L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 20:1-31
20 Fl-ewwel ġurnata tal-ġimgħa, Marija l-Maddalena marret kmieni filgħodu ħdejn il-qabar,* waqt li kien għadu d-dlam, u rat li l-ġebla kienet diġà tneħħiet minn quddiem il-qabar.*
2 Għalhekk, marret tiġri għand Xmun Pietru u d-dixxiplu l-ieħor li Ġesù kien iħobb u qaltilhom: “Ħadu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh.”
3 Imbagħad Pietru u d-dixxiplu l-ieħor marru lejn il-qabar.
4 It-tnejn li huma telqu jiġru flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ġera iktar minn Pietru u wasal l-ewwel ħdejn il-qabar.
5 Hu ttawwal ġewwa u ra d-drapp tal-għażel, imma ma daħalx.
6 Imbagħad wasal Xmun Pietru u baqaʼ dieħel fil-qabar. Hu ra d-drapp tal-għażel.
7 Il-biċċa drapp li kienet ma’ ras Ġesù ma kinitx mal-kumplament tad-drapp, imma kienet imkebba f’post għaliha.
8 Imbagħad daħal ukoll id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel, u minn dak li ra hu emmen x’qalulu.
9 Għax huma kienu għadhom ma fehmux l-iskrittura li tgħid li jrid iqum mill-mewt.
10 Għalhekk, id-dixxipli marru lura d-dar.
11 Imma Marija baqgħet barra ħdejn il-qabar tibki. Waqt li kienet qed tibki, ittawlet fil-qabar
12 u rat żewġ anġli lebsin l-abjad bilqiegħda fejn kien il-ġisem taʼ Ġesù, wieħed fejn kien hemm rasu u l-ieħor fejn kien hemm saqajh.
13 Huma staqsewha: “Għala qed tibki?” Wiġbithom: “Ħadu l-Mulej tiegħi, u ma nafx fejn qegħduh.”
14 Wara li qalet hekk, daret u rat lil Ġesù bilwieqfa, imma m’għarfitux.
15 Ġesù staqsieha: “Għala qed tibki? Lil min qed tfittex?” Peress li ħasbitu l-ġardinar, qaltlu: “Sinjur, jekk ħadtu xi mkien, għidli fejn qiegħed, ħalli mmur nieħdu minn hemm.”
16 Ġesù qalilha: “Marija!” Hi daret u bl-Ebrajk qaltlu: “Rabboni!” (li jfisser “Għalliem!”)
17 Ġesù qalilha: “Tibqax iżżomm miegħi, għax mhux tielaʼ għalissa għand il-Missier. Mur għand ħuti u għidilhom li jien tielaʼ għand Missieri u Missierhom, l-Alla tiegħi u l-Alla tagħhom.”
18 Marija l-Maddalena marret għand id-dixxipli u qaltilhom li rat lill-Mulej. Imbagħad qaltilhom x’qalilha.
19 Iktar tard dakinhar, l-ewwel ġurnata tal-ġimgħa, id-dixxipli kienu miġburin flimkien u sakkru l-bibien, għax kienu qed jibżgħu mil-Lhud.* Imbagħad Ġesù mar, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Jalla jkollkom il-paċi.”
20 Wara li qalilhom hekk, uriehom idejh u ġenbu. U huma ferħu meta raw lill-Mulej.
21 Ġesù reġaʼ qalilhom: “Jalla jkollkom il-paċi. Bħalma l-Missier bagħat lili fid-dinja, jien qed nibgħat lilkom fid-dinja.”
22 Wara li qalilhom hekk, nefħilhom u qalilhom: “Irċievu l-ispirtu qaddis.
23 Jekk taħfru d-dnubiet taʼ xi ħadd, Alla jkun diġà ħafirlu, imma jekk ma taħfrulux, Alla ma jkunx ħafirlu.”
24 Imma Tumas, wieħed mit-Tnax li jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta kien hemm Ġesù.
25 Għalhekk, id-dixxipli l-oħra bdew jgħidulu li raw lill-Mulej. Imma hu qalilhom: “Jekk ma narax il-marka tal-imsiemer f’idejh u ma ndaħħalx sebgħi fihom, u jekk ma ndaħħalx idi f’ġenbu, qatt mhu se nemmen.”
26 Tmint ijiem wara, id-dixxipli tiegħu reġgħu kienu miġburin ġewwa, u Tumas kien magħhom. Għalkemm il-bibien kienu msakkrin, Ġesù mar ħdejhom, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Jalla jkollkom il-paċi.”
27 Imbagħad qal lil Tumas: “Miss idi b’sebgħek u daħħal idek f’ġenbi. Tibqax tiddubita* imma emmen.”
28 Tumas qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”
29 Ġesù wieġbu: “Qed temmen għax rajtni? Ferħanin huma dawk li jemmnu għalkemm ma rawx.”
30 Ġesù għamel iktar mirakli quddiem id-dixxipli li mhumiex miktubin f’dan l-iskroll.
31 Imma dawn inkitbu ħalli intom temmnu li Ġesù hu l-Kristu, l-Iben t’Alla, u għax temmnu* tkunu tistgħu tgħixu għal dejjem permezz t’ismu.
Noti taʼ taħt
^ Jew “il-qabar tat-tifkira.”
^ Jew “il-qabar tat-tifkira.”
^ Jiġifieri l-mexxejja tal-Lhud.
^ Letteralment “ma temminx.”
^ Jiġifieri temmnu f’ismu.