Eżodu 4:1-31

  • Tliet sinjali li se jwettaq Mosè (1-9)

  • Mosè ma jħossux kapaċi (10-17)

  • Mosè jmur lura l-Eġittu (18-26)

  • Mosè jerġaʼ jiltaqaʼ m’Aron (27-31)

4  Madankollu, Mosè wieġeb: “Imma ejja ngħidu li ma jemmnunix u ma jisimgħux minni, għax jgħidu, ‘Ġeħova ma deherlekx.’ Imbagħad x’nagħmel?” 2  U Ġeħova qallu: “X’għandek f’idek?” Hu wieġbu: “Bastun.” 3  Imbagħad qallu: “Itfgħu fl-art.” Għalhekk, tefgħu fl-art u sar serp, u Mosè ħarab minnu. 4  Ġeħova issa qal lil Mosè: “Aqbdu minn denbu.” Għalhekk qabdu u sar bastun. 5  Alla mbagħad qallu: “B’dan huma jemmnu li dhertlek jien, Ġeħova, l-Alla taʼ missirijiethom, l-Alla t’Abraham, l-Alla taʼ Iżakk, u l-Alla taʼ Ġakobb.” 6  Imbagħad Ġeħova qallu: “Jekk jogħġbok, daħħal idek fil-libsa tiegħek.” Għalhekk, daħħal idu fil-libsa u meta ħariġha kienet bajda silġ bil-ġdiem! 7  Imbagħad qallu: “Erġaʼ daħħal idek fil-libsa.” Għalhekk, reġaʼ daħħal idu fil-libsa u meta ħariġha reġgħet saret normali bħall-bqija taʼ ġismu! 8  Alla qal: “Jekk ma jemmnukx jew ma jagħtux kas l-ewwel sinjal, żgur li jagħtu kas it-tieni sinjal. 9  Jekk ma jemmnux lanqas dawn iż-żewġ sinjali u ma jkunux iridu jisimgħu minnek, int trid tieħu ftit ilma mix-Xmara Nil u tferrgħu fuq art niexfa, u dan l-ilma jsir demm fuq l-art niexfa.” 10  Mosè issa qal lil Ġeħova: “Skużani, Ġeħova, imma jien qatt ma kont kelliemi tajjeb, la fil-passat u lanqas minn meta bdejt tkellimni int, għax jien ma ninqalax biex nitkellem.” 11  Ġeħova wieġbu: “Min għamel ħalq il-bniedem? Jew min jagħmel lil xi ħadd ma jitkellimx, ma jismax, u jara jew ma jarax? Mhux jien, Ġeħova? 12  Mela issa mur, u jien inkun miegħek meta titkellem, u ngħallmek x’għandek tgħid.” 13  Imma Mosè qallu: “Skużani, Ġeħova, jekk jogħġbok ibgħat lil xi ħadd ieħor minfloki.” 14  Imbagħad Ġeħova rrabja ħafna maʼ Mosè u qallu: “Ħuk Aron, il-Levita, jaf jitkellem sew. Hu issa qiegħed fi triqtu biex jiltaqaʼ miegħek. Meta jarak, żgur li qalbu timtela bil-ferħ. 15  Għalhekk, int għidlu x’għandu jgħid, u jien inkun magħkom hekk kif titkellmu, u ngħallimkom x’għandkom tagħmlu. 16  Hu jrid ikellem lin-nies għalik, u jkun il-kelliemi tiegħek u int tkun bħal Alla għalih.* 17  U trid tieħu dan il-bastun f’idek u bih tagħmel is-sinjali.” 18  Għalhekk, Mosè mar lura għand il-kunjatu tiegħu Ġetro u qallu: “Jekk jogħġbok, ħa nerġaʼ lura għand ħuti li qegħdin l-Eġittu sabiex nara jekk għadhomx ħajjin.” Ġetro qal lil Mosè: “Mur fil-paċi.” 19  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè f’Midjan: “Mur, erġaʼ lura lejn l-Eġittu, għax l-irġiel kollha li kienu qed jipprovaw joqtluk mietu.” 20  Imbagħad Mosè ħa lil martu u lit-tfal tiegħu u rikkibhom fuq ħmar, u beda l-vjaġġ lejn l-art tal-Eġittu. Iktar minn hekk, Mosè ħa f’idu l-bastun tal-Alla l-veru. 21  Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Wara li tasal l-Eġittu, qis li tagħmel il-mirakli kollha li tajtek il-qawwa biex tagħmel quddiem il-Fargħun. Imma jien se nħallih iwebbes rasu,* u hu mhux se jibgħat lin-nies. 22  U għandek tgħid lill-Fargħun, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Iżrael hu ibni, l-ewwel imwieled tiegħi. 23  Jien ngħidlek, Ibgħat lil ibni sabiex jaqdini. Imma jekk tirrifjuta li tibagħtu, jien se noqtollok lil ibnek, l-ewwel imwieled tiegħek.”’” 24  Issa matul il-vjaġġ, fil-post fejn waqfu biex jorqdu, Ġeħova ltaqaʼ miegħu u fittex mod kif joqtlu.* 25  Fl-aħħar, Sefora ħadet biċċa ġebla li taqtaʼ* u għamlet iċ-ċirkonċiżjoni lil binha u dak li qatgħet messitu maʼ saqajh* u qalet: “Int sirt żewġi permezz taʼ dan id-demm.” 26  Għalhekk Alla ħallieh imur. Minħabba ċ-ċirkonċiżjoni, hi qalet, “Sirt żewġi permezz tad-demm.” 27  Imbagħad Ġeħova qal lil Aron: “Mur fid-deżert biex tiltaqaʼ maʼ Mosè.” Għalhekk, hu mar u ltaqaʼ miegħu fuq il-muntanja tal-Alla l-veru u biesu. 28  U Mosè qal lil Aron il-kliem kollu taʼ Ġeħova u qallu wkoll dwar is-sinjali kollha li kien ikkmandah jagħmel. 29  Imbagħad Mosè u Aron telqu u ġabru lill-anzjani* kollha tal-Iżraelin. 30  Aron qalilhom il-kliem kollu li Ġeħova kien qal lil Mosè, u għamel is-sinjali quddiem għajnejn in-nies. 31  In-nies emmnu, u meta semgħu li Ġeħova kien se jgħin lill-Iżraelin u li hu kien ra t-tbatija tagħhom, mielu u nxteħtu fl-art quddiemu.

Noti taʼ taħt

Jew “tirrapreżenta lil Alla għalih.”
Letteralment “iwebbes qalbu.”
Jistaʼ jirreferi għat-tifel taʼ Mosè.
Jew “sikkina taż-żnied.”
Jistaʼ jirreferi għal saqajn l-anġlu.