L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 4:1-54

  • Ġesù u l-mara Samaritana (1-38)

    • Qimu lil Alla “skont id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis u dak li hu veru” (23, 24)

  • Ħafna Samaritani juru fidi f’Ġesù (39-42)

  • Ġesù jfejjaq it-tifel t’uffiċjal (43-54)

4  Meta l-Mulej induna li l-Fariżej saru jafu li qed ikollu iktar dixxipli u jgħammed iktar nies minn Ġwanni,  (għalkemm kienu d-dixxipli tiegħu li qed jgħammdu n-nies u mhux hu)  hu telaq mil-Lhudija u reġaʼ mar il-Galilija.  Imma hu kellu jgħaddi mis-Samarija  u wasal f’belt tas-Samarija jisimha Sikar, viċin l-għalqa li Ġakobb kien ta lit-tifel tiegħu Ġużeppi.  Fil-fatt, f’dan il-post kien hemm il-bir taʼ Ġakobb. Issa Ġesù, peress li kien għajjien mill-vjaġġ, poġġa ħdejn il-bir.* Il-ħin kien madwar nofsinhar.*  U marret mara mis-Samarija biex ittellaʼ l-ilma. Ġesù qalilha: “Agħtini ftit ilma.”  (Għax id-dixxipli tiegħu kienu marru jixtru l-ikel mill-belt.)  Allura s-Samaritana staqsietu: “Kif qed titlob lili nagħtik l-ilma meta int Lhudi u jien mara Samaritana?” (Għax il-Lhud ma jagħmluhiex mas-Samaritani.) 10  Ġesù wiġibha: “Kieku kont taf bir-rigal b’xejn li qed jagħti Alla u min hu dak li qed jitolbok ftit ilma, kont tistaqsih int biex jagħtik x’tixrob u hu kien jagħtik ilma li jagħti l-ħajja.” 11  Hi qaltlu: “Sinjur, lanqas biss għandek barmil biex ittellaʼ l-ilma, u l-bir hu fond. Mela minn fejn se ġġibu l-ilma li jagħti l-ħajja? 12  Int m’intix aħjar mill-antenat tagħna Ġakobb, hux hekk? Hu tana dan il-bir u xorob minnu hu, it-tfal tiegħu, u l-imrieħel tiegħu.” 13  Ġesù wiġibha: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġaʼ jaqbdu l-għatx. 14  Kull min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iktar ma jerġaʼ jaqbdu għatx, anzi l-ilma li nagħtih isir bħal għajn tal-ilma fih li jagħtih il-ħajja taʼ dejjem.” 15  Il-mara qaltlu: “Sinjur, agħtini dan l-ilma, ħalli ma jerġax jaqbadni l-għatx u lanqas noqgħod niġi hawnhekk biex intellaʼ l-ilma.” 16  Hu qalilha: “Mur għajjat lir-raġel u ejjew hawnhekk.” 17  Il-mara qaltlu: “M’iniex miżżewġa.” Ġesù qalilha: “Sewwa qed tgħid li m’intix miżżewġa. 18  Għax int kont miżżewġa ħames darbiet u r-raġel li qiegħda miegħu issa mhuwiex żewġek. Allura int għedt il-verità.” 19  Il-mara qaltlu: “Sinjur, qed ninduna li int profeta. 20  L-antenati tagħna kienu jqimu lil Alla fuq din il-muntanja, imma intom il-Lhud tgħidu li n-nies għandhom iqimuh f’Ġerusalemm biss.” 21  Ġesù qalilha: “Naċċertak li ġej żmien li la fuq din il-muntanja u lanqas f’Ġerusalemm ma tqimuh lill-Missier. 22  Intom ma tafux lil dak li tqimu, imma aħna nafu lil dak li nqimu, għax il-Lhud kienu l-ewwel li saru jafu x’se jagħmel Alla biex isalva lin-nies. 23  Imma issa wasal iż-żmien meta l-qaddejja veri jqimu lill-Missier skont id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis u dak li hu veru.* Il-Missier qed ifittex uħud bħal dawn biex iqimuh. 24  Alla hu Spirtu, u dawk li jqimuh għandhom jagħmlu dan skont id-direzzjoni tal-ispirtu qaddis u dak li hu veru.” 25  Il-mara qaltlu: “Naf li ġej il-Messija, li jgħidulu Kristu. Meta jiġi, hu se jispjegalna kollox.” 26  Ġesù qalilha: “Jien hu, li qed nitkellem miegħek.” 27  Dak il-ħin waslu d-dixxipli tiegħu. Huma kienu sorpriżi xħin rawh jitkellem maʼ mara. Ovvjament ħadd ma staqsieh għala kien qed jitkellem magħha jew x’ried mingħandha. 28  Għalhekk, il-mara ħalliet il-ġarra tal-ilma warajha, marret il-belt, u qalet lin-nies: 29  “Hemm raġel li qalli kulma għamilt. Ejjew arawh. Jistaʼ jkun li hu l-Kristu?” 30  U n-nies ħarġu mill-belt u marru jiltaqgħu miegħu. 31  Sadanittant, id-dixxipli bdew iħeġġuh: “Kul Rabbi.”* 32  Imma hu qalilhom: “Għandi ikel li ma tafux bih.” 33  Għalhekk, id-dixxipli bdew jgħidu lil xulxin: “Ħadd ma ġablu x’jiekol, hux?” 34  Ġesù qalilhom: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel dak li jrid il-wieħed li bagħatni u li llesti x-xogħol li tani nagħmel. 35  Intom tgħidu li għad baqaʼ erbaʼ xhur għall-ħsad, imma jien ngħidilkom ħarsu lejn l-għelieqi, u araw kif inhuma lesti għall-ħsad. 36  Dak li jaħsad diġà qed jitħallas u jiġbor il-frott. Il-frott hu dawk li se jgħixu għal dejjem. B’hekk, dak li jiżraʼ u dak li jaħsad jifirħu flimkien. 37  Għalhekk, f’dan il-każ, hu veru l-proverbju li jgħid: Wieħed jiżraʼ u ieħor jaħsad. 38  Jien bgħattkom taħsdu dak li ma ħdimtux għalih. Oħrajn ħadmu, u intom ibbenefikajtu mix-xogħol tagħhom.” 39  Ħafna Samaritani minn dik il-belt bdew juru fidi fih. Dan minħabba x-xhieda li tat il-mara meta qaltilhom li hu qalilha kulma għamlet. 40  Għalhekk, meta s-Samaritani marru ħdejh, talbuh biex joqgħod magħhom u hu qagħad magħhom jumejn. 41  B’hekk, ħafna iktar nies bdew jemmnu minħabba dak li għallem, 42  u lill-mara qalulha: “Qed nemmnu mhux minħabba dak li għedtilna int biss, imma għax smajnieh aħna stess ukoll u nafu li dan ir-raġel żgur li hu l-wieħed li se jsalva d-dinja.” 43  Wara jumejn, Ġesù telaq minn hemm lejn il-Galilija, 44  avolja hu stess kien qal li profeta ma jiġix irrispettat f’pajjiżu. 45  Meta wasal il-Galilija, il-Galilin laqgħuh għax kienu raw kulma għamel fil-festa f’Ġerusalemm, peress li anki huma kienu marru għall-festa. 46  Imbagħad hu reġaʼ mar f’Kana tal-Galilija, fejn kien biddel l-ilma fi nbid. Hemm kien hemm uffiċjal tar-re li kien jgħix Kafarnahum u kellu t-tifel marid. 47  Meta dan semaʼ li Ġesù telaq mil-Lhudija u mar il-Galilija, mar ħdejh u talbu biex imur miegħu ħalli jfejjaqlu lit-tifel għax kien se jmut. 48  Imma Ġesù qallu: “Intom temmnu biss jekk taraw mirakli u affarijiet tal-għaġeb.” 49  L-uffiċjal tar-re qallu: “Mulej, ejja miegħi qabel ma jmutli t-tifel.” 50  Ġesù qallu: “Mur lura d-dar. It-tifel tiegħek fieq.” Hu emmen dak li qallu Ġesù u telaq. 51  Waqt li kien fi triqtu, l-ilsiera tiegħu ltaqgħu miegħu biex jgħidulu li t-tifel tiegħu kien fieq.* 52  Għalhekk, hu staqsiehom x’ħin fieq. U wiġbuh: “Id-deni niżillu lbieraħ għal xi s-siegħa taʼ waranofsinhar.”* 53  Imbagħad il-missier induna li kien fl-istess ħin li Ġesù qallu: “It-tifel tiegħek fieq.” Għalhekk hu u dawk taʼ daru saru jemmnu b’Ġesù. 54  Dan kien it-tieni miraklu li Ġesù għamel meta mar il-Galilija mil-Lhudija.

Noti taʼ taħt

Jew “l-għajn tal-ilma.”
Letteralment “is-sitt siegħa.”
Letteralment “bl-ispirtu u l-verità.”
Jew “Għalliem.”
Letteralment “kien ħaj.”
Letteralment “fis-sebaʼ siegħa.”