Lir-Rumani 3:1-31
3 X’inhu l-vantaġġ taʼ li tkun Lhudi, jew x’benefiċċju fiha ċ-ċirkonċiżjoni?
2 Hemm ħafna vantaġġi. L-ewwel nett, Alla fada lil-Lhud bil-messaġġ* tiegħu.
3 Imma xi ngħidu jekk xi wħud minnhom ma kinux leali? Il-fatt li m’għandhomx fidi jfisser li n-nies ma jistgħux jafdaw iktar f’Alla?
4 Żgur li le! Anki jekk in-nies kollha jigdbu, Alla dejjem jgħid il-verità, bħalma tgħid l-Iskrittura: “Kliemek se juri li int ġust, u meta jakkużawk b’xi ħaġa int se turi li m’għandhomx raġun.”
5 Meta aħna nagħmlu affarijiet ħżiena, in-nies jaraw b’mod ċar li Alla hu ġust. Allura Alla għandu raġun juri li hu rrabjat. (Qed nitkellem bħalma jaħsbuha ċerti nies.)
6 M’hemmx dubju dwar dan! Inkella kif se jiġġudika d-dinja Alla?
7 Ukoll, jekk il-gidba tiegħi turi iktar biċ-ċar li dak li jgħid Alla hu veru u ġġiegħel lin-nies ifaħħruh, xi wħud forsi jistaqsu, “Għala qed niġi ġġudikat li jien midneb?*
8 U għala ma ngħidux, “Ħa nagħmlu affarijiet ħżiena ħalli jiġru affarijiet tajbin,” bħalma xi wħud jakkużawna b’mod falz li ngħidu? Dawk li jgħidu hekk se jiġu kkastigati kif jixirqilhom.
9 Allura għandna naħsbu li għandna pożizzjoni aħjar minn taʼ oħrajn minħabba li aħna Lhud? Lanqas xejn! Għax aħna diġà spjegajna li l-Lhud u l-Griegi* kollha huma ħatjin tad-dnub.
10 Bħalma tgħid l-Iskrittura: “M’hemmx bniedem li hu ġust, lanqas wieħed.
11 M’hemm ħadd li jifhem x’għandu jsir. M’hemm ħadd li jfittex lil Alla.
12 Kulħadd tbiegħed minnu u kollha saru ma jiswew għal xejn. M’hemm l-ebda bniedem li juri qalb tajba, lanqas wieħed.”
13 “Ħalqhom hu bħal qabar miftuħ. Huma jħobbu jigdbu.” “Dak li jgħidu jagħmel ħsara bħall-velenu tas-sriep.”
14 “Minn ħalqhom joħorġu biss saħtiet u kliem taʼ rabja.”
15 “Huma ħsiebhom biex joqtlu.”
16 “Kulma jagħmlu jġib diżastru u dwejjaq.
17 Huma ma jafux kif iżommu l-paċi m’oħrajn.”
18 “Ma jirrispettawx lil* Alla.”
19 Issa nafu li kulma hemm fil-Liġi japplika għal dawk li huma taħt il-Liġi. L-iskop tagħha hu li ma tħallix lin-nies ikomplu jġibu l-iskużi, u biex turi li d-dinja kollha hi ħatja quddiem Alla u jistħoqqilha li tiġi kkastigata.
20 Għalhekk, ħadd ma jistaʼ jitqies ġust minn Alla talli jagħmel dak li tikkmanda l-Liġi, anzi l-Liġi tgħinna nifhmu aħjar x’inhu d-dnub.
21 Imma issa jidher ċar li Alla jistaʼ jqisna ġusti mingħajr ma nobdu l-Liġi. Dan il-fatt insibuh ukoll fil-Liġi u l-kitbiet tal-profeti.
22 Alla jistaʼ jqisna ġusti billi nuru l-fidi, jiġifieri l-fidi f’Ġesù Kristu, għax l-ebda poplu mhu aħjar minn ieħor.
23 Kollha dinbu u ma jistgħux jimitaw għalkollox il-kwalitajiet tal-għaġeb t’Alla.*
24 Bħala rigal b’xejn, Alla qieshom ġusti permezz tal-fidwa* taʼ Ġesù Kristu li hu pprovda b’qalb tajba kbira.*
25 Alla pprovdielna mod kif jerġaʼ jkollna ħbiberija miegħu billi* nuru fidi f’demm Ġesù. Alla għamel hekk biex juri li hu ġust, għax hu juri paċenzja billi jaħfer id-dnubiet li saru fil-passat.
26 Hu jurina l-ġustizzja tiegħu issa wkoll billi jqis lil dawk li juru fidi f’Ġesù bħala ġusti.
27 Allura għandna għal xiex niftaħru? Lanqas xejn. Għandna niftaħru għax nobdu l-Liġi? Le, għax il-liġi tal-fidi ma tħalliniex nagħmlu dan.
28 Għax aħna nafu li bniedem jitqies ġust billi juri l-fidi u mhux billi jipprova jagħmel dak li tikkmanda l-Liġi.
29 Alla mhuwiex Alla tal-Lhud biss, imma hu Alla tal-popli kollha.
30 La hemm Alla wieħed biss, hu se jqis ġusti lil dawk kollha li għandhom il-fidi, kemm jekk huma ċirkonċiżi u kemm jekk le.
31 Għalhekk, qegħdin aħna nġibu l-Liġi fix-xejn* bil-fidi tagħna? Lanqas xejn, anzi qed nappoġġawha.
Noti taʼ taħt
^ Jew “bid-dikjarazzjonijiet qaddisa.”
^ Jew “qed nagħmel id-dnub?”
^ Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
^ Letteralment “Ma jibżgħux minn.”
^ Jew “jonqsu milli jilħqu l-glorja t’Alla.”
^ Jew “b’qalb tajba mhix mistħoqqa.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “Alla ta lil Ġesù bħala offerta propizjatorja biex.”
^ Jew “neliminaw il-Liġi.”

