Lir-Rumani 12:1-21
12 Ħuti, peress li Alla ħenn għalikom, jien nitlobkom bil-ħniena biex toffru l-ġisem tagħkom bħala sagrifiċċju ħaj, li għandu jkun qaddis u aċċettabbli għal Alla. U hekk kif taqduh, użaw l-abbiltà li taħsbu.
2 Tibqgħux tiġu influwenzati minn din id-dinja.* Minflok, ħallu lil Alla jbiddel il-mod kif taħsbu biex tkunu konvinti minn dak li jrid minnkom, li hu tajjeb, aċċettabbli, u perfett.
3 Minħabba l-qalb tajba kbira* li Alla wera miegħi, ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jaħsibx li hu importanti ħafna. Imma ħa jkollu ħarsa bbilanċjata tiegħu nnifsu u jiftakar li hu Alla li ta lil kull wieħed minna l-ammont taʼ fidi li għandu.
4 Għax il-ġisem għandu ħafna partijiet, imma mhux kollha jagħmlu l-istess ħaġa.
5 Bl-istess mod, għalkemm qegħdin ħafna, aħna nifformaw ġisem wieħed li qiegħed maʼ Kristu. U għalkemm aħna partijiet differenti tal-ġisem, niddependu minn xulxin.
6 Ilkoll kemm aħna għandna abbiltajiet differenti skont il-qalb tajba kbira li wera magħna Alla. Għalhekk jekk għandna l-abbiltà li nipprofetizzaw, ejja nipprofetizzaw skont il-fidi li għandna;
7 jekk ingħatajna l-abbiltà li naqdu, ejja nagħmlu dan bl-aħjar mod; jekk għandna l-abbiltà li ngħallmu, ejja ngħallmu bl-aħjar mod;
8 jew jekk l-abbiltà tagħna hi li ninkuraġġixxu lill-oħrajn, ejja ħa ninkuraġġuhom; jekk l-abbiltà tagħna hi li naqsmu m’oħrajn, ejja nagħmlu dan b’mod ġeneruż; min imexxi, għandu jagħmel dan bil-ħeġġa;* u min juri ħniena, għandu jagħmel hekk bil-ferħ.
9 L-imħabba tagħkom għal oħrajn għandha tkun sinċiera.* Obogħdu dak li hu ħażin u żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.
10 Uru affezzjoni sinċiera lejn xulxin u ħobbu lil xulxin bħal aħwa. Kunu minn taʼ quddiem* biex tirrispettaw lill-oħrajn.
11 Aħdmu iebes;* tkunux għażżenin.* Ħallu l-ispirtu qaddis iħeġġiġkom. Aqdu lil Ġeħova* b’qalbkom kollha.
12 Ħallu t-tama tagħkom tferraħkom. Meta tiffaċċjaw il-problemi, issaportu. Ibqgħu itolbu.
13 Aqsmu milli għandkom man-nies t’Alla* li huma fil-bżonn. Aħsbu kif tistgħu turu ospitalità.
14 Bierku* lil dawk li jippersegwitawkom; birkuhom u tisħtuhomx.
15 Ifirħu maʼ dawk li huma ferħanin; ibku maʼ dawk li jibku.
16 Aħsbu f’oħrajn bl-istess mod kif taħsbu fikom infuskom. Taħsbux li intom xi ħaġa, imma kunu umli. Taħsbux li intom iktar intelliġenti* minn kulħadd.
17 Meta xi ħadd jagħmlilkom xi ħaġa ħażina, tpattuhilux.* Agħmlu dak li hu tajjeb waqt li żżommu f’moħħkom x’jaħsbu li hu tajjeb in-nies kollha.
18 Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi maʼ kulħadd.
19 Maħbubin, tivvendikawx ruħkom, imma ħallu lil Alla juri r-rabja għall-affarijiet ħżiena li qed isiru. Għax l-Iskrittura tgħid: “Il-vendetta hi tiegħi. Jien se nagħti l-kastig xieraq,” jgħid Ġeħova.”*
20 Imma “jekk l-għadu tiegħek hu bil-ġuħ, agħtih x’jiekol; jekk hu bil-għatx, agħtih x’jixrob. Għax jekk tagħmel hekk tkun qed tiġbor ġamar fuq rasu.”*
21 Tħallix il-ħażen jirbħek, imma dejjem irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.
Noti taʼ taħt
^ Jew “Tibqgħux magħġunin skont din is-sistema tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “il-qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “bir-reqqa.”
^ Letteralment “mingħajr ipokrisija.”
^ Jew “Ħudu l-inizjattiva.”
^ Jew “Kunu żelużi.”
^ Jew “Titnikkrux f’xogħolkom.”
^ Letteralment “mal-qaddisin.”
^ Jew “Ixtiequ l-ġid.”
^ Jew “għorrief.”
^ Jew “Troddu lil ħadd ħsara bi ħsara.”
^ Jiġifieri trattablu qalbu bħalma n-nar idewweb il-metall.