 Ftit ħmira tinxtered mal-għaġina kollha.
10 Jien fiduċjuż li intom id-dixxipli tal-Mulej se taqblu miegħi, imma hu min hu li qed jaqlgħalkom il-problemi se jieħu l-ġudizzju li ħaqqu.
11 Ħuti, li kieku għadni qed nipprietka biex issir iċ-ċirkonċiżjoni, kieku m’għadhomx jippersegwitawni, u t-tagħlim tiegħi dwar il-mewt ta’ Ġesù fuq iz-zokk tat-tortura* ma jibqax ifixkel lin-nies.
12 Jalla dawk li qed jipprovaw ifixklukom jikkastraw lilhom infushom.*
13 Ħuti, intom ġejtu magħżulin biex tkunu liberi, imma tużawx din il-libertà bħala opportunità biex tagħmlu x-xewqat ħżiena tagħkom. Minflok, aqdu lil xulxin bl-imħabba.
14 Għax il-Liġi kollha twettqet* fi kmandament wieħed, jiġifieri: “Ħobb lil ħaddieħor bħalek innifsek.”
15 Imma jekk tibqgħu tiġġieldu u tweġġgħu lil xulxin, qegħdin fil-periklu li teqirdu għalkollox lil xulxin.
16 Imma jien ngħidilkom, Ibqgħu imxu skont il-gwida tal-ispirtu qaddis u ma tagħmlu l-ebda xewqa ħażina.
17 Għax ix-xewqat ħżiena jmorru kontra l-ispirtu qaddis, u l-ispirtu qaddis imur kontra x-xewqat ħżiena; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex b’hekk ma tagħmlux l-affarijiet li tridu tagħmlu.
18 Iktar minn hekk, jekk qed tiġu ggwidati mill-ispirtu qaddis, m’intomx taħt il-Liġi.
19 Ix-xewqat ħżiena jidhru b’mod ċar, u huma l-immoralità sesswali,* in-nuqqas taʼ ndafa, il-kondotta ħażina bla mistħija,*
20 l-idolatrija, l-ispiritiżmu,* il-mibegħda, il-ġlied, li wieħed iżomm f’qalbu, ir-rabja, l-argumenti, il-firdiet, is-setet,
21 l-għira, li wieħed jisker, ix-xalar,* u affarijiet bħal dawn. Qed inwissikom minn qabel dwar dawn l-affarijiet, bħalma diġà wissejtkom, li kull min jagħmel affarijiet bħal dawn mhux se jiret is-Saltna t’Alla.
22 Mill-banda l-oħra, il-kwalitajiet li jipproduċi l-ispirtu qaddis huma* l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, il-paċenzja,* il-qalb tajba, it-tjieba,* il-fidi,
23 il-ħlewwa, u r-rażan.* M’hemmx liġi li tikkundanna affarijiet bħal dawn.
24 Iktar minn hekk, id-dixxipli taʼ Kristu Ġesù sammru maʼ zokk il-ġisem midneb tagħhom flimkien mal-ġibdiet u x-xewqat tiegħu.
25 Jekk qed ngħixu skont il-gwida tal-ispirtu qaddis, ejja nkomplu naġixxu fi qbil mal-gwida tiegħu.
26 Ħa ma nitkabbrux, ħa ma nħeġġux kompetizzjoni bejnietna, u ħa ma ngħirux għal xulxin.
Noti taʼ taħt
^ Jiġifieri biex inkunu meħlusin milli nobdu l-Liġi.
^ Jew “isiru ewnuki.” B’hekk ma jibqgħux ikkwalifikati biex jagħmlu dak li tgħid il-Liġi li tant kienu jappoġġaw.
^ Jew forsi “nġabret.”
^ Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Bil-Grieg aselgeja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “parties bla kontroll.”
^ Letteralment “il-frott tal-ispirtu hu.”
^ Jew “is-sabar fit-tul.”
^ It-terminu Grieg ġej minn għerq tal-kelma li jfisser “tajjeb.” Din hi kwalità pożittiva li tintwera f’dak li nagħmlu u hi taʼ benefiċċju għal oħrajn.
^ Jew “li wieħed jikkontrolla lilu nnifsu.”