L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 2:1-25

  • Tieġ f’Kana; ilma jinbidel fi nbid (1-12)

  • Ġesù jnaddaf it-tempju (13-22)

  • Ġesù jaf x’hemm f’qalb il-bniedem (23-25)

2  Jumejn wara kien hemm tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. 2  Anki Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu mistidnin għat-tieġ. 3  Meta l-inbid kien kważi spiċċa, omm Ġesù qaltlu: “M’għandhomx inbid.” 4  Imma Ġesù qalilha: “Aħna x’għandna x’naqsmu?* Għadu ma wasalx iż-żmien biex nuri min jien.” 5  Lil dawk li kienu qed iservu, ommu qaltilhom: “Agħmlu kulma jgħidilkom.” 6  Hemmhekk kien hemm sitt ġarar tal-ġebel għall-ilma skont ir-regola tal-Lhud biex jaħslu jdejhom qabel jieklu. Kull waħda kienet tesaʼ żewġ jew tliet metreti.* 7  Ġesù qalilhom: “Imlew il-ġarar bl-ilma.” U huma mlewhom sa fuq. 8  Imbagħad qalilhom: “Ħudu ftit minnu u agħtuh lil dak li qed jieħu ħsieb it-tieġ.” U hekk għamlu. 9  Dak li kien qed jieħu ħsieb it-tieġ daq l-ilma li kien inbidel fi nbid. Hu ma kienx jaf minn fejn ġie l-inbid, imma dawk li tawhulu kienu jafu. Imbagħad għajjat lill-għarus 10  u qallu: “Kulħadd joħroġ l-aħjar inbid l-ewwel, u meta n-nies ikunu fis-sakra, joħroġ dak li jkun inqas tajjeb. Imma int żammejt l-aħjar inbid għal issa.” 11  Ġesù għamel l-ewwel miraklu f’Kana tal-Galilija. B’hekk hu wera l-qawwa tiegħu, u d-dixxipli tiegħu beda jkollhom fidi fih. 12  Wara dan, hu, ommu, ħutu, u d-dixxipli tiegħu niżlu Kafarnahum, imma ma damux hemm. 13  Issa kien wasal iż-żmien biex il-Lhud jiċċelebraw il-Qbiż, u Ġesù telaʼ Ġerusalemm. 14  Fit-tempju sab nies ibigħu l-baqar, in-nagħaġ, u l-ħamiem, u kien hemm dawk li jsarrfu l-flus bilqiegħda mal-mejda tagħhom. 15  Wara li għamel frosta bil-ħbula, hu keċċa mit-tempju lil dawk kollha li kellhom in-nagħaġ u l-baqar, u tefaʼ mal-art il-muniti taʼ dawk li kienu qed isarrfu l-flus u qalbilhom l-imwejjed. 16  U lil dawk li kienu qed ibigħu l-ħamiem, qalilhom: “Neħħuhom minn hawn! Tibqgħux tagħmlu negozju fid-dar taʼ Missieri!” 17  Id-dixxipli tiegħu ftakru li fl-Iskrittura hemm miktub: “Iż-żelu għad-dar tiegħek hu bħal nar jaqbad ġo fija.” 18  Għalhekk il-Lhud qalulu: “Agħmlilna miraklu biex turi li għandek id-dritt tagħmel dawn l-affarijiet.” 19  Ġesù wiġibhom: “Waqqgħu dan it-tempju u fi tlett ijiem nerġaʼ ntellgħu.” 20  Imbagħad il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju nbena f’46 sena, u int se ttellgħu fi tlett ijiem?” 21  Imma meta semma t-tempju, hu kien qed jirreferi għall-ġisem tiegħu. 22  U meta ġie mqajjem mill-mewt, id-dixxipli tiegħu ftakru li kien jgħid hekk, u huma emmnu l-Iskrittura u dak li kien qal Ġesù. 23  Madankollu, meta kien f’Ġerusalemm għall-festa tal-Qbiż, ħafna nies beda jkollhom fidi fih* xħin raw il-mirakli li kien qed jagħmel. 24  Imma Ġesù ma kienx jafdahom għalkollox għax kien jafhom kollha 25  u ma kellu bżonn lil ħadd biex jgħidlu kif jaħsbuha n-nies, għax hu kien jaf x’hemm f’qalb il-bniedem.

Noti taʼ taħt

Letteralment “X’hemm għalija u għalik, mara?” Din hija mistoqsija idjomatika li turi oġġezzjoni. Il-fatt li tintuża l-kelma “mara” ma jfissirx li qed juri diżrispett.
X’aktarx metreta kienet il-bat li kien daqs 22 litru. Ara App. B14.
Letteralment “f’ismu.”