Lill-Galatin 3:1-29
-
Kuntrast bejn li jobdu l-Liġi u jkollhom il-fidi (1-14)
-
Il-ġusti se jgħixu permezz tal-fidi (11)
-
-
Il-wegħda m’Abraham ma saritx permezz tal-Liġi (15-18)
-
Id-dixxendent t’Abraham hu Kristu (16)
-
-
Minn fejn ġiet il-Liġi u l-iskop tagħha (19-25)
-
Tfal t’Alla permezz tal-fidi (26-29)
-
Id-dixxendenti t’Abraham huma dixxipli taʼ Kristu (29)
-
3 Ja Galatin bla sens! Min qarraq bikom, minkejja li ġejtu megħjunin tifhmu b’mod ċar għala Ġesù Kristu ġie msammar maʼ zokk?
2 Dan nixtieq nistaqsikom: L-ispirtu rċivejtuh minħabba li għamiltu dak li tgħid il-Liġi jew minħabba l-fidi f’dak li smajtu?
3 Vera mhux tifhmu? Fil-bidu, intom kontu qed tistrieħu fuq l-ispirtu qaddis,* u issa se tistrieħu fuq ir-raġunar tal-bnedmin?*
4 Kien għalxejn li għaddejtu minn tant tbatija? Jien ċert li ma kienx għalxejn.
5 Allura, dak li jagħtikom l-ispirtu u jagħmel il-mirakli fostkom, jagħmel dan minħabba li tobdu l-Liġi jew minħabba l-fidi li għandkom f’dak li smajtu?
6 Aħsbu dwar Abraham, hu “fada f’Ġeħova,* u ġie kkunsidrat ġust.”*
7 Intom żgur tafu li dawk li għandhom il-fidi huma t-tfal t’Abraham.
8 Fl-Iskrittura, Alla qal minn qabel li kien se jiddikjara ġusti lil nies mill-popli minħabba l-fidi tagħhom. Hu qal din l-aħbar tajba lil Abraham minn qabel, billi qallu: “Il-popli kollha tal-art se jitbierku permezz tiegħek.”
9 Għalhekk, dawk li juru li għandhom il-fidi qed jiġu mberkin flimkien m’Abraham, li kellu l-fidi.
10 Dawk kollha li jistrieħu biss fuq il-Liġi huma misħutin, għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Misħut min ma jobdix dak li hemm miktub fl-iskroll tal-Liġi.”
11 Iktar minn hekk, aħna nistgħu naraw b’mod ċar li Alla ma jiddikjara lil ħadd ġust minħabba li jobdi l-Liġi, għax “il-ġust se jgħix minħabba l-fidi tiegħu.”
12 Il-Liġi mhix ibbażata fuq il-fidi, anzi “kull min jagħmel dawn l-affarijiet se jgħix permezz tagħhom.”
13 Kristu xtrana u ħelisna mis-saħta tal-Liġi billi sar saħta minflokna, għax fl-Iskrittura hemm miktub: “Kull min jiġi mdendel maʼ zokk hu misħut.”
14 Dan ġara biex il-barka li ġiet imwiegħda lil Abraham igawdu minnha popli oħra permezz taʼ Kristu Ġesù, ħalli b’hekk aħna nkunu nistgħu nirċievu l-ispirtu mwiegħed permezz tal-fidi tagħna.
15 Ħuti, ħa nagħtikom eżempju mill-ħajja taʼ kuljum: Meta patt jiġi aċċettat, ħadd ma jistaʼ jħassru jew iżid xi affarijiet miegħu, anki jekk ikun sar minn bniedem.
16 Issa l-wegħdi saru m’Abraham u mad-dixxendent tiegħu.* L-Iskrittura ma tgħidx “id-dixxendenti tiegħek,” bħallikieku qed tirreferi għal ħafna nies, imma tgħid “id-dixxendent tiegħek,” jiġifieri għal persuna waħda, li hu Kristu.
17 Iktar minn hekk, ngħidilkom: Alla l-ewwel għamel il-patt m’Abraham, u wara 430 sena hu ta l-Liġi lill-poplu tiegħu, imma l-Liġi ma ħassritx il-patt u ma ġabitx fix-xejn il-wegħda t’Alla.
18 Jekk il-wirt hu bbażat fuq li wieħed jobdi l-Liġi, mela m’għadux ibbażat fuq wegħda. Imma b’qalb tajba, Alla ta dan il-wirt lil Abraham permezz taʼ wegħda.
19 Allura l-Liġi għala ngħatat? Din ngħatat biex tikxef in-nuqqasijiet, sakemm jasal id-dixxendent t’Abraham* li ngħata l-wegħda. Alla uża l-anġli biex jagħti din il-Liġi lil Mosè, imbagħad Mosè ta l-Liġi lin-nies.
20 Però, meta jkun hemm persuna waħda biss involuta, m’hemmx għalfejn li xi ħadd jgħin biex ikun hemm qbil. L-istess Alla, hu kien waħdu meta għamel din il-wegħda.
21 Allura l-Liġi hi kontra l-wegħdi t’Alla? Żgur li le! Għax jekk in-nies ngħataw liġi li setgħet tagħtihom il-ħajja, allura kienu se jiġu kkunsidrati ġusti permezz tagħha.
22 Imma l-Iskrittura wriet li n-nies tqiegħdu taħt il-kontroll tad-dnub, ħalli dawk li juru fidi f’Ġesù Kristu jkunu jistgħu jirċievu l-wegħda t’Alla.
23 Madankollu, qabel ma emminna fi Kristu,* il-Liġi kienet għassa tagħna, u konna taħt il-kontroll tagħha, waqt li stennejna x’se juri Alla.
24 Għalhekk, il-Liġi saret bħala gwida* li twassalna lejn Kristu, ħalli b’hekk niġu ddikjarati ġusti permezz tal-fidi.
25 Imma issa li qed nemmnu fi Kristu,* m’għandniex bżonn il-Liġi biex tiggwidana.
26 Fil-fatt, intom kollha tfal t’Alla permezz tal-fidi tagħkom fi Kristu Ġesù.
27 Għax intom ilkoll li tgħammidtu u ngħaqadtu maʼ Kristu, sirtu bħal Kristu.
28 La hemm Lhudi u lanqas Grieg,* la hemm ilsir u lanqas ħieles, la hemm raġel u lanqas mara, għax intom ilkoll magħqudin bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù.
29 Iktar minn hekk, jekk intom dixxipli taʼ Kristu, intom vera dixxendenti t’Abraham,* u se tirċievu l-wirt li Alla wiegħed.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “bdejtu fl-ispirtu.”
^ Letteralment “se tispiċċaw fil-laħam?”
^ Jew “għaddlu dan bħala ġustizzja.”
^ Jew “nislu; dak li jiġi minnu.”
^ Jew “in-nisel t’Abraham; id-dixxendenti t’Abraham.”
^ Letteralment “qabel ma waslet il-fidi.”
^ Il-kelma oriġinali bil-Grieg tirreferi għal tutur jew wieħed li jipproteġi t-tfal.
^ Letteralment “li waslet il-fidi.”
^ Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
^ Jew “in-nisel t’Abraham; tiġu minn Abraham.”

