L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 21:1-25

  • Ġesù jidher lid-dixxipli tiegħu (1-14)

  • Pietru juri biċ-ċar li jħobb lil Ġesù (15-19)

    • “Itmaʼ n-nagħaġ żgħar tiegħi” (17)

  • Il-futur tad-dixxiplu li Ġesù kien iħobb (20-23)

  • Konklużjoni (24, 25)

21  Wara, Ġesù reġaʼ deher lid-dixxipli ħdejn il-Baħar taʼ Tiberija. Dan hu l-mod kif deher. 2  Kien hemm flimkien Xmun Pietru, Tumas (li kienu jgħidulu t-Tewmi), Natanjel minn Kana tal-Galilija, it-tfal taʼ Żebedew, u żewġ dixxipli oħra. 3  Xmun Pietru qalilhom: “Jien sejjer nistad.” Huma qalulu: “Aħna ġejjin miegħek.” Għalhekk telgħu fuq id-dgħajsa u telqu, imma ma qabdu xejn dak il-lejl. 4  Hekk kif kien qed jisbaħ, Ġesù kien fuq ix-xatt, imma d-dixxipli ma ndunawx li kien hu. 5  Imbagħad Ġesù qalilhom: “Ħbieb tiegħi, għandkom xi ħaġa* x’tieklu?” Wiġbuh: “Le!” 6  Hu qalilhom: “Itfgħu x-xibka fuq in-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u taqbdu xi ħut.” Għalhekk tefgħuha, u tant kemm qabdu ħut li ma setgħux itellgħuha. 7  Id-dixxiplu li Ġesù kien iħobb qal lil Pietru: “Dan il-Mulej!” Xħin Xmun Pietru semaʼ li kien il-Mulej, libes il-libsa taʼ fuq, għax kien għarwien,* u qabeż il-baħar. 8  Imma d-dixxipli l-oħra marru bid-dgħajsa waqt li ġibdu x-xibka mimlija ħut, għax kienu biss madwar 90 metru* ’l bogħod mill-art. 9  Meta waslu max-xatt, huma raw nar jaqbad bil-ħut fuqu u l-ħobż. 10  Ġesù qalilhom: “Ġibu naqra mill-ħut li għadkom kemm qbadtu.” 11  Għalhekk, Xmun Pietru telaʼ fid-dgħajsa u ġibed ix-xibka mimlija ħut kbir għal fuq ix-xatt. Għalkemm kien hemm 153 ħuta fix-xibka, din ma tqattgħetx. 12  Ġesù qalilhom: “Ejjew kulu.” Ħadd mid-dixxipli m’ażżarda jistaqsih min hu, għax kienu jafu li hu l-Mulej. 13  Ġesù qabad il-ħobż u tahulhom, u għamel l-istess bil-ħut. 14  Din kienet it-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara li ġie mqajjem mill-mewt. 15  Wara li kielu, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni iktar minn dawn?” Hu wieġbu: “Iva Mulej, taf li nħobbok ħafna.”* Ġesù qallu: “Itmaʼ l-ħrief tiegħi.” 16  U reġaʼ staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Wieġbu: “Iva Mulej, taf li nħobbok ħafna.”* Ġesù qallu: “Irgħa n-nagħaġ żgħar tiegħi.” 17  Hu staqsieh għat-tielet darba: “Xmun bin Ġwanni, int tħobbni ħafna?”* Pietru għamel id-dwejjaq xħin staqsieh għat-tielet darba jekk iħobbux ħafna. Allura qallu: “Mulej, int taf kollox u taf li nħobbok ħafna.” Ġesù qallu: “Itmaʼ n-nagħaġ żgħar tiegħi. 18  Meta kont iżgħar, kont tilbes u tmur fejn tixtieq. Imma naċċertak li meta tixjieħ int se tgħolli jdejk u jlibbsek ħaddieħor u jieħdok f’postijiet li ma tridx tmur fihom.” 19  Hu qal hekk biex juri b’liema tip taʼ mewt Pietru kellu jagħti glorja lil Alla. Wara qallu: “Kompli imxi warajja.” 20  Pietru dar u ra lid-dixxiplu li Ġesù kien iħobb miexi warajhom, il-wieħed li fl-ikla taʼ filgħaxija kien intelaq lura lejn Ġesù u qallu: “Mulej, min hu dak li se jittradik?” 21  Għalhekk, Pietru qal lil Ġesù: “Mulej, lil dan x’se jiġrilu?” 22  Ġesù qallu: “Li kieku rridu jibqaʼ sakemm niġi jien, int x’differenza tagħmillek? Ibqaʼ miexi warajja.” 23  Għalhekk, id-dixxipli bdew jgħidu bejniethom li dan id-dixxiplu mhux se jmut. Imma Ġesù ma qalx li ma kienx se jmut, imma qal: “Li kieku rridu jibqaʼ sakemm niġi jien, int x’jimpurtak?” 24  Dan hu d-dixxiplu li jagħti xhieda dwar dawn l-affarijiet u li kiteb dwarhom, u aħna nafu li x-xhieda tiegħu hi vera. 25  Fil-fatt, hemm ħafna iktar affarijiet li għamel Ġesù. Li kieku kellhom jinkitbu fid-dettall, naħseb lanqas id-dinja kollha ma kienet tesaʼ l-iskrolli miktubin.

Noti taʼ taħt

^ Jew “xi ħut.”
^ Jew “kemxejn imlibbes.”
^ Letteralment “madwar 200 kubitu.” Ara App. B14.
^ Jew “taf li għandi affezzjoni lejk.”
^ Jew “taf li għandi affezzjoni lejk.”
^ Jew “int għandek affezzjoni lejja?”