Lill-Galatin 6:1-18

  • Komplu għinu lil xulxin fid-diffikultajiet (1-10)

    • Dak li wieħed jiżraʼ, jaħsad (7, 8)

  • Iċ-ċirkonċiżjoni mhix importanti (11-16)

    • Ħolqien ġdid (15)

  • Il-konklużjoni (17, 18)

6  Ħuti, anki jekk xi ħadd jagħmel pass falz mingħajr ma jinduna, minħabba li intom maturi spiritwalment* ipprovaw ikkoreġuh bil-ħlewwa. Imma oqogħdu attenti li ma tiġux ittantati intom ukoll. 2  Komplu għinu lil xulxin fid-diffikultajiet tagħkom, b’hekk tkunu qed tobdu l-liġi tal-Kristu. 3  Għax jekk xi ħadd jaħseb li hu xi ħaġa meta m’huwiex, ikun qed iqarraq bih innifsu. 4  Imma kull wieħed ħa jeżamina dak li jagħmel hu stess, ħalli b’hekk jifraħ b’dak li għamel hu u mhux għax iqabbel lilu nnifsu m’oħrajn. 5  Għax kull wieħed hu responsabbli li jagħmel dak li jitlob minnu Alla.* 6  Iktar minn hekk, kull min qed jiġi mgħallem il-kelma t’Alla għandu jaqsam l-affarijiet tajbin kollha maʼ dak li qed jgħallmu dawn l-affarijiet. 7  Titqarrqux: Alla ma jidħaq bih ħadd. Għax dak li wieħed jiżraʼ, jaħsad. 8  Min jimxi skont ix-xewqat tal-ġisem tiegħu se jaħsad il-qerda minħabba dawn ix-xewqat, imma min jimxi skont l-ispirtu qaddis t’Alla se jaħsad il-ħajja taʼ dejjem minħabba dan l-ispirtu. 9  Għalhekk, ejja ma niqfux nagħmlu dak li hu tajjeb, għax meta jasal iż-żmien inkunu nistgħu naħsdu jekk ma negħjewx.* 10  Mela la għad għandna l-opportunità,* ejja nagħmlu t-tajjeb maʼ kulħadd, imma speċjalment maʼ ħutna fil-fidi. 11  Jien stess ktibtha din l-ittra. Qed taraw kemm ktibt kbir? 12  Dawk kollha li jridu jidhru sbieħ minn barra jipprovaw iġegħlukom tagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni. Huma jagħmlu hekk għax ma jridux li jiġu ppersegwitati minħabba li huma dixxipli tal-Kristu li miet fuq zokk tat-tortura.* 13  Għax anki dawk li qed jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni ma jobdux il-Liġi, imma huma jridu lilkom tagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni ħalli jkunu jistgħu jiftaħru b’dak li għamlu lil ġisimkom. 14  Imma jien se niftaħar biss bil-Mulej tagħna Ġesù Kristu li miet fuq iz-zokk tat-tortura.* Għalija, id-dinja ġiet ikkundannata għall-mewt* permezz tiegħu, imma għad-dinja jien ġejt ikkundannat għall-mewt permezz tiegħu. 15  L-iktar importanti hu li tkun ħolqien ġdid, u mhux li tkun ċirkonċiż jew le. 16  Jalla dawk kollha li jimxu ma’ dan il-prinċipju, jiġifieri l-Iżrael t’Alla, ikollhom il-paċi u jintwerew ħniena. 17  Fuq ġismi għandi marki li juru li jien ilsir taʼ Ġesù, għalhekk minn issa ’l quddiem taqilgħulix problemi. 18  Ħuti, jalla l-Mulej tagħna Ġesù Kristu jurikom qalb tajba kbira hekk kif turu kwalitajiet tajbin. Ammen.

Noti taʼ taħt

Jew “li għandkom kwalifiki spiritwali.”
Letteralment “iġorr it-tagħbija tiegħu.”
Jew “ma naqtgħux qalbna.”
Letteralment “iż-żmien magħżul.”
Jew “imsammra maʼ zokk.”