L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 7:1-52

  • Ġesù fil-Festa tat-Tabernakli (1-13)

  • Ġesù jgħallem fil-festa (14-24)

  • Opinjonijiet differenti dwar il-Kristu (25-52)

7  Wara, Ġesù kompla jipprietka* fil-Galilija, għax ma riedx jagħmel dan fil-Lhudija peress li l-Lhud kienu qed jipprovaw joqtluh. 2  Imma kien wasal iż-żmien għall-Festa tat-Tabernakli* tal-Lhud. 3  Għalhekk ħutu qalulu: “Mur il-Lhudija ħalli anki d-dixxipli tiegħek jaraw dak li qed tagħmel. 4  Għax jekk xi ħadd irid isir magħruf, ma jagħmel xejn bil-moħbi. Jekk qed tagħmel dawn l-affarijiet, agħmilhom quddiem kulħadd.” 5  Fil-fatt, ħutu ma kinux qed juru fidi fih. 6  Għalhekk Ġesù qalilhom: “Għadu ma wasalx iż-żmien għalija, imma intom tistgħu tmorru xħin tridu. 7  Id-dinja m’għandhiex għalfejn tobgħodkom, imma lili tobgħodni, għax jien nikxef l-affarijiet ħżiena li tagħmel. 8  Itilgħu għall-festa, imma jien mhux se nitlaʼ għalissa, għax għadu ma wasallix iż-żmien.” 9  Wara li qalilhom dan, baqaʼ l-Galilija. 10  Però xħin ħutu telgħu għall-festa, hu mar ukoll, imma bil-moħbi. 11  Għalhekk il-Lhud bdew ifittxuh fil-festa u jgħidu: “Fejn hu dak ir-raġel?” 12  U kien hemm ħafna mill-folla li bdew jitkellmu minn taħt l-ilsien dwaru. Xi wħud bdew jgħidu: “Hu raġel sew.” Oħrajn bdew jgħidu: “Le mhuwiex. Hu jqarraq bil-folla.” 13  Ovvjament, ħadd ma kien jażżarda jitkellem fuqu quddiem in-nies, għax kienu jibżgħu mil-Lhud.* 14  Xi erbat ijiem wara li bdiet il-festa, Ġesù mar fit-tempju u beda jgħallem. 15  Il-Lhud baqgħu mbellhin u qalu: “Dan ir-raġel kif jaf daqshekk dwar l-Iskrittura* la ma studjax fl-iskejjel?”* 16  Ġesù wiġibhom: “Dak li ngħallem ġej mingħand dak li bagħatni, u mhux mingħandi. 17  Jekk xi ħadd jixtieq jagħmel dak li jrid Alla, ikun jaf jekk dak li ngħallem huwiex mingħand Alla jew hux skont dak li naħseb jien. 18  Min jitkellem skont dak li jaħseb ikun irid li jiġi mfaħħar hu. Imma kull min jixtieq li jiġi mfaħħar dak li bagħtu, jgħid il-verità u jagħmel kollox bl-onestà. 19  Mhux Mosè takom il-Liġi? Imma ħadd minnkom ma jobdiha. Mela għaliex qed tipprovaw toqtluni?” 20  Il-folla wieġbet: “Int għandek demonju fik. Min qed jipprova joqtlok?” 21  Ġesù wiġibhom: “Ħaġa waħda għamilt, u kollha bqajtu mistagħġbin. 22  Hu għalhekk li Mosè takom il-liġi dwar iċ-ċirkonċiżjoni—mhux għax ġejja minn żmien Mosè, imma għax ġejja minn żmien l-antenati tiegħu—u intom tagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni anki fis-Sabat. 23  Jekk raġel ma jkunx qed jikser il-Liġi taʼ Mosè meta jagħmel iċ-ċirkonċiżjoni fis-Sabat, għala intom daqshekk irrabjati miegħi għax fejjaqt raġel għalkollox fis-Sabat? 24  Tibqgħux tiġġudikaw skont dak li jidher minn barra, imma ġġudikaw b’mod ġust.” 25  Imbagħad xi nies minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan mhux ir-raġel li qed ifittxu biex joqtlu? 26  Imma hu qed jitkellem fil-pubbliku, u mhuma jgħidulu xejn. Jistaʼ jkun li l-mexxejja huma ċerti li hu l-Kristu? 27  Għall-kuntrarju, aħna nafu minn fejn hu dan ir-raġel. Imma meta jiġi l-Kristu, ħadd m’għandu jkun jaf minn fejn hu.” 28  Imbagħad, meta kien qed jgħallem fit-tempju, Ġesù qal b’leħen għoli: “Intom tafuni u tafu minn fejn jien. Mhux jien iddeċidejt li niġi, imma Alla bagħatni. Hu vera jeżisti, imma intom ma tafuhx. 29  Jien nafu, għax ġejt mingħandu u hu l-Wieħed li bagħatni.” 30  Allura bdew jipprovaw jaqbduh, imma ħadd ma rnexxielu, għax kien għadu ma wasalx iż-żmien għal dan. 31  Minkejja dan, ħafna nies bdew juru fidi fih u bdew jgħidu: “Il-Kristu kellu jagħmel ħafna mirakli meta jiġi. Dan ir-raġel hekk għamel.” 32  Il-Fariżej semgħu lin-nies jgħidu dawn l-affarijiet dwaru minn taħt l-ilsien, u l-qassisin importanti u l-Fariżej bagħtu xi uffiċjali biex jarrestawh.* 33  Imbagħad Ġesù qal lin-nies: “Jien se nibqaʼ magħkom ftit ieħor qabel ma mmur għand il-Wieħed li bagħatni. 34  Intom se tfittxuni, imma ma ssibunix. Fejn se nkun jien mhux se tkunu tistgħu tiġu.” 35  Allura l-Lhud bdew jgħidu bejniethom: “Dan fejn beħsiebu jmur biex ma nsibuhx? Mhux beħsiebu jmur għand il-Lhud li qed jgħixu fost il-Griegi u jgħallem lill-Griegi, hux? 36  X’ried jgħid biha meta qal, ‘Intom se tfittxuni, imma ma ssibunix, u fejn se nkun jien mhux se tkunu tistgħu tiġu’?” 37  Fl-aħħar jum, l-iktar jum importanti tal-festa, Ġesù qam bilwieqfa u qal b’leħen għoli: “Jekk xi ħadd hu bil-għatx, ħa jiġi għandi u jixrob. 38  Dwar dak li juri fidi fija l-Iskrittura tgħid: ‘Minn qiegħ qalbu joħroġ ħafna ilma li jagħti l-ħajja.’” 39  Imma hu qal hekk dwar l-ispirtu li kienu se jirċievu dawk li juru fidi fih. Huma kienu għadhom ma rċivewx l-ispirtu, minħabba li Ġesù kien għadu ma ġiex igglorifikat. 40  Xi wħud mill-folla li semgħu dan il-kliem bdew jgħidu: “Dan żgur il-Profeta.” 41  Oħrajn qalu: “Dan il-Kristu.” Imma oħrajn qalu: “Il-Kristu mhux ġej mill-Galilija, hux hekk? 42  L-Iskrittura tgħid li l-Kristu kellu jiġi minn David, u kellu jkun mir-raħal taʼ Betlem, minn fejn kien David, hux veru?” 43  Allura n-nies ma bdewx jaqblu bejniethom dwar dan. 44  Xi wħud minnhom riedu jarrestawh,* imma ħadd ma rnexxielu. 45  Allura meta l-uffiċjali marru lura, il-qassisin importanti u l-Fariżej staqsewhom: “Għala m’arrestajtuhx u ġibtuh magħkom?” 46  L-uffiċjali wiġbuhom: “Qatt ma smajna lil xi ħadd jitkellem bħalu.” 47  Imbagħad il-Fariżej wiġbuhom: “Jaqaw anki intom ġejtu mqarrqin? 48  Ħadd mill-mexxejja jew mill-Fariżej ma wera fidi fih, hux hekk? 49  Imma din il-folla li ma tafx il-Liġi hi misħuta.” 50  Nikodemu, li kien mar għandu qabel u li kien wieħed mill-Fariżej, qalilhom: 51  “Skont il-Liġi tagħna ma nistgħux nikkundannaw lil xi ħadd qabel ma nisimgħu x’għandu xi jgħid u nsiru nafu x’qed jagħmel, hux hekk?” 52  Huma wiġbuh: “Għala qed tappoġġah, qisek xi Galilew? Fittex fl-Iskrittura u tara li ma kellux ikun hemm profeta mill-Galilija.”*

Noti taʼ taħt

Jew “jivvjaġġa.”
Jew “tal-Għerejjex.”
Jiġifieri l-mexxejja tal-Lhud.
Letteralment “il-kitbiet.”
Jiġifieri skejjel tal-mexxejja reliġjużi.
Letteralment “jaqbduh.”
Letteralment “jaqbduh.”
Ħafna mill-manuskritti antiki u taʼ min joqgħod fuqhom ma inkludewx minn vers 53 sa vers 11 taʼ kapitlu 8.