Lill-Galatin 2:1-21

  • Pawlu jiltaqaʼ mal-appostli f’Ġerusalemm (1-10)

  • Pawlu jikkoreġi lil Pietru (Kefa) (11-14)

  • Niġu ddikjarati ġusti bil-fidi biss (15-21)

2  Imbagħad wara 14-il sena, erġajt tlajt Ġerusalemm maʼ Barnaba. Miegħi ħadt ukoll lil Titu. 2  Tlajt minħabba li l-Mulej urieni li għandi mmur, u jien kellimt lill-aħwa importanti dwar l-aħbar tajba li ppritkajt lin-nies taʼ popli oħra. Imma dan għamiltu magħhom biss, biex inkun ċert li dak li kont qed nagħmel jew li għamilt ma kienx għalxejn. 3  Minkejja dan, lanqas Titu, li kien miegħi, ma kien imġiegħel jagħmel iċ-ċirkonċiżjoni, għalkemm kien Grieg. 4  Din il-problema nqalgħet minħabba l-aħwa foloz li ddaħħlu fil-kongregazzjoni biex jitkixxfu fuqi. Huma riedu jiħdulna l-libertà li għandna bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù biex jipprovaw jerġgħu jagħmluna lsiera tal-liġi. 5  Aħna ma ċedejnilhomx, lanqas għal ftit,* ħalli intom tibqgħu sodi fil-verità li hi l-aħbar tajba. 6  Imma dwar dawk l-aħwa li kienu rrispettati ħafna, għalija dawn in-nies importanti ma qaluli xejn ġdid. Kienu x’kienu qabel ma jagħmillix differenza, għax Alla ma tagħmillux differenza kif nidhru minn barra. 7  Għall-kuntrarju, huma raw li ġejt fdat bl-aħbar tajba għal dawk mhux ċirkonċiżi, bħalma Pietru kien fdat għal dawk ċirkonċiżi 8  (għax dak li ta l-qawwa lil Pietru biex ikun appostlu tan-nies ċirkonċiżi ta l-qawwa lili wkoll għan-nies taʼ popli oħra) 9  u ndunaw bil-qalb tajba kbira li ntweriet miegħi. Għalhekk Ġakbu, Kefa,* u Ġwanni, li kienu meqjusin bħala kolonni fil-kongregazzjoni, ħadu b’idi u b’id Barnaba bħala sinjal li se naħdmu flimkien.* Allura qbilna li aħna se mmorru għand il-popli, imma huma jmorru għand dawk ċirkonċiżi. 10  Kulma talbuna hu li ma ninsewx il-foqra, u b’qalbi kollha għamilt sforz biex nagħmel dan. 11  Madankollu, meta Kefa* ġie Antjokja, iffaċċjajtu u għedtlu li ma naqbilx miegħu, għax kien ovvju li kien qed jagħmel xi ħaġa ħażina.* 12  Għax qabel ma waslu xi rġiel li bagħathom Ġakbu, hu kien jiekol man-nies taʼ popli oħra. Imma meta dawn waslu, hu waqaf jagħmel dan u nfired minn magħhom, għax beżaʼ miċ-ċirkonċiżi. 13  Il-kumplament tal-Lhud bdew juru wiċċ b’ieħor u għamlu bħalu, tant li anki Barnaba ġie influwenzat minnhom u għamel bħalhom. 14  Imma meta rajthom li mhux jimxu skont il-verità tal-aħbar tajba, għedt lil Kefa* quddiem kulħadd: “Jekk int għalkemm Lhudi tgħix bħal popli oħra u mhux bħal-Lhud, kif tistaʼ ġġiegħel lin-nies taʼ popli oħra jgħixu skont id-drawwiet tal-Lhud?” 15  Aħna li twilidna Lhud u ma nidinbux bħall-popli 16  nafu li xi ħadd ma jiġix iddikjarat ġust għax jobdi l-liġi, imma għax ikollu fidi f’Ġesù Kristu. Allura aħna nuru li għandna l-fidi fi Kristu Ġesù biex niġu ddikjarati ġusti bil-fidi fi Kristu, u mhux għax nobdu l-liġi, għax ħadd ma jiġi ddikjarat ġust għax jobdi l-liġi. 17  Jekk aħna wkoll ninsabu midinbin* waqt li qed infittxu li niġu ddikjarati ġusti permezz taʼ Kristu, ifisser li Kristu qed jinkuraġġina biex nidinbu? Żgur li le! 18  Jekk nerġaʼ nibni dak li nkun waqqajt, inkun qed nuri li ma nkunx qed nobdi l-liġi. 19  Minħabba li obdejt il-liġi, jien mitt għal-liġi* ħalli nkun nistaʼ ngħix għal Alla. 20  Jien imsammar maʼ zokk flimkien maʼ Kristu. M’għadnix ngħix għalija nnifsi, imma ngħix skont kif irid Kristu.* Allura issa qed ngħix skont il-fidi tiegħi fl-Iben t’Alla, li ħabbni u ta ħajtu għalija. 21  Jien ma nirrifjutax il-qalb tajba kbira t’Alla, għax jekk jien niġi kkunsidrat ġust għax nobdi l-Liġi, Kristu jkun miet għalxejn.

Noti taʼ taħt

Letteralment “siegħa.”
Jgħidulu wkoll Pietru.
Jew “taʼ sħubija bejnietna.”
Jgħidulu wkoll Pietru.
Jew “li kellu tort.”
Jgħidulu wkoll Pietru.
Jew “li nagħmlu d-dnub.”
Jew “jien meħlus mil-liġi.”
Letteralment “Kristu qed jgħix fija.”