Ester 2:1-23

  • Ifittxu reġina ġdida (1-14)

  • Ester issir reġina (15-20)

  • Mordekaj jikxef pjan taʼ qtil (21-23)

2  Wara dan, meta r-Re Aħasweru ma baqax daqshekk irrabjat, hu ħaseb dwar x’għamlet Vasti u x’kien iddeċieda li jagħmel biex jikkastigaha. 2  Imbagħad il-qaddejja personali tar-re qalulu: “Ibgħat xi rġiel biex ifittxu tfajliet verġni sbieħ għalik. 3  Inkariga uffiċjali fil-provinċji* tas-saltna tiegħek biex jiġbru t-tfajliet verġni sbieħ fil-palazz* taʼ Susan,* fid-dar tan-nisa.* Jistaʼ jieħu ħsiebhom Ħegaj, l-ewnuku* tiegħek li hu responsabbli tan-nisa, u dawn jingħatawlhom trattamenti taʼ sbuħija.* 4  U t-tfajla li togħġbok l-iktar issir reġina minflok Vasti.” Ir-re għoġbu s-suġġeriment, u hekk għamel. 5  Fil-palazz* taʼ Susan* kien hemm Lhudi jismu Mordekaj. Dan kien bin Ġajir, bin Simgħi, bin Kis, mit-tribù taʼ Benjamin, 6  li kien* man-nies li ttieħdu minn Ġerusalemm mar-Re Ġekonija* taʼ Ġuda, li r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja ħadu fl-eżilju. 7  Mordekaj kien jieħu ħsieb lil Ħadassa,* jiġifieri Ester, it-tifla taʼ ħu missieru, għax il-ġenituri tagħha kienu mietu. It-tfajla kienet gustuża u kellha figura sabiħa, u meta mietu l-ġenituri tagħha, Mordekaj beda jieħu ħsiebha qisha t-tifla tiegħu. 8  Fi qbil mal-liġi tar-re, ħafna tfajliet ittieħdu fil-palazz* taʼ Susan* u ħa ħsiebhom Ħegaj, li kien responsabbli tan-nisa. Ester kienet waħda minn dawn it-tfajliet li ttieħdu fil-palazz tar-re. 9  It-tfajla għoġbitu lil Ħegaj u rebħet l-approvazzjoni* tiegħu. Għalhekk hu mill-ewwel għamel arranġamenti għat-trattamenti tas-sbuħija* u d-dieta tagħha. Hu għażel sebaʼ tfajliet mill-palazz tar-re biex jaqdu lil Ester. Ukoll, hu ħa lilha u l-qaddejja tfajliet tagħha fl-aħjar post li kien hemm fid-dar tan-nisa.* 10  Ester ma qalet xejn dwar il-poplu jew il-qraba tagħha, għax Mordekaj kien qalilha biex ma tgħid lil ħadd. 11  Ġurnata wara oħra, Mordekaj kien jimxi quddiem il-bitħa tad-dar tan-nisa biex ikun jaf kif inhi Ester u x’kien qed jiġri. 12  Kull tfajla kien imissha tidħol quddiem ir-Re Aħasweru wara 12-il xahar taʼ trattamenti tas-sbuħija.* Għat-trattament tas-sbuħija* huma kellhom jagħmlu sitt xhur biż-żejt tal-mirra u sitt xhur biż-żejt tal-balzmu u dlik ieħor. 13  Imbagħad it-tfajla tkun lesta biex tmur għand ir-re. Dakinhar li tmur mid-dar tan-nisa* għall-palazz tar-re, kien jingħatalha kulma titlob. 14  Kienet tidħol filgħaxija, u filgħodu kienet tmur fit-tieni dar tan-nisa.* Hemmhekk, it-tfajliet kien jieħu ħsiebhom Sagħasgaż, l-ewnuku tar-re li kien responsabbli tal-konkubini. It-tfajla ma kinitx terġaʼ tmur għand ir-re sakemm ma tkunx laqtitu b’mod speċjali u jkun staqsa għaliha b’isimha. 15  Issa kien imiss lil Ester biex tidħol għand ir-re. Din kienet it-tifla taʼ Abiħajl, iz-ziju taʼ Mordekaj li kien qed jieħu ħsiebha. Imma hi ma talbet xejn ħlief dak li ssuġġerielha Ħegaj, l-ewnuku tar-re li kien responsabbli tan-nisa. (Sadanittant Ester kienet qed tirbaħ l-approvazzjoni taʼ kull min jaraha). 16  Ester ittieħdet fil-palazz tar-Re Aħasweru fl-għaxar xahar, jiġifieri fix-xahar taʼ Tebet,* fis-sebaʼ sena tat-tmexxija tiegħu. 17  U r-re sar iħobb lil Ester iżjed min-nisa l-oħrajn kollha, u hi rebħet l-approvazzjoni* tiegħu iktar minn kull tfajla verġni oħra. Għalhekk, hu libbisha t-turban irjali* u għamilha reġina minflok Vasti. 18  Ir-re għamel ikla kbira għal Ester u stieden lill-mexxejja u l-uffiċjali kollha tiegħu. Hu ħabbar ħelsien* għall-provinċji, u kompla jagħti rigali li r-re biss kien jiflaħ jagħti. 19  Issa meta t-tfajliet verġni ġew miġburin flimkien għat-tieni darba, Mordekaj kien bilqiegħda fil-bieb tal-palazz tar-re.* 20  Ester ma qalet xejn dwar il-qraba u l-poplu tagħha, bħalma kien qalilha Mordekaj. Ester baqgħet tagħmel dak li qalilha Mordekaj, l-istess bħal meta kien jieħu ħsiebha. 21  Fiż-żmien li Mordekaj kien joqgħod bilqiegħda fil-bieb tal-palazz tar-re, Bigtan u Teres, żewġ uffiċjali tal-palazz tar-re li kienu għassiesa tal-bibien, kienu rrabjati u bdew jippjanaw biex joqtlu* lir-Re Aħasweru. 22  Imma Mordekaj sar jaf b’dan, u qal lir-Reġina Ester mill-ewwel. Ester imbagħad kellmet lir-re f’isem Mordekaj. 23  Għalhekk, din il-kwistjoni ġiet investigata u kkonfermata, u ż-żewġ irġiel ġew imdendlin maʼ zokk. Dan kollu ġie mniżżel quddiem ir-re fil-ktieb tal-istorja taʼ dawk iż-żminijiet.

Noti taʼ taħt

Jew “fid-distretti.”
Jew “fil-fortizza; fiċ-ċittadella.”
Jew “Susa.”
Jew “fil-ħarem.”
Jew “jagħmlulhom il-messaġġi.”
Jew “Fil-fortizza; Fiċ-ċittadella.”
Jew “Susa.”
Dan jistaʼ jirreferi għal Kis jew għal Mordekaj.
Jissejjaħ Ġeħojakin fit-2Slt 24:8.
Ifisser “Riħan,” tip taʼ pjanta.
Jew “Susa.”
Jew “fil-fortizza; fiċ-ċittadella.”
Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “għall-messaġġi.”
Jew “fil-ħarem.”
Jew “messaġġi.”
Jew “Għall-messaġġi.”
Jew “mill-ħarem.”
Jew “fit-tieni ħarem.”
Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Dan kien tip taʼ tiżjin li reġina kienet tilbes fuq rasha.
Dan jista’ jirreferi għal wieħed jew iktar minn dawn: ħelsien mit-taxxa, ħelsien mis-servizz militari, jew ħelsien mill-ħabs.
Milli jidher bħala uffiċjal tar-re.
Letteralment “imiddu idhom fuq.”