Lir-Rumani 7:1-25

  • Eżempju taʼ kif inħlisna mil-Liġi (1-6)

  • Il-Liġi kixfet x’inhu d-dnub (7-12)

  • Il-ġlieda kontra d-dnub (13-25)

7  Ħuti, ma tafux li l-Liġi tikkontrolla lil xi ħadd sakemm idum ħaj? Għax qed nitkellem maʼ dawk li jafu l-Liġi. 2  Pereżempju, mara hi marbuta bil-liġi maʼ żewġha sakemm idum ħaj, imma jekk imut, hi tkun meħlusa.* 3  Jekk hi tiżżewweġ raġel ieħor waqt li żewġha jkun għadu ħaj, hi tkun għamlet adulterju. Imma jekk żewġha jmut, hi tkun meħlusa u ma tkunx għamlet adulterju. 4  Bl-istess mod, ħuti, il-ġisem tal-Kristu ħeliskom mil-Liġi taʼ Mosè. B’hekk tistgħu tkunu taʼ ħaddieħor, jiġifieri taʼ dak li ġie mqajjem mill-mewt. Issa nistgħu nintużaw biex naqdu* lil Alla. 5  Meta konna nagħmlu affarijiet ħżiena, il-Liġi wrietna biċ-ċar li kellna xewqat midinba. Dawn setgħu jwassluna biss għall-mewt. 6  Imma issa nħlisna mil-Liġi, għax m’għadhiex tikkontrollana. Issa naqdu lil* Alla b’mod ġdid, jiġifieri bl-ispirtu, u mhux bil-Liġi kif konna qabel. 7  Allura qed ngħidu li l-Liġi mhix tajba? Żgur li le! Li kieku ma kienx għal-Liġi, ma kontx inkun naf x’inhu dnub. Pereżempju, ma kontx inkun naf li hu ħażin li tkun tixtieq xi ħaġa taʼ ħaddieħor li kieku l-Liġi ma qalitx: “Tixtieqx xi ħaġa li hi taʼ ħaddieħor.”* 8  Imma d-dnub uża dan il-kmandament biex iħajjarni għal kull xewqa egoista. Mingħajr dik il-liġi, id-dnub ma kellux saħħa. 9  Fil-fatt, mingħajr il-Liġi, jien kont ħaj. Imma meta ngħatajna l-Liġi,* jien sirt naf x’inhu d-dnub, u mitt. 10  U l-kmandament li suppost wassalni għall-ħajja, wassalni għall-mewt. 11  Għax id-dnub uża dan il-kmandament biex iqarraq bija u joqtolni. 12  Minkejja dan, il-Liġi hi qaddisa, u l-kmandament hu qaddis, ġust, u tajjeb. 13  Ifisser dan li xi ħaġa tajba spiċċat qatlitni? Żgur li le! Id-dnub kien li qatilni. Il-Liġi hi tajba, imma wriet biċ-ċar li d-dnub kien qed joqtolni. Għalhekk il-kmandament wera kemm id-dnub hu ħażin. 14  Aħna nafu li l-Liġi ġejja mingħand Alla permezz tal-ispirtu tiegħu,* imma l-problema hi li jien imperfett,* ikkontrollat mid-dnub.* 15  Jien ma nafx eżatt għala nagħmel ċerti affarijiet. Għax ma nagħmilx dak li nixtieq, imma dak li nobgħod. 16  Jien naqbel li l-Liġi hi tajba, imma xorta nagħmel dak li ma nixtieqx. 17  Għalhekk mhux jien qed nagħmel dawn l-affarijiet ħżiena, imma d-dnub li għandi fija. 18  Għax naf li m’hemm xejn tajjeb fija, jiġifieri fil-ġisem imperfett tiegħi. Għalkemm nixtieq nagħmel it-tajjeb, ma nistax. 19  Jien ma nagħmilx it-tajjeb li nixtieq, imma l-ħażin li ma nixtieqx. 20  Allura jekk nagħmel dak li ma nixtieqx, mhux jien qed nagħmel dan, imma d-dnub li għandi fija. 21  Fil-każ tiegħi nsib din il-liġi fija: Meta nixtieq nagħmel dak li hu tajjeb, ikolli fija dak li hu ħażin. 22  Jien veru nħobb il-liġi t’Alla, 23  imma fija nara liġi oħra tiġġieled kontra l-liġi t’Alla li qiegħda f’moħħi. Din il-liġi hi d-dnub li għandi fija u li tikkontrollani. 24  Kemm jien miskin! Min se jeħlisni mill-ġisem li qed iwassalni għall-mewt? 25  Nirringrazzja lil Alla għax hu jeħlisni permezz taʼ Ġesù Kristu l-Mulej tagħna! Għalhekk, b’moħħi jien ilsir tal-liġi t’Alla, imma b’laħmi jien ilsir tal-liġi tad-dnub.

Noti taʼ taħt

Letteralment “meħlusa mil-liġi taʼ żewġha.”
Letteralment “nagħtu l-frott.”
Jew “ilsiera taʼ.”
Jew “Tixxennaqx b’għira.”
Jew “il-kmandament.”
Letteralment “hi spiritwali.”
Letteralment “tal-laħam.”
L-espressjoni Griega tirreferi għal xi ħadd li jiġi mibjugħ għad-dnub.