L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 16:1-33
16 “Għedtilkom dawn l-affarijiet ħalli ma titilfux il-fidi tagħkom.*
2 In-nies se jkeċċukom mis-sinagoga. Fil-fatt, ġej iż-żmien meta kull min joqtolkom jaħseb li qed jaqdi lil Alla.
3 Imma se jagħmlu dawn l-affarijiet għax la jafu l-Missier u lanqas lili.
4 Imma jien għedtilkom dwar dawn l-affarijiet ħalli meta jasal iż-żmien li jiġru, tiftakru li għedtilkom dwarhom.
“Għall-ewwel m’għedtilkomx dwar dawn l-affarijiet, għax kont għadni magħkom.
5 Imma issa jien sejjer għand Dak li bagħatni. Madankollu ħadd minnkom ma staqsieni, ‘Fejn sejjer?’
6 Imma peress li għedtilkom dan, għamiltu ħafna dwejjaq.
7 Imma emmnuni li hu għall-ġid tagħkom li se nitlaq. Għax jekk ma nitlaqx, l-ajjutant ma jiġix għandkom, iżda jekk nitlaq, jien nibagħtu għandkom.
8 U meta dan l-ajjutant jasal, se juri biċ-ċar lil kulħadd x’inhu d-dnub, x’inhi l-ġustizzja, u x’inhu l-ġudizzju t’Alla:
9 l-ewwel, se juri b’mod ċar id-dnub tad-dinja, għax id-dinja ma turix fidi fija;
10 imbagħad se juri lid-dinja li jien nagħmel dak li hu ġust, għax sejjer għand il-Missier u intom ma tarawnix iktar;
11 imbagħad se juri biċ-ċar lil min jiġġudika Alla, għax hu diġà ġġudika lill-mexxej taʼ din id-dinja.
12 “Għad fadalli ħafna x’ngħidilkom, imma għalissa ma tistgħux tifhmuh.
13 Madankollu, meta dan* jiġi, jiġifieri l-ispirtu qaddis tal-verità, se jiggwidakom u jgħinkom tifhmu aħjar il-verità kollha, għax dak li jgħid mhux ġej minnu stess, imma hu jgħid dak li jismaʼ mingħand Alla. Dan se jispjegalkom l-affarijiet li għad iridu jiġru.
14 Dan se jigglorifikani, għax hu jgħidilkom dak li jismaʼ mingħandi.
15 Kulma għandu l-Missier hu tiegħi wkoll. Hu għalhekk li għedtilkom li l-ajjutant se jgħidilkom dak li semaʼ mingħandi.
16 Ftit ieħor ma tarawnix iktar. Imbagħad wara ftit, terġgħu tarawni.”
17 Għal dan xi dixxipli bdew jistaqsu lil xulxin: “Xi jrid jgħid biha meta qal, ‘Ftit ieħor ma tarawnix iktar. Imbagħad wara ftit, terġgħu tarawni,’ u, ‘għax sejjer għand il-Missier’?”
18 Huma baqgħu jgħidu: “Xi jrid jgħid biha, ‘ftit ieħor’? Ma nafux fuqiex qed jitkellem.”
19 Ġesù kien jaf li xtaqu jistaqsuh dwar dan, għalhekk qalilhom: “Jaqaw qed tistaqsu lil xulxin biex tkunu tafu għala għedt, ‘Ftit ieħor ma tarawnix iktar. Imbagħad wara ftit, terġgħu tarawni’?
20 Naċċertakom li se tibku fuq li tibku, imma d-dinja se tifraħ. Se tkunu mdejqin ħafna, imma d-dwejjaq tagħkom se jinbidel f’ferħ.
21 Meta mara tkun qed twelled, hi tkun muġugħa,* imma meta twelled ma tibqax tiftakar fl-uġigħ li kellha, għax tkun ferħana li qed tara t-tarbija tagħha.
22 Anki intom, issa mdejqin, imma meta terġgħu tarawni se tifirħu ħafna* u ħadd ma jkun jistaʼ jiħdilkom dan il-ferħ.
23 Dakinhar mhu se tistaqsuni xejn. Imma naċċertakom li jekk titolbu xi ħaġa lill-Missier f’ismi, hu se jagħtihielkom.
24 S’issa ma tlabtu xejn f’ismi. Itolbu u tirċievu ħalli tkunu ferħanin ħafna.
25 “Jien għedtilkom dawn l-affarijiet billi użajt l-eżempji. Ġej iż-żmien fejn ma nibqax inkellimkom bl-eżempji, imma nkellimkom b’mod ċar dwar il-Missier.
26 Dakinhar se titolbu lill-Missier f’ismi, imma dan ma jfissirx li se jkolli bżonn nitlob għalikom kull darba.
27 Għax il-Missier iħobbkom peress li intom tħobbuni u emmintu li bagħatni hu.
28 Il-Missier bagħatni u ġejt fid-dinja. Issa se nitlaq mid-dinja u mmur għand il-Missier.”
29 Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Mulej, issa qed nifhmu dak li qed tgħidilna għax mhux tuża eżempji.
30 Aħna nafu li int taf kollox u li m’hemmx bżonn li xi ħadd jistaqsik xi ħaġa, għax int tkun diġà taf x’qed jaħseb. B’dan nemmnu li ġej mingħand Alla.”
31 Ġesù qalilhom: “Issa qed temmnu,
32 imma dalwaqt ġej iż-żmien fejn kull wieħed minnkom se jaħrab lejn daru u tħalluni waħdi. Imma m’iniex waħdi, għax il-Missier hu miegħi.
33 Għedtilkom dawn l-affarijiet biex permezz tiegħi jkollkom il-paċi. Fid-dinja se tbatu, imma agħmlu l-kuraġġ, għax jien irbaħt lid-dinja!”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “ma titfixklux.”
^ Il-kelma “dan” fil-versi 13 u 14 tirreferi għall-ajjutant fil-vers 7. Ġesù uża l-kelma “ajjutant” bħala persuna li tirrappreżenta l-ispirtu qaddis, jiġifieri qawwa u mhux persuna.
^ Jew “tkun imdejqa.”
^ Letteralment “qalbkom se tifraħ.”