Eżodu 17:1-16
17 Il-ġemgħa kollha tal-Iżraelin telqet mid-deżert taʼ Sin, timxi minn post għal ieħor, skont l-ordni taʼ Ġeħova, u kkampjat f’Refidim. Imma n-nies ma kellhomx x’jixorbu.
2 Għalhekk, in-nies bdew jargumentaw maʼ Mosè u jgħidulu: “Agħtina l-ilma x’nixorbu.” Imma Mosè qalilhom: “Għala qed targumentaw miegħi? Għala tibqgħu tgħaddu lil Ġeħova minn prova?”
3 Imma n-nies qabadhom għatx kbir hemmhekk, u komplew igergru kontra Mosè u jgħidu: “Għala ħriġtna mill-Eġittu? Biex toqtol lilna, lit-tfal tagħna, u lill-bhejjem tagħna bil-għatx?”
4 Fl-aħħar, Mosè talab lil Ġeħova: “X’għandi nagħmel b’dawn in-nies? Ftit ieħor u jwaddbuli l-ġebel biex joqtluni!”
5 Imbagħad Ġeħova qal lil Mosè: “Għaddi minn quddiem in-nies u ħu miegħek lil xi wħud mill-anzjani* t’Iżrael u l-bastun tiegħek li bih tajt daqqa fuq l-ilma tax-Xmara Nil. Ħudu f’idek u ibqaʼ miexi.
6 Jien inkun wieqaf hemmhekk quddiemek fuq il-blata f’Ħoreb. U int trid tagħti daqqa fuq il-blata, u l-ilma joħroġ minnha, u n-nies jixorbu.” Mosè għamel hekk quddiem l-anzjani t’Iżrael.
7 Għalhekk, il-post semmieh Massah* u Meriba* minħabba li l-Iżraelin argumentaw maʼ Mosè u minħabba li għaddew lil Ġeħova minn prova billi qalu: “Ġeħova qiegħed magħna jew le?”
8 Imbagħad ġew l-Għamalekin u ġġieldu kontra Iżrael f’Refidim.
9 Minħabba f’hekk, Mosè qal lil Ġożwè: “Agħżlilna rġiel u oħroġ iġġieled kontra l-Għamalekin. Għada jien se noqgħod fuq nett tal-għolja bil-bastun tal-Alla l-veru f’idi.”
10 Imbagħad Ġożwè għamel bħalma qallu Mosè, u ġġieled kontra l-Għamalekin. U Mosè, Aron, u Ħur telgħu fuq nett tal-għolja.
11 Sakemm Mosè kien iżomm idejh mgħollijin, kienu jirbħu l-Iżraelin, imma malli jniżżel idejh, jibdew jirbħu l-Għamalekin.
12 Meta jdejn Mosè bdew jegħjew, ġabulu ġebla u hu poġġa fuqha. Wara, Aron u Ħur żammewlu jdejh ’il fuq, wieħed minn naħa u l-ieħor min-naħa l-oħra. B’hekk idejh baqgħu sodi sakemm niżlet ix-xemx.
13 Għalhekk, Ġożwè rebaħ lill-Għamalekin bix-xabla.
14 Ġeħova issa qal lil Mosè: “Ikteb dan bħala tifkira fil-ktieb u għidu lil Ġożwè, ‘Se neqred għalkollox lill-Għamalekin minn fuq wiċċ l-art,* u jintesew.’”
15 Imbagħad Mosè bena artal u semmieh Ġeħova-nissi,*
16 għax qal: “Peress li id Għamalek hi kontra t-tron taʼ Jah, Ġeħova se jiggwerra kontrih minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.”
Noti taʼ taħt
^ Ifisser “Għaddew minn Prova; Prova.”
^ Ifisser “Argumenti.”
^ Letteralment “minn taħt is-smewwiet.”
^ Ifisser “Ġeħova Hu l-Arblu Tiegħi Bħala Sinjal.”

