L-Aħbar Tajba Skont Ġwanni 1:1-51
1 Fil-bidu kien hemm wieħed li jissejjaħ il-Kelma,* u l-Kelma kien m’Alla u l-Kelma kien alla.*
2 Dan kien m’Alla fil-bidu.
3 Kollox beda jeżisti permezz tiegħu, u mingħajru lanqas ħaġa waħda ma kienet teżisti.
4 Il-ħajja bdiet teżisti permezz tiegħu, u l-ħajja tiegħu hi d-dawl tal-bnedmin.
5 U d-dawl qed jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma rebaħlux.
6 Kien hemm raġel jismu Ġwanni li ntbagħat biex jirrappreżenta lil Alla.
7 Dan ir-raġel ġie biex jagħti xhieda lin-nies dwar id-dawl, ħalli kull tip taʼ nies jemmnu minħabba dak li qal.
8 Ġwanni ma kienx dan id-dawl, imma kellu jagħti xhieda dwaru.
9 Id-dawl veru li jagħti d-dawl lil kull tip taʼ nies kien se jiġi dalwaqt fid-dinja.
10 Hu kien fid-dinja, u d-dinja bdiet teżisti permezz tiegħu, imma n-nies tad-dinja ma kinux jafuh.
11 Hu mar għand niesu stess, imma m’aċċettawhx.
12 Madankollu, lil dawk kollha li aċċettawh, hu tahom id-dritt li jsiru t-tfal t’Alla, għax dawn kienu qed juru fidi f’ismu.
13 Huma ma twildux mill-bnedmin* jew bis-saħħa taʼ xi bniedem jew missier, imma minn Alla.
14 Għalhekk dak li jissejjaħ il-Kelma sar bniedem u għex fostna. Aħna rajna l-glorja tiegħu, glorja bħal dik li l-uniku tifel jirċievi mingħand missieru. Hu dejjem kellu l-approvazzjoni t’Alla* u għallem il-verità.
15 (Ġwanni ta xhieda dwaru. Hu qal b’leħen għoli: “Dan hu l-wieħed li dwaru għedt, ‘Dak li ġej warajja għaddieni, għax hu eżista qabli.’”)
16 Ilkoll kemm aħna ntwerejna qalb tajba kbira mingħand Alla, għax hu dejjem juri qalb tajba kbira.
17 Hu tana l-Liġi permezz taʼ Mosè, imma hu wriena x’inhuma l-qalb tajba kbira u l-verità permezz taʼ Ġesù Kristu.
18 L-ebda bniedem ma ra lil Alla, imma l-alla li hu l-uniku iben* u li qiegħed maġenb il-Missier* spjega min hu.
19 Meta l-Lhud bagħtu xi qassisin u Leviti minn Ġerusalemm biex jistaqsu lil Ġwanni min kien,
20 hu ma evitax il-mistoqsija imma ammetta li ma kienx il-Kristu.
21 Huma staqsewh: “Mela min int? Elija?” Wiġibhom: “Le m’iniex.” Imbagħad staqsewh: “Int il-Profeta?” U wiġibhom: “Le!”
22 Għalhekk qalulu: “Min int? Għidilna ħalli nkunu nistgħu nwieġbu lil dawk li bagħtuna. Għidilna dwarek.”
23 Hu qal: “Jien dak li qed ngħajjat fid-deżert, ‘Ippreparaw it-triq taʼ Ġeħova,’* bħalma qal il-profeta Isaija.”
24 Issa dawn in-nies li kienu qed jistaqsuh intbagħtu mill-Fariżej.
25 Għalhekk staqsewh: “Allura għala tgħammed lin-nies jekk m’intix il-Kristu, Elija, jew il-Profeta?”
26 Ġwanni wiġibhom: “Jien ngħammed fl-ilma. Hemm wieħed f’nofskom li intom ma tafuhx,
27 dak li ġej warajja, li jien lanqas biss jixraqli nħoll il-lazz tas-sandli tiegħu.”
28 Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien qed jgħammed.
29 L-għada, hu ra lil Ġesù riesaq lejh u qal: “Hawn hu l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja!
30 Dan hu l-wieħed li dwaru għedt: ‘Warajja ġej wieħed li għaddieni, għax hu eżista qabli.ʼ
31 Lanqas jien ma kont nafu, imma jien qed ngħammed fl-ilma biex Iżrael ikun jaf min hu.”
32 Ukoll, Ġwanni kkonferma dan billi qal: “Jien rajt l-ispirtu nieżel bħal ħamiema mis-sema u baqaʼ fuqu.
33 Lanqas jien ma kont nafu, imma Dak li bagħatni ngħammed fl-ilma qalli: ‘Dak li jinżel fuqu l-ispirtu u jibqaʼ fuqu, hu l-wieħed li jgħammed bl-ispirtu qaddis.’
34 Jien rajtu dan, u tajt xhieda li hu l-Iben t’Alla.”
35 L-għada, Ġwanni reġaʼ kien maʼ żewġ dixxipli tiegħu
36 u xħin ra lil Ġesù għaddej, qal: “Hawn hu l-Ħaruf t’Alla!”
37 Meta ż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid hekk, marru wara Ġesù.
38 Imbagħad Ġesù dar, u peress li rahom mexjin warajh, qalilhom: “X’qed tfittxu?” Huma qalulu: “Rabbi (li meta jiġi tradott ifisser “Għalliem”), fejn qed toqgħod?”
39 Hu qalilhom: “Ejjew u taraw.” Huma marru u raw fejn kien qed joqgħod xi l-erbgħa taʼ waranofsinhar.* Dakinhar qagħdu miegħu.
40 Indrì, ħu Xmun Pietru, kien wieħed minn dawn it-tnejn li semgħu dak li qal Ġwanni u marru wara Ġesù.
41 Hu mill-ewwel mar ifittex lil ħuh Xmun u qallu: “Sibna lill-Messija” (li meta jiġi tradott ifisser Kristu).
42 Hu ħadu għand Ġesù. Meta Ġesù rah, qallu: “Xmun bin Ġwanni, mil-lum se nibdew ngħajtulek Kefa” (li jiġi tradott Pietru).
43 L-għada, Ġesù ried jitlaq lejn il-Galilija. Hu sab lil Filippu u qallu: “Kun dixxiplu tiegħi.”
44 Filippu kien minn Betsajda, minn fejn kienu Indrì u Pietru.
45 Filippu sab lil Natanjel u qallu: “Sibna lil Ġesù t-tifel taʼ Ġużeppi minn Nazaret, li l-Liġi taʼ Mosè u l-kitbiet tal-profeti jitkellmu dwaru.”
46 Imma Natanjel staqsieh: “Tistaʼ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?” Filippu wieġbu: “Ejja u ara.”
47 Meta Ġesù ra lil Natanjel sejjer lejh, qal dwaru: “Ara, Iżraeli fil-veru sens tal-kelma, li m’hemm ebda qerq fih.”
48 Natanjel qallu: “Kif tafni?” Ġesù wieġbu: “Qabel ma Filippu għajjatlek, jien rajtek taħt is-siġra tat-tin.”
49 Natanjel qallu: “Rabbi, int l-Iben t’Alla, int ir-Re t’Iżrael.”
50 Ġesù wieġbu: “Qed temmen għax għedtlek li rajtek taħt is-siġra tat-tin? Int se tara iktar affarijiet tal-għaġeb.”
51 Imbagħad hu qal: “Naċċertakom ilkoll li se taraw is-sema miftuħa u l-anġli t’Alla neżlin għandi, Bin il-Bniedem, u telgħin lura.”
Noti taʼ taħt
^ F’dan il-kapitlu “Kelma” hi użata bħala titlu għal Ġesù.
^ Jew “kien divin.”
^ Letteralment “mid-demm.”
^ Jew “qalb tajba mhix mistħoqqa; qalb tajba kbira.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “l-iben uniġenitu.” Jiġifieri l-uniku tifel li ġie maħluq minn Alla nnifsu.
^ Jew “fi ħdan il-Missier.” Dan jirreferi għall-pożizzjoni li turi li hu approvat b’mod speċjali.
^ Letteralment “l-għaxar siegħa.”